Lezzjoni II: San Stiefnu tal-Ungerija

16 ta’ Awwissu: Lezzjoni II: San Stiefnu tal-Ungerija

TIFKIRA

Twieled fil-Pannonja għall-ħabta tas-sena 969; irċieva l-Magħmudija u fis-sena 1000 sar sultan. Mas-sudditi tiegħu kien ġust u twajjeb, iħobb is-sliem; kien kollu reqqa fil-ħarsien tal-liġijiet tal-Knisja u fit-tħabrik għall-ġid tas-sudditi. Waqqaf ħafna episkopati, u kien tal-aqwa għajnuna għall-ħajja ekkleżjali. Miet fi Szekesfehėrvar fl-1038.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mit-Twissijiet ta’ San Stiefnu lil ibnu

(Cap 1:2. 10)

Isma ibni, it-Tagħlim ta’ missierek

L-ewwelnett, ibni l-għażiż, jekk trid tagħmel ġieħ lill-kuruna tas-sultan, nordnalek u rridek tqis u tifhem li għandek tħares il-fidi kattolika u appostolika, u tħarisha b’tant ħerqa li tkun ta’ eżempju għall-poplu kollu li Alla iqgħedlek taħtek, hekk li l-kleru kollu bir-raġun iżommok b’raġel ta’ ħajja tassew nisranija; għax kun af li, jekk ma tkunx hekk, la tista’ tgħid li int nisrani u lanqas iben tal-Knisja. Għax fil-palazz tas-sultan l-ewwel post wara l-fidi tieħdu l-Knisja, li Kristu, ir-ras tagħna, żeragħha, u mbagħad il-membri tiegħu, jiġifieri l-Appostli u l-Missirijiet qaddisa, ħawluha, qegħduha fuq pedament sod, u xerrduha fid-dinja kollha. Għalkemm hija tnissel dejjem ulied ġodda, f’xi postijiet titqies bħala antika.

Imma fis-saltna tagħna, ibni għażiż, għadha tixxandar qisha żagħżugħa u ġdida. U għalhekk tenħtieġ iżjed min iħarisha bl-għaqal u bid-dieher. Qis, mela, li ma tintelaqx u ma tkunx għażżien u bla ħsieb, biex ma jiġix fix-xejn il-ġid li, fit-tjieba tiegħu, Alla tana bla ma jistħoqqilna.

Ini maħbub, għaxqa ta’ qalbi, tama ta’ nisli, nitolbok u rridek li tkun kollok kemm inti tjieba, f’kollox u ma’ kulħadd, mhux biss ma’ niesek u qrabatek, mal-prinċpijiet u l-kbarart u l-għonja, mal-ġirien u n-nies tal-pajjiż, imma kun twajjeb ukoll mal-barranin u ma’ kull min jiġi għandek. Għax it-tħabrik fit-tjieba iwasslek fl-aqwa hena. Kun ħanin ma’ dawk kollha li huma magħfusin u żomm dejjem fil-qiegħ ta’ qalbek dak l-eżempju tal-Mulej: Ħniena rrid u mhux sagrifiċċju. Stabar b’kulħadd, mhux biss ma’ min għandu s-setgħa, iżda wkoll ma’ min ma jista’ xejn.

U fl-aħħarnett kun qawwi, biex la terfa’ rasek iżżejjed fir-riżq it-tajjeb, u lanqas tintrema fir-riżq il-ħażin. Kun ukoll umli, biex Alla jgħollik issa u ‘l quddiem. Żomm ruħek fi-qjies u tikkastigax u tikkundanna lil ħadd aktar milli jmiss. Kun qalbek ħelwa, u teħodha qatt kontra l-ġustizzja. Kun onest ma’ kulħadd, u qis li qatt minn rajk ma tonqos lil xi ħadd mill-ġieħ. Kun mistħi, biex tbiegħed minnek kull intiena ta’ ġibdiet ħżiena bħalma wieħed jaħrab it-tehdid tal-mewt.

Dawn il-ħwejjeġ li semmejtlek iżejnulek il-kuruna ta’ sultan; mingħajrhom ħadd ma jista’ jsaltan fuq din l-art, anqas ma jasal fis-saltna ta’ dejjem.

RESPONSORJU                                                                                                    ara Tob 4:8; Sir 35:11a, 12a

1. Agħti karità kemm tista’; *Jekk għandek ħafna, agħti ħafna; jekk għandek ftit, tibżax tagħti mill-ftit li għandek.

2. Kull meta tagħti, uri wiċċ ferħan, u agħti lil Alla l-Għoli kif jagħtik hu. * Jekk għandek ħafna, agħti ħafna; jekk għandek ftit, tibżax tagħti mill-ftit li għandek.

Talba

 O Alla li tista’ kollox, agħtina li San Stiefnu tal-Ungerija mill-glorja tas-sema jiddefendi l-Knisja tiegħek kif kien iħabrek biex ikabbarha meta kien jsaltan f’din l-art.