Quddiesa fil-festa ta-Tlugħ fis-Sema ta’ Marija – 15 ta’ Awwissu


Is-Sibt, 15 ta’ Awwissu 2020: Quddiesa Pontifikali fis-Solennita’ tat-Tlugħ fis-Sema tal-Verġni Mqaddsa Marija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Katidral ta’ San Pawl, l-Imdina…

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Xeħet għajnejh fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu […] Is-setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar […] Kull nisel jibda jsejjaħli hienja” (Lq 1:48.49).

Dawn il-kelmiet li qalithom Marija ta’ Nazaret, il-mamà ta’ Ġesù, qalithom f’kuntest ta’ qadi u ta’ mħabba. L-anġlu Gabrijel kien ħabbrilha l-għażla tagħha biex tkun omm l-Iben ta’ Alla u li kellha ssejjaħlu Ġesù, imma bħala sinjal ta’ dak li kien se jagħmel fiha u magħha biex hi temmen li għal Alla m’hemm xejn li ma setax isir, ingħatat is-sinjal tal-qariba tagħha Eliżabetta li kienet diġà tqila għal sitt xhur. Il-Madonna indunat li l-qariba tagħha, li kienet anjzana kien għad baqagħlha tliet xhur tqala u qabdet u marret fuq il-għoljiet f’belt tal-Lhudija tiltaqa’ mal-qariba tagħha, mhux biss biex tara b’għajnejha s-sinjali tal-anġlu imma wkoll biex tkun magħha u taqdiha.

Il-Madonna titkellem ukoll f’isimna f’dan il-mument. Bħalma hi qalet iva f’isimna lill-proposta ta’ salvazzjoni li Alla l-imbierek hu u joħloq lil Adam il-ġdid bħala bniedem, kellu bżonn ukoll lil Eva l-ġdida, il-Madonna.

U l-Madonna f’Għajn Karem fejn kienu jgħixu Żakkarija u Eliżabetta u fejn twieled Ġwanni l-Battista, tinfexx f’din l-għanja sabiħa li aħna nafuha mill-ewwel ftit kliem: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej” (Lq 1:46), il-Magnificat. Il-Madonna b’sens ta’ realiżmu u umiltà kbira tagħraf iċ-ċokon tagħha u tagħraf iċ-ċokon tal-umanità. Il-Madonna titkellem ukoll f’isimna f’dan il-mument. Bħalma hi qalet iva f’isimna lill-proposta ta’ salvazzjoni li Alla l-imbierek hu u joħloq lil Adam il-ġdid bħala bniedem, kellu bżonn ukoll lil Eva l-ġdida, il-Madonna.

U qaltlu iva lil Alla u permezz ta’ dik l-iva aħna l-bnedmin ħadna r-ruħ, ma bqajniex ngħidulu le. Hu stess għenna biex ngħidulu iva. U Alla, għalkemm ħares lejn iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu, għamel magħha ħwejjeġ kbar.

Illum qegħdin nifirħu ma’ Marija għaliex għaddiet mill-bieb tal-mewt imma m’għaddietx mit-taħsir tal-qabar. Il-qabar tagħha f’Ġerusalemm għadu magħna bħalma għadu magħna l-qabar ta’ binha Ġesù. Imma dawn huma żewġ oqbra vojta, li aħna sibnihom vojta. Kif sibna qabar vojt wara l-mewt ta’ binha, hekk ukoll sibna qabar vojt wara l-mewt tal-omm. U l-fidi tagħna hi, li binha li mhux biss ħabb lil ommu imma għażilha bħala sinjal għal kull wieħed u waħda minna, ried u għamel li ommu ma tarax it-taħsir tal-qabar li aħna nafu mill-esperjenza tal-għeżież tagħna. Aħna ngħaddu minnu t-taħsir tal-qabar.

Sa mill-bidu tal-missjoni tagħha bħala omm l-Iben ta’ Alla, Marija ma ħasbitx fiha nfisha, ingħatat għall-qadi u s-servizz.

