Illum il-Knisja tfakkar lil San Ġwann Marija Vianney


Fl-4 ta’ Awwissu l-Knisja tfakkar lil San Ġwann Marija Vianney, Saċerdot li għex bejn is-snin 1786 sa 1859.

Ġannmari Vianney twieled ħdejn Lyon, Franza, fl-1786, tliet snin qabel ir-Rivoluzzjoni Franċiża. Ta’ 13-il sena rċieva l-Ewwel Tqarbina bil-moħbi fir-razzett ta’ missieru waqt li l-ħaddiema baqgħu jaħdmu bħas-soltu biex ma jiġbdux l-attenzjoni tal-Awtorità Rivoluzzjonarja.

Fl-1804, meta kellu 18-il sena wera lil missieru x-xewqa li jsir qassis. Sa dan iż-żmien kien jaħdem fir-razzett ta’ missieru. Sentejn wara beda jattendi skola żgħira li Abbé Balley kien fetaħ għall-abbatini.

Fl-1809, sejħulu bil-lieva, iżda wara ftit ħalla.

Fl-1811, daħal is-Seminarju biex jibda l-filosofija, u fl-1813 beda t-teoloġija. Fl-istudju ma kien tajjeb xejn iżda fil-qdusija kien jgħaddi lil kulħadd. Kien mudell ta’ żagħżugħ tajjeb. Fl-1815, ta’ 29 sena ħa l-Quddiesa, u mar bħala assistent ta’ Abbé Balley.

Fl-1817, intbagħat bħala Kappillan tar-raħal ta’ Ars, b’370 ruħ li kellhom antipatija kbira lejn ir-reliġjon. Ħafna minnhom ma kinux jisimgħu quddies. Kienu mehdijin wisq bil-ħwejjeġ tad-dinja. Fir-raħal kien hemm numru ta’ ħwienet tax-xorb u tad-divertiment.

Bil-mod, bit-talb, bil-viżti lill-familji u b’attivitajiet reliġjużi, huwa rnexxielu jikkonverti ħafna minnhom u l-ħwienet tax-xorb u tad-divertiment bdew jagħlqu.

Fl-1824, bil-għajnuna ta’ żewġ xebbiet fetaħ skola b’xejn għall-bniet li wara saret l-istitut magħruf “La Providence,” għat-tfal orfni u abbandunati. Dawk li kienu jieħdu ħsiebu ma kellhomx salarju.

Il-fama qaddisa ta’ dan il-qassis ħarġet barra mir-raħal u xterdet fil-bogħod saħansitra barra Franza. Ars sar ċentru tal-pellegrinaġġi. Wasal żmien meta kienu jaslu f’Ars iktar minn tliet mitt pellegrin kuljum, għonja u foqra, qaddisin u midinbin, kbarat u mhumiex. Kien iqatta’ tnax-il siegħa kuljum fil-konfessinarju fix-xitwa, u sittax-il siegħa fis-sajf.

Il-Kurat ta’ Ars, kif kien sar magħruf, għamel 42 sena f’din il-ħajja, sakemm miet fl-4 ta’ Awwissu, 1859. Il-kanonizazzjoni tiegħu għamilha l-Papa XI fl-1925.

Aktar dettalji
Is-superjuri tiegħu billi kienu jafu kemm moħħu ma jtihx, bagħtuh f’Ars għax qalu li hemm żgur ma setax jagħmel ħsara. F’dan il-post, il-knisja kienu jmorru xi ftit nisa xjuħ, in-nies kienu jaħdmu nhar ta’ Ħadd, jiskru u jħobbu jiżfnu. Wara għaxar snin, dan ir-raħal inbidel, saru konverżjonijiet u fejqan tal-għaġeb. Il-kurat kien iħabbar il-ġejjieni u jaqra l-qlub tan-nies. Huwa kien jitlob u jsum u jqarar ħafna. Kien jorqod biss xi tlieta jew erba’ sigħat. Kienu jiġu għall-pariri tiegħu bosta u bosta nies minn kull naħa ta’ Franza, tant li l-gvern kellu jwassal il-linji tal-ferrovija sa hemm.

Minkejja li kien miżmum b’qaddis minn ħafna, kien hemm oħrajn li kienu jippruvaw iwaqqgħuh għaċ-ċajt minħabba n-nuqqas ta’ għerf tiegħu. Għal 30 sena kien ukoll molestat spiss minn attakki tax-xitan li żgur ma kienx jaħmel jara dawk il-konverżjonijiet kollha jsiru f’riġlejn il-qaddis. Kien miġbud ħafna għall-ħajja iebsa tal-Kartużjani, u tliet darbiet ittanta jaħrab mill-parroċċa biex imur magħhom. Irrifjuta l-unuri kollha li riedu jagħtuh fl-aħħar snin ta’ ħajtu. Meta ġabulu l-Vjatku qal: “Kemm hija ħaġa ta’ niket li titqarben għall-aħħar darba!” Il-Papa Piju, erba’ snin wara li għamlu qaddis, ħatru Patrun tal-Kappillani.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.