Qari tal-Quddies tal-Erbgħa tas-VI ġimgħa tal-Għid


Stampa t-test tal-qari …

Is-Sitt Ġimgħa tal-Għid
L-Erbgħa

QARI I
Dak li intom tqimuh bla ma tagħrfuh, inħabbarhulkom jien
Atti 17, 15.22 – 18, 1

Qari mill-Ktieb tal-Atti tal-Appostli

F’dak iż-żmien, dawk li marru ma’ Pawlu wassluh sa Ateni. Imbagħad reġgħu lura, bl-ordni għal Sila u Timotju biex imorru ħdejh mill-aktar fis. Imbagħad Pawlu, wieqaf f’nofs l-Arjopagu, qabad jitkellem: “Irġiel ta’ Ateni, qiegħed nara li intom f’kollox nies mill-aktar reliġjużi. Jien u għaddej u nħares lejn ix-xbihat qaddisa tal-qima tagħkom, sibt ukoll altar b’din il-kitba fuqu: “Lil alla mhux magħruf”. Għalhekk, dak li intom tqimuh bla ma tagħrfuh, inħabbarhulkom jien. Alla, li għamel id-dinja u kulma fiha, u li hu sid is-sema u l-art, ma joqgħodx f’tempji maħduma bl-idejn, anqas ma jqimuh b’offerti minn idejn il-bniedem bħallikieku kienet tonqsu xi ħaġa, hu, li jagħti lil kulħadd il-ħajja u n-nifs u kollox. Minn bniedem wieħed għamel il-ġens kollu tal-bnedmin biex jgħammru fuq wiċċ l-art kollha, u qassmilhom bil-qjies iż-żminijiet u t-truf tal-art fejn għandhom jgħammru; u dan għamlu biex huma jfittxu lil Alla u forsi jħossuh b’idejhom u jsibuh; u tassew, hu mhuwiex ’il bogħod minn kull wieħed minna. Aħna fih ngħixu, nitħarrku u aħna; u, kif qalu xi wħud mill-poeti tagħkom: “Aħna tassew nisel tiegħu”. Mela ladarba aħna nisel ta’ Alla, ma għandniex naħsbu li hu jixbah lid-deheb jew lill-fidda jew lill-ħaġar, qisu xbieha ġejja minn sengħet u moħħ il-bniedem. Alla għalaq għajnejh sakemm il-bnedmin kienu għadhom ma jafux; issa għarrafhom li kulħadd għandu jindem, hu fejn hu. Għax hu għażel jum li fih għandu jagħmel ħaqq ġust mid-dinja permezz ta’ bniedem li ħatru hu; u ta’ dan kollu ta prova quddiem kulħadd billi lilu qajmu mill-imwiet”.

Malli semgħu kliemu fuq il-qawmien mill-imwiet, xi wħud minnhom bdew jidħku; iżda oħrajn qalu: “Nerġgħu nisimgħuk fuq dan darb’oħra”. Hekk Pawlu ħareġ minn ġo nofshom. Imma xi wħud issieħbu miegħu u emmnu; fost dawn kien hemm ukoll Djonisju l-Arjopagita u waħda mara jisimha Damari u oħrajn magħhom. Wara dan, Pawlu ħalla Ateni u mar Korintu.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 148, 1-2.11-12ab.12ċ-13a.13bċd-14

R/. Is-smewwiet u l-art mimlija bil-glorja tiegħek
jew: Hallelujah, hallelujah, hallelujah

Faħħru l-Mulej mis-smewwiet,
faħħruh fl-ogħla smewwiet!
Faħħruh, anġli tiegħu kollha,
faħħruh, eżerċti tiegħu kollha! R/.

Is-slaten tal-art u l-ġnus kollha,
il-kbarat u l-imħallfin kollha tal-art,
iż-żgħażagħ u x-xbejbiet ukoll,
ix-xjuħ flimkien mat-tfal:
ħa jfaħħru isem il-Mulej. R/.

Għax ismu waħdu l-għoli,
sebħu ’l fuq mill-art u s-sema!
Hu għolla l-qawwa tal-poplu tiegħu;
dan hu t-tifħir għal ħbiebu kollha,
għal ulied Iżrael, il-poplu għażiż tiegħu. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Ġw 14, 16

Hallelujah. R/. Hallelujah
Jien nitlob lill-Missier, u hu jagħtikom Difensur ieħor
biex jibqa’ magħkom għal dejjem.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
L-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha.
Ġw 16, 12-15

Qari mill-Evanġelju skont San Ġwann

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Baqagħli ħafna ħwejjeġ x’ngħidilkom, imma għalissa ma tifilħux għalihom. Meta jiġi hu, l-Ispirtu tal-verità, iwassalkom għall-verità kollha; għaliex hu ma jgħid xejn minn tiegħu, imma jgħid dak li jisma’, u jħabbrilkom il-ġejjieni. Hu jagħtini glorja, għaliex jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom. Dak kollu li għandu l-Missier huwa tiegħi. Għalhekk għedt li jieħu minn dak li hu tiegħi u jħabbru lilkom”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu