Omelija tal-Isqof Mario Grech fl-okkażjoni tas-7 anniversarju mill-Konsagrazzjoni Episkopali


MILL-MILJA TAL-QALB JITKELLMU X-XOFFTEJN

Omelija ta’ Mons Isqof Mario Grech
Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fl-okkażjoni tas-7 anniversarju mill-Konsagrazzjoni Episkopali
Knisja Ragħaj it-Tajjeb, ir-Rabat – it-Tlieta 22 ta’ Jannar 2013

Poplu ta’ qalb kbira
Fl-Atti tal-Appostli naqraw li meta Pawlu u dawk li kienu miegħu fuq il-ġifen ħelsu mill-għarqa, Publiju laqagħhom u “bil-qalb kollha” żammhom għandu tlett ijiem (28,7). Fil- kumment tiegħu dwar dan il-passaġġ, San Ġwann Griżostmu jiddeskrivi lil Publiju bħala bniedem ta’ “qalb kbira”: “għax irid ikollok qalb kbira biex tilqa’ u żżomm għandek mitejn u sitta u sebgħin ruħ”.

Il-Maltin ukoll kellhom “qalb kbira”, tant li l-awtur tal-Atti tal-Appostli jikteb li meta dawk li ħelsu mill-għarqa waslu l-art, il-Maltin “ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha. Laqgħuna tajjeb lilna lkoll” (28, 1-2). Meta mbagħad Pawlu ġie biex jitlaq, il-Maltin “għabbew fuq il-ġifen kull ma konna neħtieġu” (28,10).

Jien napprezza li l-poplu tagħna għad għandu “qalb kbira”, fis-sens li huwa ġeneruż ħafna ma’ dawk li huma fil-bżonn. Għadha friska fil-menti tagħna lkoll il-ġenerożità kbira li wera ġensna f’dawn l-aħħar żewġ kampanji għall-karità. Nistqarr li waħda mis-sodisfazzjonijiet li kelli bħala isqof f’dawn is-seba’ snin li għaddew kienet il-karità li jagħmlu n-nies tagħna permezz tal-Knisja! Nassigurakom li, minbarra dawk l-għotjiet u ġesti oħra ta’ karità li nisimgħu bihom, hemm ħafna aktar li jsir fil-moħbi. Nitlob lil Alla biex jgħinna ma nitilfux din il-karatteristika daqshekk umana u evanġelika!

Il-qalb tal-bniedem skont l-Iskrittura
Imma fis-sens bibliku l-kelma “qalb”, filwaqt li timplika qalb li tħenn u tgħin lill-proxxmu, għandha tifsira ferm aktar wiesa’ minn hekk.

Qalb mimlija għerf
Infatti fl-Iskrittura l-qalb hija l-fakultà biex il-bniedem jikseb l-għarfien. Fil-ktieb tal-Proverbji jingħad li “il-qalb intelliġenti tfittex il-għerf” (15,14) u li “qalb l-għaref tqiegħdlu l-għaqal fuq fommu” (16,23). Imbgħad is-Salmista jitlob lil Alla: “għallimna ngħoddu jiem ħajjitna u niksbu qalb sapjenti” (Salm 90,12). F’dan is-sens jidher ċar li, fil-kuntest tal-Kelma t’Alla, li wieħed ma għandux qalb ma jfissirx li huwa krudil jew kattiv imma li huwa bla moħħ! Min-naħa l-oħra, il-bniedem li għandu l-qalb huwa dak li għaraf is-sewwa. Għalhekk, meta nixtieq li l-poplu tagħna jkollu “qalb kbira” ifisser li nixtiequ jkompli jniżżel l-għeruq tiegħu fil-verità, kemm permezz tat-tħaddim korrett tar-raġuni kif ukoll permezz tal-fidi. Huwa minnu li ħafna mill-veritajiet tagħna l-Kattoliċi huma marbuta mat-twemmin tagħna, imma huwa minnu wkoll li hemm verità li naslu għaliha bir-raġuni naturali tagħna. Il-bniedem tal-lum, anke dak li ma jemminx, jeħtieġ li jkollu din il-“qalb intelliġenti” biex bil-mod il-mod jagħraf il-verità!