Aħna qed nifirħu ma’ Marija llum għall-irxoxt tagħha mhux bil-qawwa tagħha imma għaliex “il-ħniena tal-Mulej tinfirex f’kull żmien” (Lq 1:50), kif qalet hi u li hi wara binha ngħatat din il-grazzja. Għaliex? Bħala xi premju? Mhux biss. Għaliex hija, wara kollox, kien jistħoqqilha għas-safa ta’ qalbha, għall-imħabba kbira tagħha. Imma biex tkun sinjal għalina li dak li wegħidna ser iseħħ. Għax inti faċli tħares lejn il-qabar bħala l-aħħar kelma tal-eżistenza tagħna b’mod speċjali meta inti jkollok tikkonfronta ruħek, taffaċċja ruħek mat-traġedja kbira tat-taħsir tal-ġisem tagħna.

L-Appostlu Missierna jassigurana li l-mewt se tintrebaħ: “L-aħħar għadu li jintrebaħ il-mewt” (1 Kor 15:16). U f’Marija għandna dan is-sinjal: ir-rebħa fuq il-mewt f’Marija tiġi antiċipata. Jekk għalina hija l-aħħar rebħa li se juri fina l-Mulej, fiha din ir-rebħa fuq il-mewt seħħet.

Dan li qegħdin niċċelebraw illum. Meta ftaħna l-qabar ta’ Marija ma rajniex ġisem jitħassar imma qabar vojt. U din hija fidi antika fil-poplu t’Alla li ġiet imbagħad definita fl-1950, 70 sena ilu mill-qaddej ta’ Alla, il-Papa Piju XII.

Jiena li nixtieq inwassal illum anke f’dawn iċ-ċirkustanzi tal-pandemija, il-pandemija qed turina kemm aħna dgħajfin. Virus ċkejken iniżżlek għarkupptejk f’kull aspett ta’ saħħa, ta’ opportunitajiet, ta’ libertà li tiddeċiedi, ta’ saħħa finanzjarja. Semmili inti liema aspett tal-ħajja tagħna ma ġietx milqut minn dan il-virus ċkejken li ma tistax tarah imma ma jeqridlekx biss il-pulmun imma tant affarijiet oħra.

Ir-rebħa tagħha fuq il-mewt li ta binha, hija wkoll sinjal ta’ kemm l-imħabba tirbaħ dejjem u tirbaħ żgur.

Aħna nafu biċ-ċokon tagħna għax nagħmlu esperjenza tiegħu ta’ kuljum u din hija xi ħaġa li qed twassal uħud minna għall-mewt. U llum irridu nagħmlu att ta’ fidi f’din ir-rebħa li l-Mulej għad jagħtina meta jasal il-mument tagħha.

Imma llum qed jagħtina sinjal li l-kelma tiegħu ma tonqosx. “Kull nisel isejjaħli hienja” (Lq 1:48). U aħna ngħoddu b’ruħna ma’ dawn il-ġenerazzjonijiet. Aħna n-nisel tagħna hu wieħed minnhom. Ningħaqdu llum fl-Għid tal-Assunta u nsejħulha tassew hienja. Eliżabetta qaltilha li hi hienja għaliex semgħet il-kelma tal-Mulej u għamlitha. “Imbierka inti fost in-nisa u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek” (Lq 1:42). Hienja dik li għamlet ir-rieda tal-Mulej imma l-hena ta’ Marija hija l-imħabba li dejjem uriet. Sa mill-bidu tal-missjoni tagħha bħala omm l-Iben ta’ Alla, Marija ma ħasbitx fiha nfisha, ingħatat għall-qadi u s-servizz. Kienet espressjoni straordinarja ta’ mħabba li tagħmlilna ġieħ. U r-rebħa tagħha fuq il-mewt li ta binha, hija wkoll sinjal ta’ kemm l-imħabba tirbaħ dejjem u tirbaħ żgur.

Insellmulek, o Marija, int illum ġejt imtellgħa s-sema. Ibnek tak il-ġieħ li tirxoxta bil-qawwa tal-ħniena tiegħu. Jifirħu miegħek il-qtajja’ tal-anġli u aħna bnedmin ċkejkna u dgħajfa nsejħulek hienja.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Apok 11: 19a, 12: 1-6a. 10ab
Salm: 44
Qari II: 1 Kor 15: 20-26
Evanġelju: Lq 1:39-56