Il-Papa f’Santa Marta: Il-kuraġġ li nagħrfu li aħna midinbin  jiftaħna  għaż-żegħil ta’ Alla

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 18 ta’ Settembru 2014: Il-kuraġġ li nagħrfu lilna nfusna bħala midinbin jiftaħna għaż-żegħil ta’ Alla, għall-maħfra tiegħu, qal il-Papa Franġisku dalgħodu waqt il-quddiesa fid-Dar Santa Marta.

Il-liturġija tallum tippreżentalna l-Evanġelju tal-midinba li taħsel saqajn Ġesù bi dmugħha, troxxlu fuqhom iż-żejt ifuħ u tixxuttahomlu b’xagħarha.

Ġesù kien mistieden f’dar ta’ fariżew, persuna ta’ ċertu livell, ta’ kultura, li xtaq jisma’ lil Ġesù, id-duttrina tiegħu, isir jaf aktar.  F’qalbu jiġġudika kemm lill-midinba kif ukoll lil Ġesù għax, jaħseb, li kieku kien veru profeta kien ikun jaf xi kwalità ta’ mara kienet dik li kienet qed tmissu.  Ma kienx qalbu ħażina imma ma jirnexxilux jifhem il-ġesti ta’ dik il-mara, osserva Franġisku.

Ma jirnexxilux jifhem ġesti elementari, il-ġesti elementari tan-nies.  Forsi dan il-bniedem kien nesa kif iżiegħel b’tarbija, kif jikkonsla lin-nanna.  Fit-teoriji tiegħu, fi ħsibijietu, fil-ħajja tiegħu fil-gvern – għax forsi kien xi kunsillier tal-fariżej – kien nesa l-ġesti elementari tal-ħajja, l-ewwel ġesti li lkoll kemm aħna, malli nitwieldu, nibdew nirċievu mingħand il-ġenituri tagħna.

Ġesù, żied Franġisku, iċanfar lill-fariżew bl-umiltà u bit-tenerezza.  Il-paċenzja tiegħu, imħabbtu, ix-xewqa li jsalva lil kulħadd, iġagħluh jispjega lill-fariżew dak li kienet għamlet miegħu l-mara midinba, u liema ġesti ta’ kortesija ma kienx għamillu hu.  U fost it-tfesfis ta’ kull min kien preżenti, jgħid lill-mara:  ‘Dnubietek maħfura.  Mur fil-paċi, il-fidi tiegħek salvatek!’

Il-kelma ‘salvatek’, ‘il-fidi tiegħek salvatek’, Ġesù jgħidha biss lill-mara, li hi midinba.  U jgħidhielha għax hi rnexxielha tibki dnubietha, tistqarrhom u tgħid: ‘Jien midinba,’ u tgħid dan lilha nfisha.

Ġesù ma jgħidx dil-kelma lil dawk in-nies, li ma kinux nies ħżiena imma kienu jemmnu li huma mhux midinbin.  Ġesù jgħid dil-kelma, ‘Int salv’, ‘Inti salva’, ‘Int salvajt’, biss lil min jiftaħ qalbu u jagħraf li hu midneb.  Is-salvazzjoni tidħol fil-qalb biss meta aħna niftħu qlubna fil-verità ta’ dnubietna.

Il-post privileġġjat tal-laqgħa tagħna ma’ Ġesù Kristu, kompla jgħid il-Papa, huwa proprju dnubietna.  Din tidher ereżija, osserva, imma kien jgħid dan anke San Pawl li kien jiftaħar b’żewġ affarijiet biss: bi dnubietu u b’Ġesù Rxoxt li salvah.

Għalhekk, li nagħrfu dnubietna, li nagħrfu l-miżerja tagħna, li nagħrfu dak li aħna u dak li għandna ħila nagħmlu jew li għamilna, hu proprju l-bieb li jiftaħna għaż-żegħil ta’ Ġesù, għall-maħfra ta’ Ġesù, għall-kelma ta’ Ġesù: ‘Mur fil-paċi, il-fidi tiegħek salvatek!’  Għax kont kuraġġuż, kont kuraġġuża, u ftaħt qalbek għal Dak li Hu biss jista’ jsalvak.

Lill-ipokriti Ġesù jgħidilhom: ‘Il-prostituti jaslu qabilkom fis-Saltna tas-Smewwiet.’  Qawwija din, temm il-Papa, għax dawk li jħossu li huma midinbin, meta jqerru dnubiethom, jiftħu qlubhom għal-laqgħa ma’ Ġesù li ta Demmu għalina lkoll.

Ħajr lill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija, Rabat, Malta

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading