Il-Papa f’Santa Marta: Aħna  ma nistgħux nimxu ’l quddiem mingħajr il-Knisja

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 15 ta’ Settembru 2014: Bħalma mingħajr Marija ma setax ikun hemm Ġesù, l-istess aħna ma nistgħux nimxu ’l quddiem mingħajr il-Knisja.  Dan qalu l-Papa dalgħodu waqt li kien qed jippresjedi l-quddiesa fid-Dar Santa Marta, fil-jum li fih il-Knisja tiċċelebra t-tifkira tal-Beata Verġni Addolorata.

Wara li wrietna l-glorja tas-Salib, il-liturġija turina lill-Omm umli u ġentili.  Fl-ittra lil-Lhud, Pawlu jagħmel enfasi fuq tliet kelmiet qawwijin.  Jgħid li Ġesù tgħallem, obda u sofra.  Kien il-maqlub ta’ dak li kien ġara lil missierna Adam li ma riedx jitgħallem dak li kien ordnalu l-Mulej, ma riedx ibati u lanqas jobdi.  Iżda Ġesù, minkejja li kien Alla, sar xejn, umilja ruħu u sar qaddej.  Din hi l-glorja tas-Salib ta’ Ġesù.

Il-Papa kompla jgħid li Ġesù ġie fid-dinja biex jitgħallem ikun bniedem, u għax kien bniedem, jimxi mal-bnedmin.  Ġie fid-dinja biex jobdi, u obda.  Imma din l-ubbidjenza tgħallimha mit-tbatija.

Adam ħareġ mill-Ġnien tal-Eden b’wegħda li damet għaddejja sekli sħaħ.  Illum, b’din l-ubbidjenza, bil-mod kif xejjen lilu nnifsu, kif umilja ruħu Ġesù, dik il-wegħda saret tama.  U l-poplu t’Alla jimxi f’tama ċerta.  Anke l-Omm, l-Eva l-ġdida, kif isejħilha Pawlu stess, tieħu sehem f’din it-triq ta’ Binha: tgħallmet, batiet u obdiet.  U saret Omm.

L-Evanġelju jurina lil Marija f’riġlejn is-Salib.  Ġesù jgħid lil Ġwanni: ‘Hawn hi Ommok.’  Marija, afferma l-Papa, ħadet id-dilka ta’ Omm.  U din hi wkoll it-tama tagħna.  Aħna m’aħniex orfni, għandna l-Ommijiet: għandna lil Ommna Marija.  Imma anke l-Knisja hija Omm u anke l-Knisja għandha d-dilka ta’ Omm meta timxi fl-istess triq ta’ Ġesù u ta’ Marija: it-triq tal-ubbidjenza, it-triq tat-tbatija, u meta jkollha l-atteġġjament li trid titgħallem, dejjem u l-ħin kollu, it-triq tal-Mulej.

Dawn iż-żewġ nisa, Marija u l-Knisja, imexxu ’l quddiem it-tama li hi Kristu, inisslu lil Kristu fina.  Mingħajr Marija ma kienx ikun hemm Ġesù Kristu; mingħajr il-Knisja ma nistgħux nimxu ’l quddiem.

Il-Papa kompla jgħid li għandna żewġ nisa u żewġ Ommijiet u ħdejhom hemm ir-ruħ tagħna li, kif kien jgħid il-monaku Iżakk, l-Abbati ta’ Stella, hija femminili u tixbah lil Marija u lill-Knisja.

Illum, aħna u nħarsu lejn din il-mara ħdejn is-Salib, fil-mixja determinata tagħha wara Binha Ġesù fit-tbatija biex titgħallem l-ubbidjenza, aħna u nħarsu lejha, inħarsu lejn il-Knisja u naraw lil Ommna.  U aħna nħarsu wkoll lejn ir-ruħ żgħira tagħna, li mhi se tintemm qatt jekk tkompli tkun femminili u qrib ta’ dawn iż-żewġ nisa kbar li jakkumpanjawna tul ħajjitna: Marija u l-Knisja.

U kif mill-Eden missirijietna ħarġu b’wegħda, aħna llum nistgħu nimxu ’l quddiem b’tama: it-tama li ttina Ommna Marija qawwija taħt is-Salib u Ommna l-Knisja ġerarkika.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading