Missier, aħrilhom


ĠWANNI PAWLU II

UDJENZA ĠENERALI – L-Erbgħa, 16 ta’ Novembru 1988

71. Missier, aħrilhom.

  1. Dak kollu li Ġesù għallem u għamel tul ħajtu mortali jilħaq il-quċċata tal-verità u tal-qdusija fuq is-salib. Il-kliem li Ġesù qal dak il-ħin jikkostitwixxi il-messaġġ tiegħu suprem u definittiv u, fl-istess ħin il-konferma ta’ ħajja qaddisa, mtemma bid-don totali tiegħu nnifsu, b’ubbidjenza lejn il-Missier, għall-fidwa tad-dinja. Dak il-kliem, miġbur minn Ommu u mid-dixxipli preżenti fuq il-Kalvarju, ġie mgħoddi lill-ewwel komunitajiet insara u lill-ġenerazzjonijiet futuri kollha, sabiex jilluminaw is-sinifikat tal-opra feddejja ta’ Ġesù u jispiraw lis-segwaċi tiegħu tul ħajjithom u fil-waqt tal-mewt. Nimmeditaw ukoll aħna dak il-kliem, bħal ma għamlu tant insara, fiż-żmenijiet kollha.
  2. L-ewwel sejba li nagħmlu waqt li nerġgħu naqrawh, hija li hemm fih messaġġ ta’ maħfra. “Missier, aħfrilhom, għaliex ma jafux x’inhuma jagħmlu” (Lq23, 34): skont ir-rakkont ta’ Luqa, din hija l-ewwel kelma ppronunzjata minn Ġesù fuq is-salib. Nistaqsu lilna nfusna minnufih: mhijiex forsi l-kelma li għandna bżonn nisimgħu migħuda għalina?

Imma f’dawk il-kondizzjonijiet ta’ ambjent, wara dawk il-ġrajjiet kollha, quddiem dawk il-bnedmin ħatja talli kienu talbu l-kundanna u li kienu rrabjaw kontra tiegħu, min kien jimmaġina li dik il-kelma kienet se toħroġ minn xuftejn Ġesù? Madankollu l-Vanġelu jagħtina din iċ-ċertezza: mill-għoli tas-salib dwiet il-kelma “maħfra”!

  1. Nilqgħu l-aspetti fundamentali ta’ dak il-messaġġ ta’ maħfra.

Ġesù mhux biss jaħfer, imma jitlob il-maħfra tal-Missier għal dawk li għaddewh għall-mewt, u allura għalina lkoll. Dan huwa s-sinjal tas-sinċerità totali tal-maħfra ta’ Kristu u tal-imħaba li minnha toħroġ. Dan hu fatt ġdid fl-istorja, ukoll f’dik tal-patt. Fit-testment il-qadim naqraw tant testi tas-salmisti li kienu talbu l-vendetta jew il-kastig tal-Mulej għall-għedewwa tagħhom: testi li fit-talb nisrani, ukoll liturġiku, jirrepeti ruħu mhux b’tant ħass tal-bżonn li ninterpretawhom billi naddattawhom għat-tagħlim u l-eżempju ta’ Ġesù, li ħabb ukoll lill-għedewwa. L-istess jistà jingħad għal ċerti espressjonijiet tal-profeta Ġeremija (Ġer 11, 20; 20, 12; 15, 15), u tal-martri Ġudej fil-ktieb tal-Makkabej (cf. 2 Mak 7, 9. 14. 17. 19). Ġesù jaqleb dik il-pożizzjoni fil-preżenza ta’ Alla u jippronunzja altru kliem ieħor. Huwa kien fakkar lil min kien jikkritika l-frekwenza tiegħu mal-“midimbin”, li diġa fit-testment il-qadim, skont il-kelma ispirata, Alla “ried ħniena”  (cf. Mt 9, 13).

  1. Barra minn dan ninnutaw li Ġesù jaħfer minnufih, ukoll jekk l-ostilità tal-avversarji tkompli turi ruħha. Il-maħfra hija l-unika tweġiba tiegħu għall-ostilità tagħhom. U l-maħfra tiegħu hija ndirizzata għal dawk kollha li, nitkellmu umanament, huma responsabbli għall-mewt tiegħu, mhux biss bħala esekuturi, is-suldati, imma dawk kollha viċin u bogħod, fid-dieher u moħbija, li huma ħatja tal-proċediment li wassal għall-kundanna tiegħu u għat-tislib tiegħu. Għalihom ilkoll jitlob maħfra u hekk jiddefendihom quddiem il-Missier, għalhekk l-appostlu Ġwanni wara li jkun irrakkomanda lill-insara biex ma jidinbux iktar, jistà jżid: “Imma jekk xiħadd jidneb, aħna għandna Difensur quddiem il-Missier, lil Ġesù Kristu, il-ġust. U hu jħallas għal dnubietna, mhux għal tagħna biss, iżda wkoll għal dawk tad-dinja kollha” (1 Gv 2, 1-2). F’din il-linja hemm ukoll l-appostlu Pietru, li, fid-diskors lill-poplu ta’ Ġesrusalem, jestendi għal kulħadd l-iskuża tal-“injoranza” (At 3, 17; cf. At 23, 34) u l-offerta tal-maħfra (At 3, 19). Huwa konfortanti għalina lkoll li nkunu nafu li skont l-ittra lil-Lhud, Kristu msallab, saċerdot etern, jibqà għal dejjem dak li interċeda favur il-midimbin li permezz tiegħu jersqu qrib ta’Alla (cf. Eb 7, 25).

