16. L-Għarfien tat-tifsira tal-ġisem u tal-innoċenza oriġinarja

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 30/01/1980.

1. Ir-realtà tar-rigal u tal-att tal-għotja, indikata fl-ewwel kapitli tal-Ġenesi bħala kontenut li minnu jikkonsisti l-misteru tal-ħolqien, jikkonferma li r-radjazzjoni tal-imħabba hija parti integranti minn dan l-istess misteru.

L-imħabba biss toħloq it-tajjeb u hija biss tistà, fl-aħħar minn l-aħħar, tintwera fid-dimensjonijiet u fil-profili kollha tagħha fil-ħwejjeġ maħluqa, speċjalment fil-bniedem. Il-preżenza tagħha hija kważi r-riżultat finali ta’ dik l-ermenewtika (ix-xjenza tal-interpretazzjoni tal-iskrittura) tar-rigal, li qegħdin nikkonkludu hawn. L-hena oriġinarju, il-“bidu” beatifikanti tal-bniedem li Alla ħalaq “raġel u mara” (Ġen1:27), is-sinifikat “matrimonjali” tal-ġisem fl-għera oriġinarja tiegħu – dan kollu jesprimi l-għeruq tiegħu fl-Imħabba.

Din l-għotja konsistenti tmur lura sal-għeruq l-iktar profondi tal-għarfien u tas-subkoxjenza, sal-aħħar livelli tal-eżistenza suġġettiva tat-tnejn, tar-raġel u tal-mara.  Din l-għotja hi riflessa fl-“esperjenza” reċiproka tagħhomtal-ġisem, u “tagħti xhieda tal-għeruq tagħha fl-Imħabba.” L-ewwel versi tal-Bibbja jitkellmu dwarha tant li ma jħallu ebda dubju. Huma ma jitkellmux biss dwar il-ħolqien tad-dinja u tal-bniedem fid-dinja, imma wkoll dwar il-grazzja, jiġifieri dwar il-komunikazzjoni tal-qdusija, dwar ir-radjazzjoni tal-Ispirtu, li jipproduċi stat speċjali ta “spiritwalizzazzjoni” f’dak il-bniedem, li fil-fatt kien l-ewwel wieħed. Fil-lingwaġġ bibliku, jiġifieri fil-lingwaġġ tar-Rivelazzjoni, l-aġġettiv “l-ewwel” tfisser appuntu “ta’ Alla”: “Adam, l-iben ta’ Alla” (Ara: Lq 3:38).

2. L-hena qed ikollu għeruqu fl-imħabba. L-hena oriġinarju jkellimna dwar il-“bidu” tal-bniedem li ġej mill-Imħabba u li ta bidu għall-imħabba.  Dan seħħ b’mod irrevokabbli, minkejja d-dnub li ġie wara u minkejja l-mewt. Fi żmienu Kristu kellu jkun xhud ta’ din l-Imħabba irreversibbli tal-Ħallieq u Missier, li kien diġà wrieha fil-misteru tal-ħolqien u fil-grazzja tal-innoċenza oriġinarja.  U għalhekk ukoll il-“bidu” komuni tar-raġel u tal-mara, jiġifieri l-verità oriġinarja ta’ ġisimhom fil-maskilità u l-femminilità, li għalih Ġenesi 2:25 jiġbed l-attenzjoni tagħna, ma jagħrafx il-mistħija. Dan il-“bidu” jistà jiġi definit ukoll bħala l-immunità oriġinarja u beatifikanti mill-mistħija bħala riżultat tal-imħabba.

Il-bażi tal-innoċenza oriġinarja

3. Din l-immunità tidderiġina lejn il-misteru tal-innoċenza oriġinarja tal-bniedem.  Hija l-misteru tal-eżistenza tiegħu, qabel l-għarfien tat-tajjeb u l-ħażin u kważi “’il barra” minn hekk.  Il-fatt li l-bniedem eżista b’dan il-mod, qabel ma nkiser l-ewwel patt mal-Ħallieq tiegħu, jappartieni għall-milja tal-misteru tal-ħolqien. Kif diġà għedna, il-ħolqien huwa rigal lill-bniedem. Il-milja u d-dimensjoni l-iktar profonda tiegħu hija ddeterminata mill-grazzja, jiġifieri  mill-parteċipazzjoni fil-ħajja interjuri ta’ Alla nnifsu, fil-qdusija tiegħu.  Fil-bniedem, din hija wkoll il-bażi interna u sors tal-innoċenza oriġinarja tiegħu. Huwa b’dan il-kunċett – u b’mod iktar preċiż  b’dak ta’ “ġustizzja oriġinarja” – li t-teoloġija tiddefenixxi l-istat tal-bniedem qabel id-dnub oriġinali.

F’din l-analiżi tal-“bidu” li qegħdin nagħmlu, u li twittilna t-toroq li huma indispensabbli għall-fehim tat-teoloġija tal-ġisem, hemm bżonn li nieqfu naħsbu ftit fuq il-misteru tal-istat oriġinarju tal-bniedem.  Dak t-għarfien tal-ġisem – jew aħjar,  l-għarfien tas-sinifikat tal-ġisem – li qegħdin nippruvaw nisħqu fuqu permezz tal-analiżi tal-“bidu”,  jirrivela il-pekuljarità tal-innoċenza oriġinarja.

Dak li jintwera l-aktar, forsi f’Ġenesi 2:25 b’mod dirett, huwa appuntu l-misteru ta’ din l-innoċenza li r-raġel u l-mara oriġinali t-tnejn iġorru ġo fihom. Ġisimhom stess hu, b’xi mod, “xhud” ta’ din il-karatteristika.  Huwa sinifikattiv li l-affermazzjoni li nsibu f’Ġenesi 2:25 – dwar l-għera nieqsa b’mod reċiproku mill-mistħija – hija espressjoni unika tax-xeħta tagħha fil-Bibbja kollha, hekk li qatt ma nsibuha rripetuta iktar.  Għall-kuntrarju, nistgħu nikkwotaw bosta testi, li fihom l-għera tiġi marbuta mal-mistħija jew saħansitra, f’sens iktar qawwi, ma’ “għajb kbir”[1].

Id-dimensjoni tal-grazzja

F’dan il-kuntest wiesà jidhru b’mod aktar ċar ir-raġunijiet biex f’Ġenesi 2:25 niskopru ħjiel partikulari tal-misteru tal-innoċenza oriġinarja u fattur partikulari tar-radjazzjoni tagħha fis-suġġett uman. Din l-innoċenza tappartieni lid-dimensjoni tal-grazzja li tinsab fil-misteru tal-ħolqien, jiġifieri lil dak ir-rigal misterjuż magħmul għall-intimu tal-bniedem – għall-“qalb” umana – li jippermetti lit-tnejn, ir-raġel u l-mara, li jeżistu mill-“bidu” fir-relazzjoni reċiproka tal-għotja diżinteressata tagħhom infushom.

F’dan tinsab miġbura r-rivelazzjoni u, fl-istess ħin, l-iskoperta tas-sinifikat “matrimonjali” tal-ġisem fil-maskilità u l-femminiltà tiegħu. Wieħed jifhem għaliex, f’dan il-każ, qegħdin nitkellmu dwar rivelazzjoni u fl-istess ħin dwar skoperta. Mill-punto di vista tal-analiżi tagħna, huwa essenzjali li l-iskoperta tas-sinifikat matrimonjali tal-ġisem, li naqraw fix-xhieda tal-Ktieb tal-Ġenesi, isseħħ permezz tal-innoċenza oriġinarja. Fil-fatt, din l-iskoperta tirrivela u tesponi din tal-aħħar.

Ir-rettitudni oriġinaja

4. L-innoċenza oriġinarja tappartjeni lill-misteru tal-“bidu” uman, li minnu l-bniedem “storiku” mbagħad infired bit-twettiq tad-dnub oriġinali. Iżda dan ma jfissirx li huwa ma jistax jersaq lejn dak il-misteru permezz tal-għarfien teoloġiku tiegħu.

Il-bniedem “storiku” jipprova jifhem il-misteru tal-innoċenza oriġinarja kważi permezz ta’ kuntrast, jiġifieri billi jmur lura wkoll għall-esperjenza tad-dnub tiegħu u tal-ħażen tiegħu[2]. Huwa jfittex li jifhem l-innoċenza oriġinarja bħala karatteristika essenzjali għat-teoloġija tal-ġisem, billi jitlaq mill-esperjenza tal-mistħija.  Infatti, l-istess test bibliku jiddiriġieh lejn din it-triq.  L-innoċenza oriġinarja hija, mela, dik li “radikalment”, jiġifieri fl-għeruq tagħha stess, teskludi l-mistħija tal-ġisem fir-relazzjoni raġel-mara.  Hi telimina l-bżonn tagħha fil-bniedem, f’qalbu, jew aħjar fil-kuxjenza tiegħu.

L-innoċenza oriġinarja titkellem fuq kollox dwar ir-rigal tal-Ħallieq.  Titkellem dwar il-grazzja li għamlitha possibbli għall-bniedem li jesperjenza t-tifsira tal-għotja primarja tad-dinja u b’mod partikulari is-sens tal-għotja reċiproka tal-wieħed lill-oħra permezz tal-maskilità u l-femminilità f’din id-dinja. Madankollu, din l-innoċenza donnha qabel xejn tirreferi għall-istat interjuri tal-“qalb” umana, tar-rieda umana. Almenu b’mod indirett, fiha hemm inkluża r-rivelazzjoni u l-iskoperta tal-kuxjenza morali tal-bniedem – ir-rivelazzjoni u l-iskopeta tad-dimensjoni sħiħa tal-kuxjenza.  Ovvjament dan kien qabel l-għarfien tat-tajjeb u tal-ħażin. F’ċertu sens, din għandha tiġi mifhuma bħala rettitudni oriġinarja.

Is-safa tal-qalb

5. Fil-priżma “a posteriori storika” tagħna, qegħdin infittxu, mela, li nibnu mill-ġdid, f’ċertu sens, il-karatteristika tal-innoċenza oriġinarja mifhuma bħala kontenut tal-esperjenza reċiproka tal-ġisem bħala esperjenza tas-sinifikat matrimonjali tiegħu (skont ix-xhieda ta’ Ġenesi 2:23-25). Billi l-hena u l-innoċenza huma parti mill-qafas tal-komunjoni tal-persuni, bħallikieku din kienet kwistjoni ta’ żewġ fili konverġenti tal-eżistenza tal-bniedem fl-istess misteru tal-ħolqien, l-għarfien beatifikanti tas-sinifikat tal-ġisem – jiġifieri tas-sinifikat matrimonjali tal-maskilità u tal-femminilità umani – huwa kkundizzjonat mill-innoċenza oriġinarja.

Hawn aħna nistgħu nifhmu dik l-innoċenza oriġinarja bħala “safa tal-qalb” partikulari, li tippreserva ċerta fedeltà interna għar-rigal skont is-sinifikat matrimonjali tal-ġisem. Konsegwentement, l-innoċenza oriġinarja, mifhuma b’dan il-mod, timmanifesta ruħha bħala xhieda kalma tal-kuxjenza li (f’dan il-każ) tiġi qabel kull esperjenza tat-tajjeb u tal-ħażin.   Madankollu din ix-xhieda serena tal-kuxjenza hija xi ħaġa ferm iktar beatifikanti. Wieħed jistà jgħid, infatti, li l-għarfien tas-sinifikat matrimonjali tal-ġisem, fil-maskilità u l-femminilità tiegħu, isir “umanament” beatifikanti biss permezz ta’ din ix-xhieda.

Għal dan is-suġġett – jiġifieri għar-rabta li, fl-analiżi tal-“bidu” tal-bniedem, tidher bejn l-innoċenza tiegħu (is-safa tal-qalb) u l-hena tiegħu – niddedikaw il-meditazzjoni li jmiss.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Rivedut minn Carm C. Cachia

Tista’ ssib it-test oriġinali bit-Taljan mis-sit tas-Santa Sede … http://www.vatican.va/holy_father/john_paul_ii/audiences/index_it.htm


[1] L-“għera”, fis-sens ta “nuqqas ta’ lbies”, fil-Lvant Nofsani tal-qedem kienet tfisser l-istat ta’ umiljazzjoni kbira ta’ bnedmin neqsin mil-libertà: l-ilsiera, il-priġunieri tal-gwerra jew l-ikkundannati, dawk li ma kinux igawdu il-protezzjoni tal-liġi. L-għera tan-nisa kienet meqjusa bħala diżunur (ara, p.eż., it-theddid tal-profeti: Os 1,2 e  23,26.29). Il-bniedem ħieles, attent għad-dinjità tiegħu, ried jilbes sewwa.  iktar ma lbiesu kien ikun ikaxkar warajh, iktar kienet tkun kbira d-dinjità tiegħu (ara, p.eż., il-kapott ta’ Ġużeppi, li qanqal l-għira ta’ ħutu; jew tal-Fariżej, li kienu jtawlu l-kfief ). It-tieni sinifikat tal-“għera”, f’sens ewfemistiku, kellu x’jaqsam mal-att sesswali. Il-kelma Ebrajka cerwat tfisser vojt spazjali (p.eż., tal-pajsaġġ), nuqqas ta’ lbies,  inżigħ, imma ma kellha xejn fiha li hu ta’ mistħija.

[2] Infatti nafu li l-liġi hija spiritwali, imma jien tad-demm u l-laħam, mibjugħ lid-dnub. Ma nafx x’jien nagħmel: naf li mhux dak li rrid nagħmel, imma dak li nobgħod … Issa, mela, mhux iktar jien li qiegħed nagħmel dan, iżda d-dnub li hemm jgħammar ġewwa fija.  Naf li t-tajjeb ma jgħammarx fija, jiġifieri f’ġismi. Ir-rieda tajba  qiegħda hemm fija, imma li nagħmel it-tajjeb mhux hemm. M’iniex nagħmel it-tajjeb li rrid imma l-ħażin li ma rridx.  Jekk jien nagħmel sewwa sew dak li ma rridx, mhux jien li qiegħed nagħmlu imma d-dnub li hemm jgħammar fija.  Inħoss din il-liġi ġewwa fija: meta rrid nagħmel it-tajjeb ifeġġ quddiemi l-ħażin.  Skont il-bniedem ta’ ġewwa, togħġobni l-liġi ta’ Alla; iżda nilmaħ fil-membri ta’ ġismi, liġi oħra titqabad kontra l-liġi ta’ moħħi u tjassarni taħt il-liġi tad-dnub li hemm ġo ġismi.  Imsejken bniedem li jien!  Min se jeħlisni minn dan il-ġisem tal-mewt?” (Rm 7:14-15.17-24; ara: “Video meliora proboque, deteriora sequor“: Ovidio, Metamorph., VII, 20).