119. Il-Pożizzjoni tal-Knisja dwar it-Trażmissjoni tal-Ħajja

Print Friendly, PDF & Email

Katekeżi mill-Papa Ġwanni Pawlu II dwar it-Teoloġija tal-Ġisem. Udjenza Ġenerali –  22/08/1984.

1. Liema hija l-essenza tad-duttrina tal-Knisja dwar it-trażmissjoni tal-ħajja fil-komunità konjugali, ta’ dik id-duttrina li kienet infakkra mill-kostituzzjoni pastorali tal-Konċilju Gaudium et Spes u mill-enċiklika Humanae Vitae  tal-Papa Pawlu VI?

Il-problema tinsab fiż-żamma tar-rapport adegwat  bejn dak li jiġi definit “dominju . . . tal-qawwiet tan-natura” (Pauli VI, Humanae Vitae, 2) u l-“padronanza tagħha nfisha” (Ibid., 21) indispensabbli għall-persuna umana. Il-bniedem kontemporanju jimmanifesta t-tendenza li jittrasferixxi il-metodi propji tal-ewwel qasam għal dawk tat-tieni. “Il-bniedem wettaq progressi stupendi fid-dominju u fl-organizzazzjoni razzjonali tal-qawwiet tan-natura – naqraw fl-enċiklika – tant li jittanta jestendi dan id-dominju għall-esseri globali tiegħu stess: għall-ġisem, għall-ħajja psikika, għall-ħajja soċjali u saħansitra għal-liġijiet li jirregolaw it-trażmissjoni tal-ħajja” (Ibid., 2).

Tali estensjoni tal-isfera tal-mezzi ta’ dominju . . . tal-qawwiet tan-natura”, thedded il-persuna umana, għal liema il-metodu tal-“padronanza tagħha stess” huwa u jibqà speċifiku. Hi – il-padronanza tagħha stess – infatti tikkorrispondi għall-kostituzzjoni fundamentali tal-persuna: hija appuntu metodu naturali”. Iżda t-traspożizzjoni tal-“mezzi artifiċjali” tkisser id-dimensjoni kostituttiva tal-persuna, iċċaħħad il-bniedem mis-soġġettività li hija propju tiegħu u tagħmel minnu oġġett ta’ manipulazzjoni.

2. Il-ġisem uman mhux biss il-kamp ta’ rejazzjoni ta’ karattru sesswali, imma huwa, fl-istess ħin, il-mezz ta’ espressjoni tal-bniedem integrali, tal-persuna, li jirrivela lilu nnifsu permezz tal-“lingwaġġ tal-ġisem”. Dan il-“lingwaġġ” għandu sinifikat interpersonali mportanti, speċjalment fejn jidħlu r-rapporti reċiproċi bejn ir-raġel u l-mara. Jekk xejn, l-analiżi preċedenti tagħna juru li f’dan il-każ il-“lingwaġġ tal-ġisem” għandu jesprimi,  f’livell deċiżiv, il-verità tas-sagrament.  Waqt li jipparteċipa fil-pjan etern ta’ mħabba “Sacramentum absconditum in Deo” il-“lingwaġġ tal-ġisem” isir infatti kważi “profetiżmu tal-ġisem”.

Wieħed jistà jgħid li l-enċiklika Humanae Vitae twassal għall-konsegwenzi estremi, mhux biss loġiċi u morali, imma wkoll prattiċi u pastorali, din il-verità dwar il-ġisem uman fil-maskulinità u l-femminilità tiegħu.

3. L-għaqda taż-żewġ aspetti tal-problema – tad-dimensjon sagramentali (jew aħjar tejoloġika) u ta’ dik personalistika – tikkorrispondi għar-“rivelazzjoni tal-ġisem” globali. Minn hawn toħroġ ukoll il-konnessjoni tal-viżjoni strettament tejoloġika ma dik l-etika, li tfakkar il-“liġi naturali”.

Is-soġġett tal-liġi naturali huwa nfatti l-bniedem mhux biss fl-aspett “naturali” tal-eżistenza tiegħu, imma wkoll fil-verità integrali tas-soġġettività personali tiegħu. Huwa jimmanifesta ruħu, fir-rivelazzjoni, bħala maskju u femmina, fil-vokazzjoni sħiħa tiegħu temporali u eskatoloġika. Huwa msejjaħ minn Alla biex ikun xhud u interpretu tal-pjan etern tal-imħabba, billi jsir ministru tas-sagrament, li “sa mill-bidu” huwa kostitwit fis-sinjal tal-“għaqda tal-ġisem”.

4. Bħala ministri ta’ sagrament li jikkostitwixxi lilu nnifsu permezz tal-kunsens u jipperfezzjona lilu nnifsu permezz tal-għaqda konjugali, ir-raġel u l-mara huma msejħa biex jesprimu dak il-misterjuż “lingwaġġ” ta’ ġisimhom fil-verità kollha li hija propja tagħhom. Permezz tal-ġesti u tar-rejazzjoni, permezz tad-dinamiżmu kollu, reċiprokament kondizzjonat, mit-tensjoni u mill-pjaċir – li s-sors dirett tiegħu huwa l-ġisem fil-maskulinità u l-femminilità tiegħu, il-ġisem fl-azzjoni u l-interazzjoni tiegħu – permezz ta’ dan kollu “jitkellem” il-bniedem, il-persuna.

Ir-raġel u l-mara jiżvolġu fil-“lingwaġġ tal-ġisem” dak id-djalogu li – skont il-Ġenesi (Ġen 2, 24-25) – kellu bidu fil-jum tal-ħolqien. Huwa appuntu fil-livell ta’ dan il-“lingwaġġ tal-ġisem” – li huwa xi ħaġa iktar mir-reattività sesswali biss u li, bħala lingwaġġ awtentiku tal-persuni, huwa sottomess għall-esiġenzi tal-verità, jiġifieri għar- regoli morali oġġettivi – ir-raġel u l-mara jesprimu b’mod reċiproku lilhom infushom fil-mod l-iktar sħiħ u l-iktar profond, in kwantu huwa permess lilhom mill-istess dimensjoni somatika . . . maskulinità u femminilità: ir-raġel u l-mara jesprimu lilhom infushom sal-punt tal-verità kollha tal-persuna tagħhom.

5. Il-bniedem huwa appuntu persuna għaliex huwa padrun tiegħu nnifsu u jiddomina lilu nnifsu. U għaliex huwa padrun tiegħu innifsu jistà “jirregala” lilu nnifsu lill-ieħor. U hija din id-dimensjoni tal-libertà tad-don – li ssir essenzjali u deċiżiva għal dak il-“lingwaġġ tal-ġisem, li fih ir-raġel u l-mara jesprimu lilhom infushom b’mod reċiproku fil-għaqda konjugali. Meta tqis li din hija komunjoni ta’ persuni, il-“lingwaġġ tal-ġisem” irid ikun iġġudikat skont il-kriterju tal-verità. Propju tali kriterju jfakkar l-enċiklika Humanae Vitae, kif inhu kkonfermat mis-siltiet ikkwotati qabel.

6. Skont il-kriterju ta’ din il-verità, li għandha tesprimi lilha nfisha fil-“lingwaġġ tal-ġisem”, l-att konjugali “jfisser” mhux biss l-imħabba, imma wkoll il-fertilità potenzjali, u għalhekk ma jistax ikun imċaħħad mis-sinifikat sħiħ u adegwat tiegħu permezz ta’ interventi artifiċjali. Fl-att konjugali mhux leċitu tifred artifiċjalment is-sinifikat unittiv mis-sinifikat prokrejattiv, għaliex il-wieħed u l-ieħor jappartjenu għall-verità intima tal-att konjugali. Il-wieħed jattwa flimkien mal-ieħor u f’ċertu sens il-wieħed permezz tal-ieħor. Hekk tgħallem l-enċiklika (cf.Humanae Vitae, 12). Mela f’tali każ l-att konjugali imċaħħad mill-verità nterna tiegħu, minħabba li mċaħħad artifiċjalment mill-qawwa prokrejattiva tiegħu, jieqaf ukoll milli jkun att ta’ mħabba.

7. Wieħed jistà jgħid li fil-każ ta’ separazzjoni artifiċjali ta’ dawn iż-żewġ sinifikati, fl-att konjugali titwettaq għaqda reali korporja, imma hi ma tikkorrispondix mal-verità nterna u mad-dinjità tal-komunjoni personali: “communio personarum”. Tali komunjoni infatti tesiġi li l-“lingwaġġ tal-ġisem” ikun espress b’mod reċiproku fil-verità ntegrali tas-sinifikat tagħha. Jekk din il-verità tkun nieqsa, wieħed ma jkunx jistà jitkellem la dwar il-verità tad-don reċiproku u tal-aċċettazzjoni reċiproka tagħha da parti tal-persuna. Tali vjolazzjoni tal-ordni nterna tal-komunjoni konjugali, li tgħaddas għeruqha fl-ordni stess tal-persuna, tikkostitwixxi il-ħażin essenzjali tal-att kontraċettiv.

8. L-imsemmija nterpretazzjoni tad-duttrina morali, esposta fl-enċiklika Humanae Vitae titpoġġa fuq l-isfond vast tar-riflessjonijiet marbutin mat-tejoloġija tal-ġisem. Speċjalment validi għal din l-interpretazzjoni huma r-riflessjonijiet dwar is-“sinjal” fejn jidħol iż-żwieġ, intiż bħala sagrament. U n-nuqqas tal-vjolazzjoni li tiddisturba l-ordni ntern tal-att konjugali ma tistax tkun intiża b’mod tejoloġikament adegwat, mingħajr ir-riflessjonijiet dwar it-tema tal-“konkupixxenza tal-ġisem”.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb

%d bloggers like this: