Ma rriżulta l-ebda każ pożittiv


Kemm nieħdu gost meta nisimgħu jew naqraw din l-aħbar! Għax, u kollu santu ċajt, din il-misħuta ta’ Covid-19 ġabet tbatija fuqna ilkoll kemm aħna! Min kellu jissakkar id-dar u, l-għaliex xiħ jew xiħa, jew l-għaliex vulnerabbli f’saħħtu u f’saħħitha, ma setax joħroġ għall-arja ta’ barra. Jew kellu jinqafel jaħdem mid-dar prattikament bla ħinijiet! Kien hemm min l-għaliex xogħlu jiddependi fuq it-turiżmu spiċċa bla xogħol. U min għal ħaġa u min għal oħra!

Nifhimha li hawn min jifraħ issa li m’huma jinstabu l-ebda każi. U nifhem ukoll l-għaliex hawn min, il-ferħ tiegħu, jfissru f’xi kaxxa nfernali ta’ kuluri ikkuluriti. Ejjew ma ninsewx imma li l-għajnuna kbira li ngħatat waqt il-pandemija tal-coronavirus kienet ukoll ikkulurita. L-isforz kien ta’ kulħadd. L-għaliex ġiet minn ħafna bnadi. Għalhekk kemm jolqtoni d-diskors li kien għamel Papa Franġisku fi Pjazza San Pietru nhar il-Ġimgħa 27 ta’ Marzu 2020, sulu sulu, quddiem id-dinja kollha, meta qal:

“U nistgħu nħarsu lejn l-eżempju ta’ tant sħabna fil-vjaġġ, li, fil-biża’, irreaġixxew billi taw ħajjithom stess. Hija l-qawwa ħawtiela tal-Ispirtu msawba u magħġuna f’għotjiet kuraġġjużi u ġenerużi. Hija l-ħajja tal-Ispirtu li kapaċi tifdi, tagħti valur u turi kif il-ħajja tagħna hi minsuġa u mwieżna minn persuni komuni – is-soltu minsija – li ma jidhrux fit-titli tal-ġurnali u tar-rivisti u lanqas fuq il-palkijiet tal-isfilati kbar tal-aħħar shows imma, bla dubju ta’ xejn, illum qegħdin jiktbu l-ġrajjiet deċiżivi tal-istorja tagħna: tobba, infermiera, ħaddiema fis-supermarkets, dawk li jieħdu ħsieb it-tindif, dawk li jduru bil-morda, il-bdoti tal-merkanzija, il-forzi tal-ordni, voluntiera, saċerdoti, reliġjużi u tant u tant oħrajn li fehmu li ħadd ma jista’ jsalva waħdu. Quddiem it-tbatija, fejn jitkejjel il-veru żvilupp tal-popli tagħna, niskopru u ngħixu t-talba saċerdotali ta’ Ġesù: “biex ikunu lkoll ħaġa waħda” (Ġw 17:21). Kemm persuni ta’ kuljum iħaddmu s-sabar u jxerrdu t-tama, u jaraw li ma jiżirgħux paniku imma korresponsabbiltà. Kemm missirijiet, ommijiet, nanniet, għalliema juru lil uliedna, b’ġesti ċkejkna u ta’ kuljum, kif għandhom jaffrontaw u jgħixu kriżi billi jaddattaw id-drawwiet tagħhom, jerfgħu ħarsithom u jħeġġu fit-talb. Kemm persuni jitolbu, joffru u jinterċedu għall-ġid ta’ kulħadd. It-talb u l-qadi fis-skiet: dawn huma l-armi rebbieħa tagħna.”

Sabiħ hux meta l-għajnuna tingħata mingħajr sfilati u fanfarunati! Jew coverage mill-gazzetti. Minn persuni li, l-għaliex qalbhom f’idejhom, faċli daqs tazza ilma li jiġu minsija. U midrusa minn oħrajn li jkunu mejta biex isimhom jissemma fuq il-midja! Għax donnhom bravi ħafna aktar mill-bqija! Imma, jekk dawn huma minsija mill-opinjoni pubblika tal-bniedem li, taħdem kemm taħdem għaliha meta tiġieha d-daqqa tagħha xorta tfajjarhielek bla ħniena ta’ xejn, kemm hu aktar għaqli li wieħed jipprova jogħġob lill-opinjoni pubblika eterna u li ma titbiddel qatt. Lil dik l-opinjoni pubblika li qatt ma tbiddel fehmitha fuqek. Għax tħobbok għal dak li int! U mhux għal dak li fesfsulha f’widnejha. U, għax tħobbok għal dak li int, għandha fiduċja kbira fik li se twettaq, bil-grazzja tal-Mulej, dak il-ġid li jagħmlek tassew int. Is-sewwa! Għalhekk fuq l-opinjoni pubblika ta’ Alla Trinità, Ommna Marija, l-Anġli u l-Qaddisin oqgħod. Għax, u wara kollox, l-opinjoni ta’ dawn hi l-verità. Għax ħadd u xejn ma jista’ jibdlilhom fehmiethom fuqek. Jgħidu kemm jgħidu kontrik l-għedewwa tiegħek! Mela, kuraġġ sieħbi!

Għalhekk, waqt li qiegħdin, bil-grazzja tal-Mulej, ikollna dawn ir-riżultati tant sbieħ dwar il-Covid-19, għax ħadd m’hu jirriżulta pożittiv għal dan il-virus misħut, ejjew nitolbu, nilbsu l-maskra jew il-visor u nżommu d-distanza soċjali mill-Covid-19 spiritwali taż-żina, faħx, nuqqas ta’ rażan, idolatrija, seħer, mibegħda, ġlied, għira, korla, ambizzjoni, firda, partiti, invidja, sokor, tbahrid, u ħwejjeġ bħal dawn (Gal 5:19-21). Għax dan il-virus tal-Covid-19 spiritwali, li għandu dawn is-sintomi u għadd ta’ sintomi oħra, idgħajfilna s-sistema immunitarja tagħna li nirreżiżtu l-ħażen biex inħobbu u nħobbu aktar.

Filwaqt li nibqgħu nifirħu u nirringrazzjaw lill-Mulej l-għaliex, bil-għajnuna li qed jagħti lill-professjonisti tagħna fil-qasam tas-saħħa qed jgħinna negħlbu dan il-virus ħa nerġgħu nirpiljaw soċjalment, ekonomikament u kulturalment ejjew nitolbuh ukoll ħalli jgħinna nwarrbu l-virus tal-ħażen minn ġo nofsna ħa nkunu b’saħħitna spiritwalment.

Jaħasra, mank tasal dik il-ġurnata fejn, minn fuq il-mezzi kollha tax-xandir, f’din l-art ħelwa, l-omm li tagħtna isimha, nistgħu ngħidu, bil-ferħ kollu: MA IRRIŻULTA L-EBDA KAŻ POŻITTIV GĦALL-ĦAŻEN!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.