Huwa hu d-Difensur u wkoll l-Avukat, il-“Paraklitu” (cf. 1 Gv 2, 1), li fuq is-salib, minflok ma  kixef il-ħtija ta’ dawk li sallbuh, benġilha billi qal li ma kinux jafu x’inhuma jagħmlu. Din hija tjubija ta’ ħaqq: imma wkoll qbil mal-verità reali, dak li hu biss jistà jara f’dawk l-avversarji tiegħu u fil-midimbin kollha: ħafna jistgħu jkunu inqas ħatja minn dak li jidher jew li wieħed jaħseb, u propju minħabba dan ukoll Ġesù għallem biex “ma niġġudikawx”  (cf. Mt 7, 11): issa, fuq il-Kalvarju, huwa jagħmel lilu nnifsu medjatur u difensur tal-midimbin quddiem il-Missier.

  1. Din il-maħfra tas-salib hija x-xbiha u l-bidu ta’ dik il-maħfra, li Kristu jrid iġib għall-umanità kollha permezz tas-sagrifiċċju tiegħu. Biex nimmeritaw din il-maħfra u, fil-pożittiv, il-grazzja li tippurifika u tagħti ħajja divina, Ġesù għamel offerta erojka tiegħu nnifsu għall-umanità kollha. Il-bnedmin kollha, kull wieħed fil-konkretezza tal-jien tiegħu, tat-tajjeb u tal-ħażin tiegħu, huma mela inklużi b’mod potenzjali u, anzi, ta’ min jgħid b’mod intenzjonali fit-talba ta’ Ġesù lill-Missier: “Missier, aħfrilhom”. Ukoll għalina tgħodd bla ebda dubju din it-talba ta’ ħniena, u kważi ta’ fehim ċelesti: “għaliex ma jafux x’inhuma jagħmlu”. Forsi ebda midneb ma jaħrab għal kollox mill-assenza ta’ għarfien u allura mill-iskop ta’ dik it-talba ta’ maħfra li toħroġ mill-qalb ħelwa tal-Kristu moribond fuq is-salib. Dan, madankollu, m’għandu jimbotta lil ħadd biex jgħaddi ż-żmien bil-għana ta’ tali tjubija, ta’ tolleranza u ta’ sabar ta’ Alla, sal-punt li ma jagħrafx li tali tjubija tistiednu għall-konverżjoni (cf.Rm 2, 4). Bl-għebusija ta’ qalbu impenitenti huwa jakkumula r-rabja fuqu nnifsu għal jum tar-rabja u tar-rivelazzjoni tal-ħaqq ġust ta’ Alla (cf. Rm 2, 5). Madankollu għalih ukoll il-Kristu moribond jitlob lill-Missier maħfra, ukoll jekk hu meħtieġ miraklu għall-konverżjoni tiegħu. Lanqas hu, infatti, ma jaf dak li qed jagħmel!
  2. Huwa nteressanti li ninnutaw li, diġa fil-qasam tal-ewwel komunitajiet insara, il-messaġġ tal-maħfra kien milqugħ u segwit minn l-ewwel martri tal-fidi, li tennew –talba ta’ Ġesù lill-Missier kważi bl-istess kliem. Hekk għamel il-protomartri San Stiefnu, li, skont l-Atti tal-Appostli, fil-waqt tal-mewt tiegħu talab: “Mulej, dan tgħoddulhomx bi dnub” (At7, 60). Ukoll Ġakbu, skont dak li jgħid Ewsebju ta’ Ċesarea, tenna t-termini ta’ Ġesù għal talba ta’maħfra, waqt il-martirju tiegħu (Eusebii Caesariensis “Historia Eccles.”, II, 23, 16). Mill-bqija, dan kien jikkostitwixxi l-applikazzjoni tat-tagħlim tal-Imgħallem, li kien irrakkomanda: “Itolbu għal dawk li jippersegwitawkom” (Mt5, 44). Mat-tagħlim Ġesù kien għaqqad l-eżempju fil-waqt suprem ta’ ħajtu u l-ewwel segwaċi tiegħu imxew id f’id miegħu fil-maħfra u fit-talb għall-maħfra divina għal dawk li kienu jippersegwitawhom  .
  3. Imma huma kellhom ukoll preżenti fatt konkret ieħor li seħħ uq il-Kalvarju, li jintegra ruħu fil-messaġġ tas-salib bħall-messaġġ tal-maħfra. Jgħid Ġesù lil wieħed mill-ħallelin imsallbin miegħu: “Fis-sewwa ngħidlek: illum tkun il-ġenna miegħi” (Lq23, 43). Dan huwa fatt impressjonanti, li fih naraw fl-azzjoni d-dimensjonijiet kollha tal-opra feddejja, li timplimenta ruħha fil-maħfra. Dak il-ħalliel kien għaraf ħtijietu, billi wissa lill-kompliċi u sieħbu fil-kastig, li kien izzika lil Ġesù: “Aħna imsallbin  ġustament, għaliex qegħdin nirċievu l-piena ġusta għall-azzjonijiet tagħna”; u kien talab lil Ġesù biex ikun jistà jieħu sehem fis-saltna, mħabbra minnu: “Ġesù, ftakar fija meta tidħol f’saltnatek” Lq 23, 42). Huwa kien għaraf bħala nġusta l-kundanna ta’ Ġesù: “Dan ma għamel xejn ħażin”. .Ma kienx qasam mela dak it-tgħajjir ta’ sieħbu fil-kastig (Salva lilek innifsek, u lilna) [Lq 23, 39]),u tal-oħrajn li, bħall-mexxejja tal-poplu, kienu qegħdin jgħidu: “Salvajt lill-oħrajn, salva lilek innifsek jekk inti l-Kristu ta’ Alla, il-magħżul” (Lq 23, 35), lanqas l-insulti tas-suldati: “Jekk int s-sultan tal-Lhud, salva lilek innifsek” (Lq 23, 37).

Il-ħalliel għalhekk, waqt li jitlob lil Ġesù biex jiftakar fih, jipprofessa l-fidi tiegħu fil-Feddej; fil-waqt tal-mewt, mhux biss jaċċetta mewtu bħala piena ġusta tal-ħażen imwettaq, imma jdur lejn Ġesù biex jgħidlu li huwa jafda fih it-tama kollha tiegħu.

Din hija l-ispjega l-iktar ovvja ta’ dak l-episodju rrakkuntat minn Luqa, li fih l-element psikoloġiku – jiġifieri l-bidla tas-sentiment tal-ħalliel -, li għandu bħala kawża immedjata l-impressjoni riċevuta tal-eżempju ta’ Ġesù nnoċenti li jbati u jmut waqt li jaħfer, għandha però il-għerq veru misterjuż tagħha fil-grazzja divina tal-feddej, li “jikkonverti” ‘l dan il-bniedem u li jagħtih il-maħfra divina. It-tweġiba ta’ Ġesù, infatti, hija mmedjata. Huwa jwiegħed lill-ħalliel, niedem u “kkonvertit”, il-ġenna, fil-kumpanija tiegħu, f’dak il-jum stess. Din hija mela maħfra ntegrali: dak li wettaq id-delitti u s-serq – u allura dnubiet – isir qaddis fl-aħħar waqt ta’ ħajtu.

Ta’ min jgħid li f’dak it-test ta’ Luqa hemm iddokumentata l-ewwel kanonizzazzjoni tal-istorja mwettqa minn Ġesù favur ħalliel li jdur lejh f’dak il-waqt drammatiku. Dan juri li l-bnedmin jistgħu jiksbu, grazzi għas-salib ta’ Kristu, il-maħfra għall-ħtijiet kollha u wkoll ta’ ħajja kollha ħażina, u li jistgħu jiksbuha wkoll fl-aħħar waqtiet, kemm-il darba jċedu għall-Feddej li jionverti u jsalva.

Il-kliem ta’ Ġesù lill-ħalliel niedem jiġbru fihom ukoll l-wegħda tal-ferħ perfett: “Illum stess tkun miegħi l-ġenna”. Is-sagrifiċċju feddej infatti, jikseb għall-bnedmin il-beatitudni eterna. Dan huwa don ta’ fidwa ċertament proporzjonatha mal-valur tas-sagrifiċċju, minkejja l-isproporzjon li jidher li jeżisti bejn id-domanda sempliċi tal-ħalliel u l-kobor tar-rigal. Is-superament ta’ dan l-isproporzjon huwa mwettaq mis-sagrifiċċju ta’ Kristu, li mmerita l-beatitudni ċelesti bil-valur infinit ta’ ħajtu u ta’ mewtu  .

L-episodju rrakkuntat minn Luqa jfakkarna li l-“ġenna” hija offruta lill-umanità kollha, lil kull bniedem li, bħall-ħalliel niedem, iċedi għall-grazzja u jqiegħed it-tama tiegħu fi Kristu. Waqt ta’ konverżjoni awtentika, “waqt ta’ grazzja”, li nistgħu ngħidu ma’ San Tumas, “jiswa iktar mill-univers kollu” (S. Thomae “Summa Theologiae”, I-II, q. 113, a 9, ad 2), jistà jfejjaq il-kontijiet ta’ ħajja sħiħa, jistà jattwa fil-bniedem – fi kwalunkwè bniedem – dak li Ġesù assikura lil sieħbu  fit-turment: “Illum tkun miegħi l-ġenna”.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Emanuel Zarb