Qalb li tiġġedded
Fis-sens bibliku, huwa fil-qalb li l-bniedem jagħmel l-esperjenza tal-konverżjoni: “Qalb niedma u sogħbiena, int ma twarrabhiex O Alla” (Salm 50,19). Il-konverżjoni hija proċess importanti ħafna għaliex filwaqt li l-bniedem jagħraf id-dgħufija tiegħu, huwa jaħdem fuqu nnifsu biex jikber fil-perfezzjoni. Il-konverżjoni tmur ’il hemm mill-esperjenza reliġjuża; hija attitudni li takkumpanja kull aspett tal-ħajja tagħna. Ikun imqarraq waħda sew jekk il-bniedem jidhirlu li wasal u għalhekk ma baqagħlux spazji oħra fejn jista’ jikber! Dan il-proċess ta’ tiġdid neħtiġuh bħala individwi kif ukoll bħala komunità, kemm dik ekkleżjali kif ukoll dik ċivili. Il-bniedem umli jammetti li akar ma jersaq lejn is-sewwa, aktar jintebaħ kemm ikollu ħtieġa li jikkoreġi l-istess ċertezzi li jkollu u l-kriterji kif jagħmel l-għażliet tiegħu. Min għandu din ix-xorta ta’ “qalb”, huwa mżejjen b’fakultà siewja ħafna li tgħinu jibni rapporti dejjem ġodda kemm ma’ Alla kif ukoll mal-proxxmu tiegħu.

Il-bniedem jaf iwebbes qalbu mhux biss ma’ sħabu l-bnedmin, imma wkoll ma’ Alla! Qalbna tant taf tagħmel reżistenza għat-tajjeb, u tant tista’ tirrifjuta s-sewwa, u tant għandha ħila li tippersisti fil-ħażin, li kapaċi tinbidel f’qalb iebsa tal-ġebel. Imma kif jgħid il-profeta Eżekjel, Alla lest li jneħħi mill-bniedem din il-qalb tal-ġebel biex flokha jpoġġi qalb tal-laħam (11,19). Kontra dan ir-riskju, il-bniedem ma għandu qatt jgħejja fl-impenn tiegħu biex iżejjen qalbu bid-doċilità biex bil-kalma u bl-għaqal ikun jista’ jixtarr u jiżen dak kollu li jħabbat wiċċu miegħu. Alla nnifsu jitlob lill-poplu tiegħu biex “jaħtnu qlubhom” (Dewt 10,16) għax, kif iwiddeb l-Imgħallem tagħna Ġesù, “hu mill-qalb tal-bniedem, li joħorġu l-ħsibijiet ħżiena: żina, serq, qtil, adulterju, rebgħa, ħażen, qerq, libertinaġġ, għira, malafama, suppervja u bluha” (Mk 7,20-22).

Qalb li tfittex dak li hu tajjeb
Fuq kollox, fl-Iskrittura l-qalb hija sinonimu għar-rieda. Qalb qawwija tfisser rieda soda, deċiża u determinata biex tilħaq u twettaq dawk l-valuri u idejali li jkunu jfuru fiha. Hawnhekk niftakar fit-talba li għamel Salamun: “Agħti lill-qaddej tiegħek qalb ħelwa biex jifhem, biex jista’ jmexxi l-poplu tiegħek u jagħraf it-tajjeb mill-ħażin; għax inkella min jasal biex imexxih dan il-poplu tiegħek ta’ kotra hekk kbira?” (1 Slat 3,9). F’dan il-kuntest, barra mill-aspett affettiv u razzjonali, il-qalb għandha dimensjoni oħra importanti: fiha hemm depożitu etiku u morali! Hija l-qalb li tgħin lill-bniedem jagħraf u jagħżel bejn it-tajjeb u l-ħażin!

Il-ministeru tal-Isqof
F’din iċ-ċirkustanza tal-lum, meta qegħdin infakkru s-seba’ anniversarju mill-konsagrazzjoni tiegħi bħala isqof ta’ din id-djoċesi, nistqarr magħkom li, flimkien mat-talba li nagħmel lil Alla biex lill-poplu tagħna jagħtih “qalb kbira” fit-termini li fissirt aktar ’il fuq, inħeġġiġkom titolbu wkoll għalija biex Alla jagħtini “qalb kbira” bħalma kellu San Publiju li, skont it-tradizzjoni, kien l-ewwel isqof f’dawn il-gżejjer.

L-isqof, li mis-sejħa tiegħu propja huwa “president u ministru tal-karità fil-Knisja lokali” (Deus Caritas est, 32), irid ikollu “qalb kbira” li tagħmel karità biex hekk irawwam fl-Insara “qalb li tara” l-miżerji tas-soċjetà.

Qabel ma l-isqof jistieden lill-oħrajn għall-konverżjoni, huwa stess irid ikun bniedem miftuħ għall-bidla tal-qalb! L-isqof ma jistax ma jkunx f’mixja ta’ fidi li tgħinu jikber fir-rabta tiegħu ma’ Alla u mal-Knisja. Jekk hija l-missjoni tal-isqof li jakkumpanja lill-oħrajn fit-triq tal-qdusija, hu wkoll impenn tiegħu personali li jaħrab id-dnub tiegħu biex jgħix il-ħajja tal-grazzja. L-isqof ukoll jeħtieġlu jfittex dawk il-modi li jistgħu jgħinu fl-aġġornament tal-Knisja kemm internament kif ukoll fir-relazzjoni tagħha mas-soċjetà.

Meta wieħed iqis li hija l-missjoni tal-isqof li jgħallem u jipprietka, wieħed jifhem li huwa għandu bżonn ta’ “qalb intelliġenti li tfittex l-għerf”, partikularment l-għerf li jinżel mis-Sema. Din il-qalb hija meħtieġa llum aktar minn qatt qabel għaliex qegħdin ngħixu f’epoka fejn huma diversi dawk li jitilgħu fuq il-katedra biex jgħallmu, imma t-tagħlim tagħhom mhux biss huwa nieqes mill- korrettezza, imma xi drabi huwa wkoll falz. Huwa d-dmir tal-Isqof li jwassal it-taghlim sħiħ tal-fidi, anke minkejja r-riskju li meta l-isqof ixandar id-duttrina Kattolika huwa jista’ jiġi akkużat li huwa bla qalb, jew li ma jifhimx lill-bniedem tal-lum u ma jafx iħenn quddiem sitwazzjonijiet ta’ tbatija!

Bħal kull bniedem ieħor, l-isqof huwa suġġett għal waqtiet ta’ qtigħ il-qalb, speċjalment quddiem l-isfidi li toffri s-soċjetà sekularizzata, jekk mhux ukoll anti-Kristjana, ta’ żminijietna! Għalhekk huwa għandu bżonn li Alla jwessagħlu qalbu biex ma jonqsuhx il-kuraġġ, il-fermezza u d-determinazzjoni meħtieġa fit-twettiq tal-ministeru tiegħu.

Meħtieġa l-grazzja ta’ Alla
Dan kollu jikkonferma kemm, biex iwettaq il-ministeru afdat lilu, l-isqof ma jistax ma jkollux “qalb kbira”! Illejla nħoss li nista’ nagħmel kunfidenza magħkom ilkoll, partikularment magħkom is-saċerdoti! L-ikbar ġerħa li tista’ ssirli huwa meta xi ħadd jallega li l-isqof huwa qalbu iebsa jew li saħansitra għandu l-intenzjoni li jagħmel il-ħsara! Filwaqt li nirrikonoxxi l-limitazzjonijiet tiegħi u li hemm ħwejjeġ li jistgħu jsiru aħjar, nistqarr li qatt ma jien ser nippermetti lili nnifsi li mmur kontra n-natura tal-istess uffiċċju tiegħi ta’ isqof, li huwa uffiċċju ta’ mħabba – officium caritatis ! Però, fl-istess waqt nagħraf il-bżonn li kontinwament nitlob lil Alla jagħtini qalb ikbar minn dik li għandi! Għalhekk nagħmel tiegħi t-talba li għamel Salamun: “Agħti lill-qaddej tiegħek qalb ħelwa biex jifhem, biex jista’ jmexxi l-poplu tiegħek u jagħraf it-tajjeb mill-ħażin; għax inkella min jasal biex imexxih dan il-poplu tiegħek ta’ kotra hekk kbira?” (1 Slat 3,9).