Dwar kawżi ta’ dikjarazzjoni ta’ nullità taż-żwieġ


Ittra Appostolika f’forma ta’ ‘Motu Proprio’ Mitis Iudex Dominus Iesus, dwar ir-riforma tal-proċess kanoniku għall-kawżi ta’ dikjarazzjoni ta’ nullità taż-żwieġ fil-Kodiċi tad-Drittu Kanoniku

ITTRA APPOSTOLIKA F’FORMA TA’ “MOTU PROPRIO” TAL-PAPA FRANĠISKU

MITIS IUDEX DOMINUS IESUS

DWAR IR-RIFORMA TAL-PROĊESS KANONIKU GĦALL-KAWŻI TA’ DIKJARAZZJONI TAN-NULLITÀ TAŻ-ŻWIEĠ

FIL-KODIĊI TAD-DRITTU KANONIKU

Il-Mulej Ġesù, Imħallef ħanin, Ragħaj ta’ rwieħna, afda f’idejn l-Appostlu Pietru u f’idejn is-Suċċessuri tiegħu is-setgħa tal-imfietaħ sabiex iwettqu fil-Knisja opri ta’ ġustizzja u tas-sewwa. Din is-setgħa suprema u universali, dik li jorbtu u jħollu hawn fuq din l-art, tafferma, tikkorrobora u ssaħħaħ dik tar-Rgħajja tal-Knejjes partikulari, li bis-saħħa tagħha huma għandhom id-dritt sagrosant u, quddiem il-Mulej, id-dmir li jiġġudikaw lis-sudditi tagħhom. (1)

Mal-mixja tas-sekli, il-Knisja, filwaqt li akkwistat għarfien aktar ċar dwar il-kliem ta’ Kristu f’dak li għandu x’jaqsam mas-suġġett taż-żwieġ, fehmet u esponiet b’mod aktar profond id-duttrina dwar l-indissolubbiltà tas-sagrament taż-żwieġ, elaborat is-sistema tan-nullità tal-kunsens taż-żwieġ u ddixxiplinat b’mod aktar adegwat il-proċess ġudizzjarju fis-suġġett b’mod li d-dixxiplina ekkleżjastika tkun dejjem aktar koerenti mal-verità tal-fidi li tħaddan.

Dan kollu dejjem seħħ billi kien hemm bħala gwida l-liġi suprema tas-salvazzjoni tal-erwieħ,(2) għaliex il-Knisja, kif għallem b’tant għerf il-Beatu Pawlu VI, hi ħsieb divin tat-Trinità, u l-istituzzjonijiet kollha tagħha, għalkemm dejjem jistgħu jipperfezzjonaw ruħhom, għandhom joqogħdu għaliha bl-iskop li jikkomunikaw il-grazzja divina u kontinwament jiffavorixxu, skont id-doni u l-missjoni ta’ kull waħda minnhom, il-ġid tal-fidili, liema skop hu essenzjali għall-Knisja. (3)

Konxju minn dan kollu, iddeċidejt li nagħti bidu għal riforma fil-proċessi tan-nullità taż-żwieġ, u għal dan l-iskop iffurmajt Grupp ta’ persuni eminenti fid-duttrina ġuridika, fil-prudenza pastorali u fl-esperjenza forensi, sabiex, taħt it-tmexxija tal-Eċċellentissimu Dekan tar-Rota Rumana, joħloq abbozz ta’ proġett ta’ riforma li, fl-istess ħin, ma jibdel xejn mill-prinċipju tal-indissolubbiltà tas-sagrament taż-żwieġ. Wara ħidma mimlija ħeġġa, dan il-Grupp ippreżenta abbozz ta’ riforma li, wara li kien sottopost għal konsiderazzjoni profonda, bl-għajnuna ta’ esperti oħra, issa ġie mibdul f’dan il-Motu proprio.

Hi għalhekk il-preokkupazzjoni dwar is-salvazzjoni tal-erwieħ li – illum bħall-bieraħ – tibqa’ l-iskop aħħari tal-istituzzjoni, tal-liġijiet, tad-drittu, li wasslet lill-Isqof ta’ Ruma sabiex joffri lill-Isqfijiet dan id-dokument ta’ riforma, ħalli huma jaqsmu miegħu l-ħidma tal-Knisja fil-ħarsien tal-għaqda fil-fidi u fid-dixxiplina fir-rigward taż-żwieġ, il-fus u l-bidu tal-familja Kristjana. Iħeġġu din l-ispinta għall-bidla hemm in-numru enormi ta’ fidili li, filwaqt li jixtiequ jieħdu ħsieb il-kuxjenza tagħhom, ħafna drabi huma maqtugħa mill-istrutturi ġuridiċi tal-Knisja minħabba fid-distanza fiżika jew morali. Għaldaqstant, l-imħabba u l-ħniena jesiġu li l-istess Knisja, bħala omm, tersaq lejn dawn uliedha li jikkonsidraw lilhom infushom maqtugħin minnha.

F’din id-direzzjoni wkoll imxew il-voti tal-maġġoranza ta’ Ħuti fl-Episkopat, miġbura fis-Sinodu straordinarju reċenti, u li talbu għal proċessi aktar mgħaġġla u aċċessibbli (4). F’sintonija sħiħa ma’ dawn ix-xewqat, iddeċidejt li, b’dan il-Motu Proprio, nagħmel arranġamenti li bihom niffavorixxu mhux in-nullità taż-żwiġijiet, imma l-ħeffa fil-proċessi, li mhi xejn anqas minn sempliċità ġusta, sabiex il-qalb tal-fidili li jkunu jistennew ċarezza dwar l-istat tagħhom ma tkunx imtaqqla għal żmien twil bid-dlamijiet tad-dubju minħabba dewmien fid-definizzjoni tal-ġudizzju.

Madankollu, dan għamiltu filwaqt li mxejt fuq il-passi tal-Predeċessuri tiegħi, li riedu li l-kawżi tan-nullità taż-żwieġ ikunu ttrattati fuq linja ġudizzjarja u mhux amministrattiva, mhux għaliex hekk timponi n-natura tal-ħaġa, imma pjuttost għaliex hekk tesiġi l-ħtieġa li tiġi mħarsa fl-ogħla grad il-verità tas-sagrament: u dan hu assigurat eżattament mill-garanziji tal-ordni ġudizzjarju.

Ta’ min jinnota ċerti kriterji fundamentali li ggwidaw l-opra ta’ riforma.

I. – Sentenza waħda favur in-nullità eżekuttiva. – Deher opportun, qabel kollox, li, sabiex il-partijiet jitħallew jerġgħu jiċċelebraw mill-ġdid żwieġ kanoniku, ma tintalabx aktar deċiżjoni doppja u konformi favur in-nullità taż-żwieġ, imma tkun biżżejjed iċ-ċertezza morali milħuqa mill-ewwel ġudikant skont in-norma tad-drittu.

II. – L-Imħallef wieħed taħt ir-responsabbiltà tal-Isqof. – Il-ħatra ta’ mħallef wieħed fil-prima istanza, li dejjem irid ikun kjeriku, trid taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Isqof li, fl-eżerċizzju pastorali tas-setgħa ġudizzjali tiegħu, irid jassigura li ma jkun hemm ebda tip ta’ laxkezza.

III. – L-istess Isqof hu mħallef. – Sabiex finalment jidħol fis-seħħ it-tagħlim tal-Konċilju Vatican II f’kuntest ta’ importanza kbira, ġie stabbilit li jintwera biċ-ċar li l-Isqof innifsu, fil-Knisja tiegħu li tagħha hu r-Ragħaj u l-Kap, fl-istess ħin huwa wkoll l-imħallef qalb il-fidili fdati f’idejh. Wieħed jittama, għaldaqstant, li fid-djoċesijiet kemm kbar kif ukoll żgħar, l-istess Isqof jagħti sinjal tal-konverżjoni tal-istrutturi ekkleżjastiċi, (5) u ma jiddelegax għal kollox lill-uffiċċji tal-Kurja l-funzjoni ġudizzjarja f’materja matrimonjali. Dan jgħodd speċjalment għall-proċess iqsar li se jkun maħsub biex isolvi każi ta’ nullità ċarissima.

IV. – Il-proċess iqsar – Infatti, barra milli jitħaffef il-proċess matrimonjali, ġiet ukoll ifformulata għamla ta’ proċess iqsar – flimkien ma’ dak dokumentali li jeżisti bħalissa – li għandu jiġi applikat f’każi fejn in-nullità taż-żwieġ li qiegħda tiġi mistħarrġa hi sostnuta minn argumenti partikularment evidenti.

Minkejja dan, jien ma nsejtx li ġudizzju mqassar jista’ jqiegħed fil-periklu l-prinċipju tal-indissolubbiltà taż-żwieġ. Għaldaqstant, minħabba f’hekk, jien ridt li fi proċess bħal dan l-Isqof innifsu jkun l-imħallef, sabiex bil-qawwa tal-uffiċċju pastorali tiegħu ikun, flimkien ma’ Pietru, l-aqwa garanzija tal-għaqda Kattolika fil-fidi u fid-dixxiplina.

V. – L-appell lis-Sede Metropolitana – Jaqbel li jitwaqqaf mill-ġdid l-appell lis-Sede tal-Metropolita, billi dan l-uffiċċju ta’ kap tal-provinċja ekkleżjastika, li ilu mwaqqaf sekli sħaħ, hu simbolu distintiv tas-sinodalità fi ħdan il-Knisja.

VI. – Ix-xogħol proprju tal-Konferenzi Episkopali. – Il-Konferenzi Episkopali, li għandhom ikunu mmexxija, fuq kollox, mit-tħassib appostoliku li jintlaħqu l-fidili mitlufa, għandhom iħossu b’mod qawwi d-dmir li jaqsmu flimkien il-konverżjoni mħabbra, u għandhom jirrispettaw b’mod assolut id-dritt tal-Isqfijiet li jorganizzaw is-setgħa ġudizzjali fil-Knisja partikulari tagħhom.

It-tentattiv biex l-imħallef u l-fidili jersqu lejn xulxin, infatti, ma jkollu ebda suċċess jekk mill-Konferenzi ma jaslux għand l-Isqfijiet infushom dak l-istimolu u dik l-għajnuna sabiex titwettaq fil-prattika r-riforma tal-proċess matrimonjali.

Flimkien mat-tentattiv biex l-imħallef u l-fidili jersqu lejn xulxin, il-Konferenzi Episkopali għandhom jassiguraw li, apparti l-ħlas ġust u dinjituż dovut lill-ħaddiema tat-tribunali, sa fejn hu possibbli l-proċeduri għandhom ikunu bla ħlas, għaliex il-Knisja, filwaqt li turi ruħha bħala omm ġeneruża mal-fidili, f’suġġett marbut daqshekk mill-qrib mas-salvazzjoni tal-erwieħ għandha turi wkoll l-imħabba gratwita ta’ Kristu li permezz tagħha aħna lkoll ġejna salvati.

VII. – L-appell lis-Sede Appostolika – Jaqbel, madankollu, li jinżamm l-appell lit-Tribunal ordinarju tas-Sede Appostolika, jiġifieri lir-Rota Rumana, u dan b’rispett lejn prinċipju ġuridiku antik ħafna, sabiex b’hekk tiġi msaħħa r-rabta bejn is-Sede ta’ Pietru u l-Knejjes partikulari, filwaqt li fl-istess ħin dawn jaraw li, fid-dixxiplina ta’ dan l-appell, ma jkun hemm ebda abbuż mid-drittu, ħalli ma jkun hemm ebda dannu għas-salvazzjoni tal-erwieħ.

Il-liġi proprja tar-Rota Rumana għandha tkun kemm jista’ jkun taqbel mar-regoli tal-proċess irriformat, dejjem fil-limiti ta’ dak li hu neċessarju.

VIII. – Previżjoni għall-Knejjes tal-Lvant. – Fl-aħħar nett, fil-waqt li żammejt f’moħħi l-liġi u d-dixxiplina ekkleżjastika partikulari tal-Knejjes tal-Lvant, iddeċidejt li noħroġ b’mod separat, imma f’din l-istess data, in-normi biex tiġi rriformata d-dixxiplina tal-proċessi taż-żwieġ fil-Kodiċi tal-Kanoni tal-Knejjes Orjentali.

Wara li kkonsidrajt dan kollu b’mod xieraq, nordna permezz ta’ digriet u nistabbilixxi li l-Ktieb VII tal-Kodiċi tad-Drittu Kanoniku, Parti III, Titlu I, Kapitlu I dwar il-kawżi għad-dikjarazzjoni tan-nullità taż-żwieġ (Kann. 1671-1691), mill-jum tat-8 ta’ Diċembru 2015 ikun sostitwit għal kollox kif ġej:

Art.1 – Il-forum kompetenti u t-tribunal

Kan. 1671 § 1. Il-kawżi taż-żwieġ tal-imgħammda jaqgħu bi dritt taħt l-imħallef ekkleżjastiku.

§ 2. Kawżi li jikkonċernaw effetti purament ċivili jaqgħu taħt il-qrati ċivili, sakemm id-drittu partikulari ma jistabbilixxix li l-istess kawżi, sew jekk ikunu ttrattati bħala materji inċidentali jew aċċessorji, jistgħu jinstemgħu u jinqatgħu minn imħallef ekkleżjastiku.

Kan. 1672. F’kawżi ta’ nullità taż-żwieġ li ma jkunux riservati għas-Sede Appostolika, huma kompetenti t-tribunali segwenti: 1) it-tribunal tal-post fejn ġie ċċelebrat iż-żwieġ; 2) it-tribunal tal-post fejn waħda jew iż-żewġ partijiet għandhom id-domiċilju jew il-kważi-domiċilju; 3) it-tribunal tal-post minn fejn, fil-fatt, għandha tinġabar il-parti l-kbira tal-provi.

Kan. 1673 § 1. F’kull djoċesi l-imħallef tal-prima istanza għall-kawżi tan-nullità taż-żwieġ, li għalihom id-drittu ma jagħmilx espressament eċċezzjoni, għandu jkun l-Isqof djoċesan li jista’ jeżerċita s-setgħa ġudizzjali kemm personalment u kemm permezz ta’ oħrajn, skont in-norma tad-drittu.

§ 2. L-Isqof jistabblixxi għad-djoċesi tiegħu it-tribunal djoċesan għall-kawżi tan-nullità taż-żwieġ; l-istess Isqof għandu wkoll il-fakultà li jaċċedi għal tribunal ieħor djoċesan qrib, jew tribunal interdjoċesan.

§ 3. Il-kawżi tan-nullità taż-żwieġ huma riservati għal kulleġġ ta’ tliet imħallfin. Dan irid ikun ippresedut minn imħallef li hu kjeriku. L-imħallfin l-oħra jistgħu jkunu lajċi.

§ 4. Jekk ma jkunx possibbli li jitwaqqaf tribunal kolleġjali fid-djoċesi jew fit-tribunal tal-qrib li jkun ġie magħżul skont in-norma ta’ § 2, l-Isqof Moderatur għandu jafda l-kawża f’idejn imħallef uniku li jkun kjeriku li, sa fejn hu possibbli, għandu jassoċja miegħu żewġ assessuri ta’ ħajja eżemplari, esperti fix-xjenzi ġuridiċi jew umani, li jkunu approvati mill-Isqof għal dan ix-xogħol. L-istess imħallef uniku għandu jkollu f’idejh, sakemm ma jirriżultax xorta oħra, il-funzjonijiet attribwiti lill-kulleġġ, lill-president jew lill-ponens (l-imħallef li jistruwixxi l-kawża).

§ 5. It-tribunal tas-seconda istanza, biex ikun validu, għandu dejjem ikun kolleġjali, skont il-kundizzjoni § 3 imsemmija aktar ‘il fuq.

§ 6. Mit-tribunal tal-prima istanza wieħed jista’ jappella għat-tribunal metropolitan tas-seconda istanza, ħlief għad-dispożizzjonijiet tal-kan. 1438-1439 u 1444.

Art.2 – Id-dritt li tikkontesta ż-żwieġ

Kan. 1674 § 1. Jistgħu jikkontestaw iż-żwieġ dawn li ġejjin: 1) il-miżżewġin; 2) il-promotur tal-ġustizzja, meta n-nullità tkun diġà ġiet dikjarata, jekk iż-żwieġ ma jkunx jista’ jiġi konvalidat jew ma jkunx opportun li dan isir.

§ 2. Iż-żwieġ li ma ġiex ikkontestat waqt li l-miżżewġin kienu għadhom ħajjin, ma jistax jiġi kkontestat wara l-mewt ta’ wieħed jew tat-tnejn mill-miżżewġin, sakemm il-kwistjoni tal-validità ma tippreġudikax is-soluzzjoni ta’ kontroversja oħra, sew fil-forum kanoniku u sew fil-forum ċivili.

§ 3. Jekk, imbagħad, wieħed mill-miżżewġin imut waqt il-proċess, jiġi osservat il-kan. 1518.

Art. 3 – L-introduzzjoni u l-eżami tal-kawża

Kan. 1675. L-imħallef, qabel ma jaċċetta l-kawża, irid ikollu ċ-ċertezza li ż-żwieġ ikun falla b’mod irreparabbli, tant li jkun impossibbli li tiġi stabbilita mill-ġdid il-konvivenza konjugali.

Kan. 1676 § 1. Meta jirċievi t-talba, il-Vigarju ġudizzjali, jekk iħoss li din it-talba ghandha bażi, jaċċettaha u, b’digriet mehmuż in-naħa t’isfel tal-istess talba, jordna li ssir kopja li tingħata lid-difensur taż-żwieġ u, jekk it-talba ma jkunx sottoskritt miż-żewġ partijiet, tingħata oħra lill-parti konvenuta. Il-parti konvenuta tingħata żmien ta’ ħmistax-il ġurnata sabiex tesprimi l-pożizzjoni tagħha skont it-talba.

§ 2. La darba jkun skada ż-żmien stabbilit, u wara li il-parti l-oħra tkun ġiet imwissija mill-ġdid, jekk u meta jinħass opportun, biex turi l-pożizzjoni tagħha, il-Vigarju Ġudizzjali, permezz tad-digriet tiegħu għandu jiddetermina l-formula tad-dubju u jistabbilixxi jekk il-kawża għandhiex tiġi ttrattata bil-proċess ordinarju jew bil-proċess qasir skont in-norma tal-kann. 1683-1687. Il-partijiet u d-difensur taż-żwieġ għandhom jiġu notifikati minnufiħ b’dan id-digriet.

§ 3. Jekk il-kawża għandha tiġi ttrattata bil-proċess ordinarju, il-Vigarju ġudizzjali, bl-istess digriet, għandu jiddisponi l-kostituzzjoni tal-kulleġġ tal-imħallfin jew tal-imħallef uniku biż-żewġ assessuri skont il-kan. 1673 § 4. 

§ 4. Jekk, mill-banda l-oħra, jiġi deċiż li jintuża l-proċess qasir, il-Vigarju ġudizzjali għandu jipproċedi skont in-norma tal-kan. 1685.

§ 5. Il-formula tad-dubju trid tiddetermina fuq liema kap jew kapi ta’ nullità se tkun ikkontestata l-validità taż-żwieġ.

Kan. 1677 § 1. Id-difensur taż-żwieġ, l-avukati taż-żewġ partijiet, u, jekk jintervjeni fil-ġudizzju, anke l-promotur tal-ġustizzja, għandhom id-dritt: 1) li jkunu preżenti għall-eżami tal-partijiet, tax-xhieda u tal-esperti, ħlief kif dispost fil-kan. 1559; 2) li jeżaminaw l-atti ġudizzjarji anke jekk għadhom mhux ippubblikati, u li jeżaminaw ukoll id-dokumenti ppreżentati mill-partijiet.

§ 2. Il-partijiet ma jistgħux jassistu għall-eżami li għalih jirreferi § 1, n.1.

Kan. 1678 § 1. Fil-kawżi tan-nullità taż-żwieġ, l-istqarrija ġudizzjali u d-dikjarazzjonijiet tal-partijiet, sostnuti eventwalment minn xhieda dwar il-kredibilità tagħhom, jistgħu jkollhom valur bħala prova sħiħa, li għandha tiġi meqjusa mill-imħallef wara li dan jikkunsidra l-provi u indizi, jekk ma jkunx hemm elementi li jwaqqgħuhom.

§ 2. F’dawn l-istess kawżi, ix-xhieda ta’ xhud wieħed tista’ tagħti prova sħiħa, jekk dan ikun xhud ikkwalifikat li jixhed dwar ħwejjeġ marbuta mal-professjoni tiegħu, jew jekk iċ-ċirkustanzi tal-fatti u tal-persuni jissuġġerixxu hekk.

§ 3. F’kawżi marbuta ma’ impotenza jew xi difett fil-kunsens minħabba mard mentali jew xi anomalija ta’ natura psikika, l-imħallef joqgħod fuq ir-rapport ta’ wieħed jew aktar esperti, jekk miċ-ċirkustanzi ma jidhirx ċar li dan ikun inutli. Fil-kawżi l-oħra wieħed għandu josserva dak li jiġi dispost mill-kan. 574.

§ 4. Kull meta fl-investigazzjoni tal-kawża iqum id-dubju serju li probabbilment iż-żwieġ ma ġiex ikkunsmat, it-tribunal, wara li jkun sema’ l-partijiet, jista’ jissospendi l-kawża tan-nullità, itemm l-investigazzjoni fid-dawl tad-dispensa super rato, u fl-aħħarnett jibgħat lis-Sede Appostolika l-atti, flimkien mat-talba għad-dispensa ta’ wieħed jew iż-żewġ miżżewġin u l-vot tat-tribunal u tal-Isqof.

Art. 4 – Is-sentenza, l-appelli tagħha u l-eżekuzzjoni tagħha.

Kan. 1679. Is-sentenza li għall-ewwel darba ddikjarat in-nullità taż-żwieġ issir eżekuttiva wara li jkunu skadew it-termini stabbiliti fil-kan. 1630-1633.

Kan. 1680 § 1. Il-parti li tħoss li ġiet inġurjata, u wkoll il-promotur tal-ġustizzja u d-difensur taż-żwieġ, għandhom id-dritt li jiftħu kwerela għan-nullità tas-sentenza jew jagħmlu appell kontra l-istess sentenza skont il-kan. 1619-1640.

§ 2. La darba jkunu skadew it-termini stabbiliti mid-drittu għall-appell u l-prosegwiment tiegħu, u wara li t-tribunal tal-istanza superjuri jkun irċieva l-atti ġudizzjarji, jinħatar il-kulleġġ tal-imħallfin, jiġi nnominat id-difensur taż-żwieġ u l-partijiet jintalbu jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom fi żmien stabbilit minn qabel. Meta jiskadi dan iż-żmien, jekk l-appell jirriżulta biċ-ċar li huwa dilatorju, it-tribunali kolleġjali jikkonferma b’digriet tiegħu is-sentenza tal-prima istanza.

§ 3. Jekk l-appell jkun ġie aċċettat, wieħed għandu jipproċedi bl-istess mod bħal fil-prima istanza, bl-adattamenti neċessarji.

§ 4. Jekk fil-grad tal-appell jiġi introdott kap ġdid ta’ nullità taż-żwieġ, it-tribunal jista’ jaċċettah u fuqu jiġġudika bħallikieku kien fil-prima istanza.

Kan. 1681. Jekk tkun ingħatat sentenza eżekuttiva, wieħed jista’, fi kwalunkwe mument, jirrikorri għat-tribunal tat-tielet grad għal propożizzjoni ġdida tal-kawża skont in-norma tal- kan. 1644, filwaqt li jżid provi u argumenti ġodda u gravi, fi żmien ta’ tletin jum mill-bidu tal-appell.

Kan. 1682 § 1. Wara li s-sentenza li ddikjarat in-nullità taż-żwieġ tkun saret waħda eżekuttiva, il-partijiet li ż-żwieġ tagħhom ikun ġie ddikjarat null jistgħu jidħlu għal żwieġ ġdid, sakemm dan ma jkunx projbit minn divjet marbut mas-sentenza jew stabbilit mill-Ordinarju tal-post.

§ 2. Malli s-sentenza tkun saret eżekuttiva, il-Vigarju Ġudizzjali jrid jibgħat notifika tagħha lill-Ordinarju tal-post li fih ikun ġie ċċelebrat iż-żwieġ. Dan imbagħad, irid jassigura li, fl-iqsar żmien possibbli, din in-nullità taż-żwieġ li tkun ġiet dekretata u l-projbizzjonijiet li setgħu ġew stabbiliti jiġu mniżżla fir-reġistri taż-żwieġ u tal-magħmudija.

Art. 5 – Il-proċess matrimonjali iqsar quddiem l-Isqof

Kan. 1683. L-Isqof djoċesan innifsu għandu jiġġudika l-kawżi ta’ nullità taż-żwieġ permezz tal-proċess iqsar kull meta:

1° it-talba tkun ippreżentata miż-żewġ miżżewġin jew minn wieħed minnhom bil-kunsens tal-ieħor.

2° jeżistu ċirkustanzi ta’ fatti u persuni, imsaħħa minn xhieda jew dokumenti, li ma jirrikjedux inkjesta jew istruzzjoni aktar fil-fond, u juru biċ-ċar in-nullità.

Kan. 1684. It-talba li permezz tagħha jiġi introdott il-proċess iqsar, barra l-elementi elenkati fil-kan. 1504, trid: 1) turi fil-qosor, b’mod integrali u ċar il-fatti li fuqhom tibbaża ruħha t-talba; 2) tindika l-provi li jistgħu jinġabru b’mod immedjat mill-imħallef; 3) tesebixxi d-dokumenti mehmuża li fuqhom se tibbaża ruħha t-talba.

Kan. 1685. Fl-istess digriet li bih jiddetermina l-formula tad-dubju, il-Vigarju ġudizzjali għandu jappunta istruttur u assessur u jsejjaħ lil dawk kollha li għandhom jipparteċipaw fis-sessjoni li trid tiġi ċċelebrata fi żmien ta’ mhux aktar minn tletin jum, skont in-norma tal-kan. 1686.

Kan. 1686. L-istruttur, sa fejn hu possibbli, għandu jiġbor il-provi f’sessjoni waħda u jiffissa perijodu ta’ ħmistax-il jum għall-preżentazzjoni tal-osservazzjonijiet favur ir-rabta taż-żwieġ u, jekk ikun hemm, dawk tad-difiża tal-partijiet.

Kan. 1687 § 1. La darba jkun irċieva l-atti, l-Isqof djoċesan, wara li jikkonsulta mal-istruttur u l-assessur, jeżamina l-osservazzjonijiet tad-difensur taż-żwieġ u, jekk ikun hemm, dawk tad-difiża tal-partijiet; jekk jasal għaċ-ċertezza morali tan-nullità taż-żwieġ, għandu jippronunzja s-sentenza. Jekk le, għandu jgħaddi l-kawża għall-proċess ordinarju.

§ 2. It-test sħiħ tas-sentenza, bil-motivazzjoni għalih, għandu jiġi mgħarraf lill-partijiet mill-aktar fis.

§ 3Kontra s-sentenza tal-Isqof wieħed jista’ jappella lill-Metropolita jew lir-Rota Rumana. Jekk is-sentenza tkun ġiet maħruġa mill-Metropolita, l-appell jista’ jsir lis-suffraganju l-aktar anzjan. U kontra sentenza ta’ Isqof ieħor li m’għandux awtorità superjuri fuqu ħlief il-Pontefiċe Ruman, l-appell isir lill-Iqof nominat permanentement minnu.

§ 4. Jekk jidher ċar li l-appell huwa biss dilatorju, il-Metropolita jew l-Isqof imsemmi f’§3,jew id-Dekan tar-Rota Rumana, jiċħdu a limine b’digriet tiegħu. Jekk, mill-banda l-oħra, l-appell ikun aċċettat, il-kawża għandha tgħaddi għall-eżami ordinarju tat-tieni grad. 

Art. 6 – Il-proċess dokumentali

Kan. 1688. Ladarba jkun irċieva t-talba ppreżentata skont in-norma tal-kan. 1676, l-Isqof djoċesan jew il-Vigarju Ġudizzjali jew l-Imħallef magħżul, filwaqt li jaqbeż il-formalitajiet tal-proċess ordinarju, imma, fl-istess ħin, wara li jkun sejjaħ liil-partijiet u bl-intervent tad-difensur taż-żwieġ, jista’ jiddikjara b’sentenza n-nullità taż-żwieġ, jekk minn dokument li ma jkunx suġġett għal xi kontradizzjoni jew għal xi eċċezzjoni, tiġi stabbilita b’ċertezza l-eżistenza ta’ impediment nullifikanti jew xi difett fil-forma leġittima – u sakemm jirriżulta ċar u b’daqstant ċertezza li ma ġietx mogħtija id-dispensa – jew in-nuqqas ta’ mandat validu mill-prokuratur.

Kan. 1689 § 1. Kontra din id-dikjarazzjoni, id-difensur taż-żwieġ, jekk jiġġudika b’mod prudenti li m’hemmx ċertezza dwar id-difetti msemmija fil-kan. 1688, jew li d-dispensa ma ngħatatx, għandu jappella lill-imħallef tas-seconda istanza, li lilu għandhom jiġu mgħoddija l-atti filwaqt li javżah bil-miktub li dan huwa proċess dokumentali.

§ 2. Il-parti li tħossha inġurjata għandha d-dritt tal-appell.

Kan. 1690. L-imħallef tas-seconda istanza, bl-intervent tad-difensur taż-żwieġ, u wara li jkun sema’ l-partijiet, jiddeċiedi bl-istess mod imsemmi fil-kan.1688, jekk is-sentenza għandhiex tiġi kkonfermata jew jekk, pjuttost, wieħed għandux jipproċedi fil-kawża permezz tad-drittu ordinarju. F’dan il-każ, l-imħallef jerġa’ jibgħatha għand it-tribunal tal-prima istanza.

Art. 7 –Normi ġenerali

Kan. 1691 § 1. Fis-sentenza, il-partijiet għandhom jiġu mfakkra fl-obbligi morali u anke ċivili, li għandhom lejn xulxin u lejn l-ulied f’dak li għandu x’jaqsam mal-manteniment u l-edukazzjoni.

§ 2. Il-kawżi għan-nullita taż-żwieġ ma jistgħux jiġu ttrattati permezz tal-proċess orali kontenzjuż imsemmi fil-kan. 1656-1670.

§ 3. Fil-ħwejjeġ l-oħra li għandhom x’jaqsmu ma’ proċedura, wieħed għandu japplika, sakemm in-natura tal-ħaġa ma topponix, il-kanoni dwar il-ġudizzji in ġeneralli u dwar il-ġudizzju ordinarju kontenzjuż, filwaqt li jiġu osservati n-normi speċjali għall-kawżi dwar l-istat tal-persuni u għall-kawżi li għandhom x’jaqsmu mal-ġid pubbliku.

* * *

Id-dispożizzjoni tal-kan.1679 sejra tapplika għas-sentenzi dikjarattivi tan-nullità taż-żwieġ ippubblikati mill-jum li fih jidħol fis-seħħ dan il-Motu proprio.

Ma’ dan id-dokument ser jiġu mehmuża regoli proċedurali li qisthom meħtieġa għall-applikazzjoni korretta u eżatta tal-liġi mġedda, u li għandhom jiġu osservata b’mod diliġenti għall-ġid tal-fidili.

Dak li ġie stabbilit minni b’dan il-Motu proprio, nordna li jkun validu u effikaċi minkejja kull dispożizzjoni kuntrarja, anke dawk li jixirqilhom attenzjoni speċjali.

Nafda b’fiduċja l-implimentazzjoni attiva ta’ dan il-proċess matrimonjali ġdid lill-interċessjoni tal-glorjuża u mbierka Marija dejjem Verġni, Omm tal-Ħniena, u tal-qaddisin l-Appostli Pietru u Pawlu.

Mogħti f’Ruma, f’San Pietru, il-15 tax-xahar ta’ Awwissu, fi Tlugħ is-Sema tal-Imqaddsa Verġni Marija, tas-sena 2015, it-tielet tal-Papat tiegħi.

Franġisku


Regoli proċedurali għat-trattazzjoni tal-kawżi

tan-nullità taż-żwieġ

It-III Assemblea Ġenerali Straordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet, iċċelebrata fix-xahar t’Ottubru, 2014, ittrattat id-diffikultà tal-fidili sabiex jilħqu t-tribunali tal-Knijsa. Billi l-Isqof, bħar-Ragħaj it-Tajjeb, hu mistenni li jmur jiltaqa’ mal-fidili tiegħu li għandhom bżonn ta’ kura pastorali partikolari, flimkien man-normi dettaljati tal-applikazzjoni tal-proċess taż-żwieġ, deher xieraq, peress li l-kollaborazzjoni bejn is-Suċċessur ta’ Pietru u l-Isqfijiet fix-xandir tal-għarfien tal-liġi hi ħaġa ċerta, li noffru ċerti għodod sabiex il-ħidma tat-tribunali tal-Knisja tkun tista’ twieġeb għall-bżonnijiet tal-fidii li għandhom bżonn ta’ aċċertament tal-verità dwar l-eżistenza jew le tar-rabta taż-żwieġ fallut tagħhom.

Art. 1. L-Isqof, bis-saħħa tal-kan. 383 § 1, hu marbut isegwi bi spirtu appostoliku l-miżżewġin separati jew divorzjati, li minħabba l-kundizzjoni ta’ ħajja tagħhom setgħu abbandunaw il-prattika reliġjuża. Għalhekk, hu għandu jaqsam mal-kappillani (ara: kan. 529 § 1) il-ħeġġa pastorali għal dawn il-fidili li jinsabu f’diffikultà.

Art . 2. L-istħarriġ preliminari jew pastorali, li jilqa’ fl-istrutturi parrokjali jew djoċesani lill-fidili separati jew divorzjati li għandhom dubju dwar il-validità taż-żwieġ tagħhom jew li huma konvinti dwar in-nullità tal-istess żwieġ, għandu l-iskop li ssir magħrufa l-kundizzjoni taghħom u li jinġabru elementi utli għaċ-ċelebrazzjoni tal-proċess ġudizzjali, ordinarju jew qasir. Dan l-istħarriġ isir fl-ambitu tal-pastorali unitarja djocesana dwar iż-żwieġ.

Art. 3. L-istess stħarriġ ikun fdat f’idejn persuni meqjusa idonei mill-Isqof tal-post u mżejna b’kompetenzi, anke jekk dawn mhumiex esklussivament ġuridiċi u kanoniċi. Fost dawn il-persuni hemm l-ewwel nett l-istess kappillan jew dik il-persuna li tkun ippreparat lill-miżżewġin għaċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ. Dan id-dmir ta’ konsulenza jista’ jkun afdat ukoll f’idejn kjeriċi oħra, persuni konsagrati jew lajċi, approvati mill-Isqof tal-post.

Djoċesi waħda, jew aktar minn waħda flimkien, skont il-mod ta’ raggruppamenti attwali, jistgħu jiffurmaw struttura stabbli biex tipprovdi dan is-servizz u jħejju, jekk inhu l-każ, Vademecum li jiġbor fih l-elementi essenzjali għal żvolġiment aħjar tal-istħarriġ.

Art. 4. L-istħarriġ pastorali jiġbor l-elementi utli għall-introduzzjoni eventwali tal-kawża min-naħa tal-miżżewġin jew l-avukat tagħhom quddiem it-tribunal kompetenti. Isir stħarriġ dwar jekk il-partijiet jaqblux li jitolbu n-nullità.

Art. 5. Ladarba jinġabru l-elementi kollha, l-istħarriġ jingħalaq b’talba li għandha tiġi ppreżentata, jekk inhu l-każ, lit-tribunal kompetenti.

Art. 6. Ladarba l-Kodiċi tad-Drittu Kanoniku għandu jiġi applikat f’kull aspett, minbarra n-normi speċjali, anke fil-proċessi matrimonjali, skont il-kan. 1691 §3, dawn ir-regoli m’għandhomx l-iskop li jesponu fid-dettal il-proċess kollu kemm hu, imma fuq kollox li jiċċaraw il-bidliet prinċipali leġiżlattivi u, fejn hemm bżonn, jintegrawhom.

Titlu I – Il-forum kompetenti u t-tribunali

Art. 7 § 1. It-titli ta’ kompetenza li dwarhom jitkellem il-kan. 1672 huma ekwivalenti, imħares sa fejn hu possibbli l-prinċipju ta’ qrubija bejn l-imħallef u l-partijiet.

§ 2. Permezz tal-kooperazzjoni bejn it-tribunali, imbagħad, skont il-kan.1418, jiġi żgurat li kulħadd, parti jew xhud, jista’ jipparteċipa fil-proċess bl-anqas spejjeż.

Art. 8 § 1. Fi djoċesijiet li m’għandhomx tribunal tagħhom, l-Isqof għandu jieħu ħsieb li jħarreġ, kemm jista’ jkun malajr, anke permezz ta’ korsijiet ta’ formazzjoni permanenti u kontinwi, imnedija mid-djoċesijiet jew mill-gruppi tagħhom u mis-Sede Appostolika, ilkoll bi skop wieħed, persuni li jistgħu jagħtu sehemhom fit-tribunal li għandu jitwaqqaf għall-kawżi taż-żwieġ.

§ 2. L-Isqof jista’ jitwarrab mit-tribunal interdjoċesan imwaqqaf skont in-norma tal-kan. 1423

Titlu II – Id-dritt li ż-żwieġ jiġi kkontestat

Art. 9. Jekk wieħed mill-miżżewġin imut matul il-proċess, qabel ma tintemm il-kawża, l-istanza tiġi sospiża sakemm il-parti l-oħra jew xi ħadd ieħor interessat jitlob li l-kawża titkompla. F’dan il-każ, irid jiġi ppruvat l-interess leġittimu.

Titlu III – L-introduzzjoni u l-eżami tal-kawża

Art. 10. L-imħallef jista’ jaċċetta t-talba orali kemmildarba ma jkunx possibbli għall-parti li tippreżenta t-talba bil-miktub: madankollu, hu għandu jordna lin-nutar biex ifassal bil-miktub att li għandu jinqara lill-parti u li jrid jiġi approvat minnha, u li jieħu post it-talba miktuba mill-parti għal skop ta’ liġi.

Art. 11 § 1. It-talba għandha tiġi murija lit-tribunal djoċesan jew interdjoċesan magħżul skont in-norma tal-kan. 1673 § 2.

§ 2. Titqies li m’għandhiex oppożizzjoni għat-talba dikil-parti konvenuta li tafda ruħha għall-ġustizzja tat-tribunal jew li ma tagħti ebda tweġiba wara li tkun ġiet imsejħa kif suppost għat-tieni darba.

Titlu IV – Is-sentenza, l-appelli u l-eżekuzzjoni tagħha

Art. 12. Biex ikun hemm dik iċ-ċertezza morali mitluba skont il-liġi, mhux biżżejjed li tingħata ħafna importanza lill-provi u lill-indizi, imma jeħtieġ li jiġi eskluż għalkollox kull dubju li jista’ jkun hemm żball, fil-liġi jew fil-fatt, anke jekk mhix eskluża għalkollox il-possibbiltà tal-kuntrarju.

Art. 13. Jekk parti tiddikjara li tirrifjuta li taċċetta kull informazzjoni dwar il-kawża, dan ikun ifisser li din tirrinunzja li takkwista kopja tas-sentenza. F’dan il-każ tista’ tiġi notifikata lilha dik il-parti tas-sentenza li jkun fiha d-deċiżjoni tal-kawża.

Titlu V – Il-proċess iqsar taż-żwieġ quddiem l-Isqof

Art. 14 § 1. Iċ-ċirkustanzi li jippermettu t-trattazzjoni tal-kawża tan-nullità taż-żwieġ permezz tal-proċess iqsar skont il-kan. 1683-1687, jinkludu pereżempju: dak in-nuqqas ta’ fidi li jista’ jwassal għal simulazzjoni tal-kunsens jew għal żball li jiddetermina r-rieda; il-qosor tal-konvivenza konjugali; l-abort magħmul sabiex ma jkunx hemm prokreazzjoni; qagħda persistenti f’relazzjoni barra ż-żwieġ matul il-perijodu taż-żwieġ jew fil-perijodu li jiġi immedjatament wara; il-ħabi doluż tal-isterilità jew ta’ marda gravi li tittieħed jew ta’ ulied imwielda minn relazzjoni preċedenti, jew ta’ ħabs; żwieġ ikkawżat minn raġunijiet lilhinn mill-ħajja konjugali jew minħabba tqala mhux mistennija tal-mara; il-vjolenza fiżika imwettqa biex jingħata l-kunsens; nuqqas tal-użu tar-raġuni ippruvata minn dokumenti mediċi, eċċ.

§ 2. Fost id-dokumenti li jsostnu t-talba hemm id-dokumenti mediċi kollha li jistgħu jirrendu inutli t-tiftix ta’ perizja tal-esperti.

Art. 15. Jekk tkun ġiet ippreżentata t-talba biex tintroduċi proċess ordinarju, imma l-Vigarju ġudizjali jħoss li l-kawża tista’ tiġi ttrattata bil-proċess qasir, hu għandu, filwaqt li jagħmel in-nota fuq it-talba skont il-kan. 1676 § 1, jitlob lill-parti l-oħra biex tinforma lit-tribunal jekk għandhiex intenzjoni tassoċja ruħha mat-talba ppreżentata u tipparteċipa fil-proċess. Kull meta jkun hemm bżonn, hu għandu jitlob lill-parti jew il-partijiet li jkunu ffirmaw t-talba sabiex jintegrawha mill-aktar fis skont in-norma tal-kan.1684.

Art. 16. Il-Vigarju ġudizzjali jista’ jinnomina lilu nnifsu bħala istruttur, imma, fejn hu possibbli għandu jinnomina istruttur mid-djoċesi mnejn oriġinat il-kawża.

Art. 17. Fil-ħruġ taċ-ċitazzjoni skont il-kan. 1685, il-partijiet għandhom jiġu infurmati li, tal-anqas tlitt ijiem qabel is-sessjoni istruttorja, jistgħu jippreżentaw l-artikli tal-argumenti li fuqhom jixtiequ li jsir l-interrogatorju tal-partijiet jew tax-xhieda, jekk dawn l-artikli ma ġewx mehmuża mat-talba.

Art. 18. § 1. Il-partijiet u l-avukati tagħhom jistgħu jassistu għall-eżami tal-partijiet l-oħra u tax-xhieda, sakemm l-istruttur ma jħossx li, minħabba ċirkustanzi ta’ ħwejjeġ u persuni, għandu jsir mod ieħor.

§ 2. It-tweġibiet tal-paritjiet u tax-xhieda għandhom jitniżżlu bil-miktub min-nutar, imma fil-qosor u jinkludu biss dak li għandu x’jaqsam mal-kawża taż-żwieġ.

Art. 19. Jekk il-kawża taqa’ f’idejn tribunal interdjoċesan, l-Isqof li għandu jagħti s-sentenza hu dak tal-post li fuqu ġiet stabbilita l-kompetenza skont il-kan.1672. Jekk, imbagħad, hemm aktar minn Isqof wieħed, jiġi osservat sa fejn hu possibbli l-prinċipju tal-qrubija bejn il-partijiet u l-imħallef.

Art. 20 § 1. L-Isqof djoċesan għandu jistabbilixxi, skont il-prudenza tiegħu, il-mod li bih tiġi mħabbra s-sentenza.

§ 2. Is-sentenza, iffirmata mill-Isqof flimkien man-nutar, trid turi, fil-qosor u b’mod ordnat, ir-raġunijiet tad-deċiżjoni u normalment tiġi avżata lill-partijiet fi żmien xahar mill-jum tad-deċiżjoni

Titlu VI – Il-proċess dokumentali

Art. 21. L-Isqof djoċesan u l-Vigarju ġudizzjali kompetenti jiġu ddeterminati skont in-norma tal-kan. 1672.


[1] Ara: Konċilju Ekumeniku Vatikan II, Kost. domm. Lumen Gentium, n. 27.

[2] Ara: Kodiċi tad-Drittu Kanoniku, kan. 1752.

[3] Ara: Pawlu VI, Allocuzione ai partecipanti del II Convengo Internazionale di Diritto Canonico, 17 ta’ Settembru 1973.

[4] Ara: Relatio Synodi, n. 48.

[5] Ara: Franġisku, Eżortazzjoni Appostolika Evangelii gaudium, n. 27, in AAS 105 (2013), p. 1031.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Carm Cachia

Traduzzjoni riveduta minn Fr Brendan M. Gatt

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.