Lectio Divina tat-18-il Ħadd. Sena “A”

Print Friendly, PDF & Email

Vanġelu (Mt 14, 13-21):  Ftit noti ta’ qabel: (a) Hawn min isejjaħ dis-silta “Il-multiplikazzjoni tal-ħobż.”  Ġesu m’għamilx multiplikazzjoni imma wera lid-dixxipli x’għandhom  jagħmlu biex kull bniedem ikollu x’jiekol,  i.e. qabad il-ħobż  u l-ħut u “radd il-ħajr.”  Imbagħad tahom lid-dixxipli biex huma jqassmuh lin-nies.

Anki llum Ġesu jrid li nsolvu l-problema tal-ġuħ billi, l-ewwel u qabel kollox, nitolbu. (b) Fil-Vanġelu nsibu sitt rakkonti tal-istess ġrajja b’ċerti dettalji jvarjaw. Dan għax kull Evanġelista rrakkonta bil-mod tiegħu sinjal mogħti minn Ġesu biex jgħaddilna messaġġ importanti għal ħajjitna: kif nitgħallmu nwettqu miraklu. Ġesu se jgħallimna kif, basta nafdaw fih.  (ċ) Inżommu quddiem għajnejna li n-numri (5000, 5, 2, 12) għandhom sinifikat bibliku, u li l-messaġġ ċentrali hu l-isfida biex aħna nwettqu prodiġju billi neqirdu l-ġuħ mid-dinja.  (d) Is-silta tal-lum ma titkellimx fuq “il-Ħobż tal-Ħajja”. Dan se nisimgħu fuqu aktar tard.

  • Fil-festa tal-Għid, il-Lhud kienu jfakkru l-ħruġ tagħhom mill-jasar għall-ħelsien. Ġesu llum qed iħeġġiġhom li issa jistgħu jqassmu l-ġid materjali b’mod li ħadd ma jibqa’ bil-ġuħ.  Il-folla llum qasmet min-naħa għall-oħra tal-baħar biex jimxu wara Ġesu, għax raw l-għeġubijiet li qed iwettaq.  L-istess kif kienu għamlu missirijiethom wara Mose’ meta qasmu l-Baħar tal-Qasab.  Ġesu llum iwissi lill-folla li reġgħet waqgħet ilsira meta taħtaf kemm tiflaħ il-ġid materjali.  Jiħtieġ “titla’ l-għoljiet” ma’ Ġesu biex terġa’ tikseb il-ħelsien minn dil-forza ta’ ħażen, u tkun tista’ taqsam ġidha mal-fqar. Ma jistax ikun li 1% tal-popolazzjoni dinjija jibqgħu aktar sinjuri mid-99% l-oħra.  Dan mhux il-pjan t’Alla.  Qabel ma kulħadd jaċċetta li l-ġid kollu materjali hu t’Alla, u misluf biss lilna, se nibqgħu fil-jasar u bil-faqar.  Ġesu jipproponi dinja ġdida u kif naslu għaliha.  Irid li anki f’din il-ħajja t’issa kulħadd jgħix ferħan.  Il-ġid li jipprovdilna Alla jrid jinqasam ġustament bejn kulħadd.
  • “Ġesu ra kotra ta’ nies u tħassarhom” għax dejjem jara il-bżonnijiet tan-nies. Dan ġest ta’ qaddej li jistenna kmand minn għand sidu. Ġesu jridna nkunu qaddejja li moħħna dejjem ikun kif se ngħinu lill-proxxmu. Mhux biss naqtgħulu l-ġuħ u l-għatx imma wkoll meta “kont bla dar, għeri, marid, il-ħabs, imkeċċi minn familti, maħqur inġustament, eċċ”. Dawn huma kollha forom ta’ ġuħ.
  • “Ibgħathom in-nies ħa jmorru fl-irħula jixtru x’jieklu.” Ġesu jġarrab lid-dixxipli għax jirraġunaw bħalna: meta jaqbadna l-ġuħ, immorru nixtru ħobża. Bil-flus insolvu kull tip ta’ ġuħ. Il-kummerċ hu neċessarju imma fl-antik ( u llum ukoll) aktar ma tal-ħanut jagħraf il-bżonn ta’ l-ieħor, aktar jgħolli l-prezz. Mela bil-flus mhux se jitwettaq il-prodiġju li bih ma jibqa’ ebda forma ta’ ġuħ u biex id-dinja ssir ġenna tal-art.  L-istint jgħidlek: “Rekken u akkumula kemm tiflaħ,” imma “r-regħba hi l-għerq ta’ kull ħażen” (1 Tim).  Ġesu jisfida lid-dixxipli biex ibiddlu r-raġunar tal-kummerċ fil-loġika tal-Vanġelu, i.e. il-ġid kollu hu t’Alla u għandu jinqasam indaqs bejn kulħadd.  Kuljum naraw kemm ir-regħba twassal għall-gwerer, refuġjati, biki u disperazzjoni.
  • (a) Fi Ġwanni nsibu lil Filippu jikkalkula li b’dinar kont tagħti loqma ħobż sew lil tnax-il ruħ. Mela mitejn dinar mhux se jkunu biżżejjed għal dik il-folla. Ħafna minna jikkuntentaw li jagħtu ftit ċenteżmi darba fis-sena lil xi fqir, jew fil-Ġurnata Missjunarja. B’hekk mhux se tinħoloq dinja ġdida. (b) F’Luqa nsibu li t-tnax qalu lil Ġesu: “Għid lin-nies imorru fl-irħula tal-qrib isibu l-kenn u l-ikel, “i.e. kulħadd jirranġa għal rasu.” Kieku għamlu hekk, min wasal l-ewwel u kellu l-flus kien jinqeda, imma l-fqar u l-anzjani kienu jibqgħu b’xejn.
  • “Hawn m’għandniex ħlief ħames ħobżiet u żewġ ħutiet,” i.e. kellhom dubju kemm se jservu. (a) Hu daqsxejn ta’ tfajjel (l-aħħar wieħed tas-soċjeta’) li joffri kull m’għandu għad-dispożizzjoni ta’ kulħadd. Dan hu simbolu ta’ kif għandu jkun dixxiplu: ipoġġi ħinu u ġidu għas-servizz tal-proxxmu. (b) “Dawn x’inhuma għal daqstant nies?” Anki aħna llum insaqsu: “Kif nistgħu neqirdu l-ġuħ mid-dinja?” U hekku t-tweġiba: “Ħa l-ħobż u l-ħut , radd il-ħajr u qassmu lin-nies  bilqiegħda.”  Il-kelma użata ma tfissirx bilqiegħda imma sdrajjati, i.e. kif kienu joqogħdu għall-ikla tal-Għid biex jesprimu l-liberta’ (b’ġembejhom mhux imħażżmin). Mela biex iseħħ il-prodiġju hemm bżonn (i) li d-dixxiplu jipproponi sens ta’ liberta’ lin-nies, li jiksbuha billi jiċħdu l-egoiżmu tagħhom. Inkella jibqgħu skjavi; (ii) li n-nies kielu fuq il-ħaxix ifakkarna f’Salm 23: “Il-Mulej hu r-ragħaj tiegħi, xejn ma jonqosni. F’mergħat kollha ħdura Hu jrejjaqni.” Din xbieha tal-ġenna tal-art; (iii) “Refa’ għajnejh ‘il fuq u radd il-ħajr.” Aħna wkoll irridu ta’ spiss nerfgħu għajnejna ‘l fuq biex niftakru li kollox hu t’Alla.  Aħna mhux is-sidien u m’għandniex nikkapparraw ġid kemm nifilħu.  Aħna mistednin biex nużaw kemm niħtieġu.  B’hekk ngħinu biex il-liġijiet tal-kummerċ ma jibqgħux jiħraxu, u ndaħħlu mentalita’ ta’ gratwita’ u ġenerożita’. “Aħna ma ġibna xejn magħna f’did-dinja u mhux se nieħdu xejn magħna la nitilqu” (1 Tim).
  • “U ġabru l-bċjjeċ li fadal…” Lezzjoni għalina biex ma naħlux. Id-dinja tal-Punent qed tarmi b’750 miljardi ta’ Ewro ta’ ikel.  Dan jista’ jitma n-nies fqar tad-dinja għal erba’ darbiet.  Jekk ħadd ma jaħli l-ġid provdut  minn Alla, il-prodiġju li ma jkunx hawn iżjed ġuħ fid-dinja jseħħ.
  • Ġesu wettaq sinjal imma n-nies ma fehmux. Riedu jagħmluh re biex, meta jkollhom bżonn miraklu, jkun hemm.  Mhux din hi ukoll l-ideja li xi wħud minna għandna ta’ Ġesu?  Għalhekk ħarab minn din l-ideja.  In-nies insew li l-prodiġju beda bi tfajjel li ta kulma kellu ( ħamsa u tnejn jagħmlu sebgħa, numru li jfisser perfett, kollox).  Kellhom bżonn jagħmlu bħalu  biex huma jwettqu l-prodiġju, mhux jintelqu fl-għażż u jippretendu li Ġesu joqgħod jagħmel il-magic.

Sors: lachiesa,it/liturgia/omelie/padrefernandoarmellini

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: