Qari tal-Quddies tat-Tnejn tal-I ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

L-Ewwel Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
It-Tnejn

QARI I
Alla kellimna permezz ta’ Ibnu.
Lhud 1, 1-6

Qari mill-Ittra lil-Lhud

Alla fl-imgħoddi kellem lil missirijietna ħafna drabi u b’ħafna manjieri permezz tal-profeti. Issa f’dan l-aħħar żmien, huwa kellimna permezz ta’ Ibnu, li hu għamlu werriet ta’ kollox, u li bih ukoll għamel il-ħolqien.

Hu, l-Iben, li hu d-dija tal-glorja ta’ Alla u x-xbieha tal-essenza tiegħu, u li jżomm id-dinja kollha bil-kelma setgħana tiegħu, wara li naddafna minn dnubietna, qagħad fuq il-lemin tal-kobor ta’ Alla fl-għoli tas-smewwiet, u b’hekk sar daqshekk aqwa mill-anġli daqskemm ogħla minn tagħhom hu l-isem li kiseb.

Għax lil min mill-anġli qatt qal Alla: “Inti ibni, jiena llum nissiltek?”. Jew: “Jiena nkun missieru, u hu jkun ibni?”.

Imbagħad, hu u jdaħħal ’l Ibnu l-Kbir fid-dinja, jgħid ukoll: “Ħa jqimuh l-anġli kollha ta’ Alla”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 96 (97), 1 u 2b.6 u 7ċ.9

R/. (ara 7ċ): Naduraw lill-Mulej flimkien mal-anġli tiegħu

Il-Mulej isaltan! Ħa taqbeż l-art bil-ferħ,
u jifirħu l-ħafna gżejjer!
Is-sewwa u l-ħaqq is-sisien tat-tron tiegħu. R/.

Ixandru s-smewwiet il-ġustizzja tiegħu;
jaraw il-popli kollha s-sebħ tiegħu.
Quddiemu jinxteħtu l-allat kollha! R/.

Għax int, Mulej, inti l-Għoli,
’il fuq mill-art kollha,
ogħla ħafna mill-allat. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Mk 1, 15

Hallelujah. R/. Hallelujah
Iż-żmien huwa mitmum u s-Saltna ta’ Alla waslet, jgħid il-Mulej:
indmu u emmnu fl-Evanġelju.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Indmu u emmnu fl-Evanġelju.
Mk 1, 14-20

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

Wara li arrestaw lil Ġwanni, Ġesù mar il-Galilija jxandar l-Evanġelju ta’ Alla u jgħid: “Iż-żmien huwa mitmum, u s-Saltna ta’ Alla waslet; indmu u emmnu fl-Evanġelju”.

Waqt li kien għaddej ma’ xatt il-baħar tal-Galilija, lemaħ lil Xmun u ’l ħuh Indrì qegħdin ikalaw ix-xbiek fil-baħar, għax kienu sajjieda. U Ġesù qalilhom: “Ejjew warajja, u nagħmel minnkom sajjieda tal-bnedmin”. U minnufih telqu x-xbiek, u marru warajh.

Wara li mexa ftit ieħor ra lil Ġakbu ta’ Żebedew u lil ħuh Ġwanni fid-dgħajsa qegħdin isewwu x-xbiek, u minnufih sejħilhom. U huma telqu lil missierhom Żebedew fid-dgħajsa mal-lavranti, u marru warajh.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu