Fl-14 ta’ Awwissu l-Knisja tfakkar lil San Massimiljanu Marija Kolbe, Saċerdot u Martri li għex bejn is-snin 1894 sa 1941.
Dan il-Qaddis twieled fis-7 ta’ Jannar tas-sena 1894 f’Zdunska-Wola, fil-Polonja, bl-isem ta’ Rajmond.
Fl-1907, Rajmond u ħuh Franġisku qasmu l-fruntiera u marru f’Leopoli, l-Awstrija biex jistudjaw fil-Kulleġġ tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali. Fl-1910, Rajmond beda n-novizzjat magħhom, u fl-istess waqt bidel ismu f’Massimiljan. Sena wara għamel il-professjoni reliġjuża. Fl-1912, intbagħat Ruma biex jistudja l-Filosofija u t-Teoloġija.
Fl-1914, għamel il-professjoni solenni tiegħu, u b’qima lejn il-Madonna żied l-isem “Marija” ma’ Massimiljan.
Fl-1917, flimkien ma’ sitta minn sħabu waqqaf il-“Unjoni Pija tal-Milizzja tal-Immakulata.”
Fit-28 ta’ April tas-sena 1918 ġie ordnat saċerdot, u sena wara malli ħa l-lawrija fit-teoloġija, telaq lejn Krakov fil-Polonja. Hawn ukoll beda l-Milizzja tal-Immakulata. U fl-1922 beda joħroġ rivista, “Il-Kavallier tal-Immakulata,” u wara rivista oħra għat-tfal, “Il-Kavallier Ċkejken.”
Fl-1930, flimkien ma’ erba’ reliġjużi oħra mar il-Ġappun, f’Nagasaki. Hawn ukoll beda joħroġ ir-rivista tal-Kavallier tal-Immakulata.
Fl-1935, reġa’ lura lejn art twelidu. Fl-1939 faqqgħet it-tieni gwerra dinjija, u l-armata Ġermaniża ma damitx ma qabżet il-fruntiera u daħlet fil-Polonja.
Fis-17 ta’ Frar tas-sena 1941 ġie arrestat u fit-28 ta’ Mejju ħaduh fil-kamp tal-konċentrament ta’ Auschwitz fejn, fl-ifran tiegħu ġew maħruqin fuq il-ħames miljun ruħ. Hawnhekk, Patri Kolbe sar numru: 16670. F’Lulju ntbagħat fil-kamp tal-invalidi. Ġara li wieħed mill-priġunieri ħarab u skont il-liġi kiefra tal-kamp, għaxar priġunieri mill-istess blokk tiegħu kellhom jiġu maqtula bil-ġuħ fiċ-ċella tal-mewt.
Is-surġent Franġisk Gajowniczek meta ġie magħżul biex ikun wieħed mill-għaxra għajjat: “Għażiża marti miniex ser narak iżjed! Għeżież uliedi li llum ser issiru ltiema minn missierkom, insellmilkom darba għal dejjem!” Għal dan il-kliem Patri Kolbe ħareġ mil-linja tiegħu, neħħa l-beritta minn rasu, mar quddiem il-kmandant u waqt li wera b’idejh is-surġent, qallu: ”Jiena saċerdot kattoliku mill-Polonja; jiena xiħ; għalhekk irrid nieħu postu għax hu għandu l-mara u t-tfal.”
Patri Kolbe u d-disgħa l-oħra ġew imneżżgħin minn ħwejjiġhom u mitfugħin f’bunker biex imutu bla ikel u bla xorb. Wara ġimagħtejn, sitta kienu mietu, tlieta kienu mitlufin minn sensihom u Patri Kolbe biss kien għadu ħaj u f’sensih. Temmewlu ħajtu b’injezzjoni tal-velenu. Dakinhar kien l-14 ta’ Awwissu tas-sena 1941.
Fl-10 ta’ Ottubru tas-sena 1982, il-Papa Ġwanni Pawlu II iddikjarah Qaddis u Martri.