17. Ir-rigal tal-ġisem joħloq komunjoni awtentika

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali – 06/02/1980.

1. Inkomplu neżaminaw dak il-“bidu”, li għalih irrefera Ġesù fid-djalogu tiegħu mal-Fariżej dwar it-tema taż-żwieġ.

Din ir-riflessjoni titlobna mmorru ’l hemm mill-għatba tal-istorja tal-bniedem u li naslu sal-istat tal-innoċenza oriġinarja. Biex nifhmu s-sinifikat ta’ din l-innoċenza, irridu, b’xi mod, nieħdu bħala bażi tagħna l-esperjenza tal-bniedem “storiku”, ix-xhieda ta’ qalbu u l-kuxjenza tiegħu.

Magħquda mal-innoċenza

2. Filwaqt li nsegwu l-linja “a posteriori”, ejjew nippruvaw nibnu mill-ġdid il-karatteristika tal-innoċenza oriġinarja miġbura fl-esperjenza reċiproka tal-ġisem u tas-sinifikat matrimonjali tiegħu, skont Ġenesi 2:23-25. Is-sitwazzjoni deskritta hawn tirrivela l-esperjenza beatifikanti tas-sinifikat tal-ġisem, li, fl-ambitu tal-misteru tal-ħolqien, il-bniedem jakkwista fil-kumplimentarjetà ta’ dak li huwa maskil u femminil fih.  Madankollu, fl-għeruq ta’ din l-esperjenza għandu jkun hemm il-libertà interjuri tar-rigal, marbuta fuq kollox mal-innoċenza. Ir-rieda umana hija oriġinarjament innoċenti u, b’dan il-mod, hija faċilitata ir-reċiproċità u l-bdil tar-rigal tal-ġisem, skont il-maskilità u l-femminilità tiegħu, bħala rigal tal-persuna. Konsegwentement, l-innoċenza li tagħha Ġenesi 2:25 hu xhieda, tistà tkun definita bħala innoċenza tal-esperjenza reċiproka tal-ġisem.

Is-sentenza: “It-tnejn li kienu għarwiena, ir-raġel u martu, u ma kinux jistħu minn xulxin”, tesprimi proprju din l-innoċenza reċiproka fl-“esperjenza tal-ġisem”. Din l-innoċenza tispira l-bdil interjuri tar-rigal tal-persuna.  F’din ir-relazzjoni reċiproka, din tirrealizza b’mod konkret is-sinifikat matrimonjali tal-maskilità u l-femminilità.  Hekk, mela, biex nifhmu l-innoċenza tal-esperjenza reċiproka tal-ġisem, hemm bżonn li nippruvaw niċcaraw fiex tikkonsisti l-innoċenza interjuri fil-bdil tar-rigal tal-persuna.  Dan il-bdil jikkostitwixxi, infatti, is-sors veru tal-esperjenza tal-innoċenza.

L-aċċettazzjoni reċiproka

3. Nistgħu ngħidu li l-innoċenza interjuri (jiġifieri, ir-rettitudni tal-intenzjoni) fil-bdil tar-rigal tikkonsisti fl-“aċċettazzjoni” reċiproka tal-ieħor, b’tali mod li tikkorrispondi mal-essenza tar-rigal.  B’dan il-mod, l-għotja reċiproka toħloq il-komunjoni tal-persuni.  Għalhekk, din hija kwistjoni ta’ li wieħed “jilqà” lill-esseri uman l-ieħor u li “jaċċettah”.  Dan hu hekk għaliex, f’din ir-relazzjoni reċiproka li dwarha jitkellem Ġenesi 2:23-25, ir-raġel u l-mara jsiru rigal għal xulxin, permezz tal-verità u x-xhieda kollha ta’ ġisimhom, fil-maskilità u l-femminilità tiegħu. Din, mela, hija kwistjoni ta’ “aċċettazzjoni” jew “merħba” li tesprimi u ssostni, fl-għera reċiproka, is-sinifikat tar-rigal.  Allura, din tapprofondixxi id-dinjità reċiproka tiegħu. Din id-dinjità tikkorrispondi, b’mod profound, mal-fatt li l-Ħallieq ried (u għadu jrid) lill-bniedem, maskil u femminil, “għalih innifsu”.  L-innoċenza “tal-qalb”, u konsegwentement, l-innoċenza tal-esperjenza, tfisser parteċipazzjoni morali fl-att etern u permanenti tar-rieda ta’ Alla.

Il-kuntrarju ta’ din il- “merħba” jew “aċċettazzjoni” tal-esseri uman l-ieħor bħala rigal hemm iċ-ċaħda tal-istess rigal.  Allura dan ikun ifisser il-bidla, u saħansitra riduzzjoni, tal-persuna l-oħra għal “oġġett għalija nnifsi” (oġġett ta’ konkupixxenza, ta’ miżapproprjazzjoni, eċċ).

Issa m’aħniex se nidħlu fid-dettal f’din il-preżunta antitesi f’ħafna forom tar-rigal.  Madankollu, fil-kuntest ta’ Ġenesi 2:23-25, nistgħu ninnutaw li din l-użu abbużiv tar-rigal tal-esseri uman l-ieħor (tal-mara mir-raġel u viċi-versa) u li jirriduċih interjurment għal sempliċi “oġġett tiegħi”, għandu jimmarka l-bidu tal-mistħija. Dan tal-aħħar, infatti, jikkorrispondi għal theddida mogħtiha lir-rigal fl-intimità personali tiegħu u tixhed il-kollass interjuri tal-innoċenza fl-esperjenza reċiproka.

L-għoti jsir accettazzjoni

4. Skont Ġenesi 2:25, “ir-raġel u martu … ma kinux jistħu minn xulxin”. Minn dan nistgħu nikkonkludu li l-bdil tar-rigal, li fih ħadet sehem l-umanità kollha tagħhom, ruħ u ġisem, femminilità u maskilità, irrealizza ruħu billi żamm il-karatteristika interjuri (jiġifieri, appuntu, l-innoċenza) tal-għotja tiegħu nnifsu u tal-aċċettazzjoni mill-parti l-oħra bħala rigal. Dawn iż-żewġ funzjonijiet tal-bdil reċiproku huma marbutin b’mod profond fil-proċess kollu “tal-għotja tal-persuna nnifisha bħala rigal”.  L-għotja u l-aċċettazzjoni tar-rigal jidħlu f’xulxin b’mod li l-istess għotja ssir l-aċċettazzjoni, u l-aċċettazzjoni tinbidel f’għotja.

Tiskopri lilha nnifisha mill-ġdid

5.  Ġenesi 2:23-25 jippermettilna niddeduċu li l-mara, li fil-misteru tal-ħolqien “ġiet mogħtija” lir-raġel mill-Ħallieq, tiġi “milqugħa” grazzi għall-innoċenza oriġinarja.  Fi kliem ieħor, hi tiġi aċċettata mir-raġel bħala rigal.  It-test bibliku huwa ċar u limpidu għal kollox f’dan il-punt.  Fl-istess ħin, l-aċċettazjoni tal-mara mir-raġel u l-mod stess li bih tiġi aċċetta minnu, isiru bħallikieku l-ewwel għotja. Il-mara, waqt li tingħata (sa minn l-ewwel waqt li fih, fil-misteru tal-ħolqien, hija “ngħatat” lir-raġel mill-Ħallieq), “tiskopri lilha nnifisha” fl-istess ħin.  Dan iseħħ għaliex hi ġiet aċcettata u milqugħa u bis-saħħa tal-mod li bih ġiet aċċettata u milqugħa mir-raġel.  

Hija mela ssib lilha nfisha fl-istess għotja tagħha nnifisha “permezz ta’ rigal sinċier tagħha nfisha” (ara: Gaudium et Spes, 24), meta tiġi aċċettata bħalma riedha l-Ħallieq, jiġifieri “għaliha nfisha”, permezz tal-umanità u l-femminilità tagħha.  Meta f’din l-aċċettazzjoni tiġi assikurata d-dinjità kollha tar-rigal, permezz tal-offerta ta’ dak li l-mara hi fil-verità kollha tal-umanità tagħha u fir-realtà kollha ta’ ġisimha u s-sess tagħha, tal-femminilità tagħha, hi tilħaq il- profondità interna tal-persuna tagħha u l-pussess sħiħ tagħha nfisha.

Inżidu li dan: li wieħed isib lilu nnifsu fl-għotja tiegħu nnifsu, dan isir nixxiegħa ta’ għotja ġdida tiegħu nnifsu. Hekk jikber bis-saħħa tad-dispożizzjoni interna għall-bdil tar-rigal u d-daqs li bih jissodisfa l-istess aċċettazzjoni u l-merħba (jekk mhux aċċettazzjoni u merħba aktar porfondi) bħala frott ta’ għarfien dejjem akbar tar-rigal innifsu.

Komunjoni awtentika tal-persuni

6. Jidher li t-tieni rakkont tal-ħolqien attribwixxa lill-bniedem, “sa mill-bidu”, il-funzjoni ta’ min, fuq kollox, jirċievi ir-rigal (ara: Ġen 2:23). “Sa mill-bidu”, il-mara hiafdata għal għajnejh, għall-għarfien tiegħu, għas-sensittività tiegħu, għall-“qalbu”.  Mill-banda l-oħra, hu jrid, b’xi mod, jassigura l-istess proċess tal-bdil tar-rigal, l-interpenetrazzjoni reċiproka tal-għoti u r-riċeviment bħala rigal. Huwa preċiżament permezz tar-reċiproċità tiegħu li hu joħloq komunjoni awtentika ta’ persuni.

Fil-misteru tal-ħolqien, il-mara kienet dik li “ingħatat” lir-raġel.  Min-naħa tiegħu, waqt li laqagħha bħala rigal fil-verità kollha ta’ persunitha u tal-femminilità tagħha, ir-raġel ikun qiegħed jagħniha aktar. Fl-istess ħin hu ukoll ikun qiegħed jistagħna permezz ta’ din ir-relazzjoni reċiproka.  Ir-raġel jistagħna mhux biss permezz tagħha, meta tirregalalu l-persuna u l-femminilità tagħha, imma wkoll permezz tal-għotja tiegħu nnifsu.  Meta jagħti lilu nnifsu bi tweġiba għall-għotja tal-mara, ir-raġel ikun qiegħed jagħmel lilu nnifsu aktar għani. Dan jimmanifesta l-essenza speċifika tal-maskilità tiegħu li, permezz tar-realtà tal-ġisem u tas-sess, tilħaq l-aktar irkejjen profondi tal-“pussess tiegħu nnifsu”. Bis-saħħa ta’ dan huwa jkun kapaċi mhux biss li jagħti lilu nnifsu, imma anke li jirċievi r-rigal tagħha.

Ir-raġel, mela, mhux biss jaċċetta hu r-rigal, imma fl-istess ħin hu jiġi milqugħ bħala rigal mill-mara, fir-rivelazzjoni tal-essenza spiritwali interjuri tal-maskilità tiegħu, flimkien mal-verità kollha ta’ ġismu u tas-sess tiegħu. Aċċettat b’dan il-mod, huwa jistagħna permezz ta’ din l-aċċettazzjoni u din il-merħba għal dan ir-rigal tal-maskilità tiegħu. Sussegwentement, din l-aċcettazzjoni, li fiha r-raġel isib lilu nnifsu permezz “tal-għotja sinċiera tiegħu nnifsu”, issir fih nixxiegħa li permezz tagħha l-mara tistagħna mill-ġdid u b’mod aktar profond. Il-bdil hu reċiproku, u fih jiġu rrivelati u jikbru l-effetti reċiproċi tar-“rigal sinċier” u tas-“sejbien mill-ġdid tal-bniedem tiegħu nnifsu”.

B’dan il-mod, waqt li nsegwu l-mogħdija tal- a posteriori strorika – u fuq kollox waqt li nsegwu l-passi tal-qlub umani – nistgħu nirriproduċu u, bħalli kieku, nibnu mill-ġdid dak il-bdil reċiproku tar-rigal tal-persuna, li kien deskritt fit-test antic ta’ Ġenesi, bħala daqshekk għani u profond.

Miġjub għall-Malti minn Emanuel Zarb.

Ara test oriġinali bit-Taljan:

http://www.vatican.va/holy_father/john_paul_ii/audiences/index_it.htm