Quddiesa tal-Ħadd mill-Kappella tal-Madonna tal-Providenza – 6 ta’ Settembru


Is-Sibt, 12 ta’ Settembru 2020: Quddiesa tal-Ħadd mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-Kappella tal-Madonna tal-Providenza …

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ma nafx jekk tiftakrux li meta Kajjin qatel lil ħuh Abel, fl-istorja li għandna fl-ewwel ktieb tal-Bibbja, il-Ġenesi, Alla jmur ifittex lil Abel u lil ħuh Kajjin jgħidlu: “Fejn hu ħuk?” U Kajjin jgħidlu: “Mela jiena se noqgħod nieħu ħsieb ħija?” (ara Ġen 4:9).

Din hija traġedja li l-Mulej, fl-Evanġelju tal-lum u fil-Kelma ta’ Alla li smajna, jixtieqna nevitaw: li meta naħsbu f’ħutna u f’xulxin l-ewwel ħsieb li jiġina: ‘U x’jimpurtani? M’għandix tiegħi biżżejjed?’ Kull min qed jismagħni jifhem x’tentazzjoni kbira jkollna ngħidu hekk, b’mod speċjali f’sitwazzjonijiet diffiċli.

Il-Mulej Ġesù jinsisti li jekk xi ħadd minn ħutna jkollu bżonn min iwiddbu jew iwissih, din hija parti mill-imħabba ta’ bejn l-aħwa. “Jekk ħuk jaqa’ f’xi dnub mur sibu waħdu u widdbu” (Mt 18:15). Ġesù għaliex qed jgħidilna hekk? Biex nerfgħu salib xulxin? Biex nissindikaw lil xulxin? Biex dejjem mehdijin b’xulxin? Biex nikkritikaw lil xulxin? Ġesù qed jgħidilna hekk għaliex irid jgħallimna li l-imħabba tfisser ukoll li jekk ħija qiegħed fl-iżball, inwiddbu u niftaħlu għajnejh. Imma biex nagħmilha b’imħabba, x’irid ikolli? L-ewwel nett sens kbir ta’ umiltà. “Ħi, jiena qed inwiddbek, imma inti se jkollok bżonn ukoll tagħmel l-istess miegħi meta tiġi siegħa ħażina fuqi”. Għax l-ewwel ħaġa li jrid ikollna f’moħħna meta nippruvaw inwissu lil xi ħadd, hi li aħna m’aħna aħjar minn ħadd. Min m’għandux salib għandu domna. Imma li nwiddbu ’l xulxin huwa sinjal ta’ mħabba, sinjal li jiena jimpurtani li ħija jimxi sew.

“Jekk jisma’ minnek tkun irbaħt lil ħuk” (Mt 18:15). Innutaw lil Ġesù avolja qed jitkellem fuq wieħed li żbalja: “Dak ħuk”. Ma jgħidx ‘midneb’ iżda ‘ħuk’. Jgħid li jekk ma jismax minnek ġib ix-xhieda, jekk anqas jisma’ minnhom mur għid lill-ġemgħa, lill-Knisja. U jekk ma jismax mill-Knisja trid tirrispetta l-għażla tiegħu imma ma taqtax qalbek minnu (ara Mt 18:16-18).

Ġesù jitkellem dwar il-pagani u l-pubblikani imma jekk fl-Evanġelju nsibu x’għamel magħhom, insibu li Ġesù ħa paċenzja bihom, kiel magħhom, semagħhom u wieħed minnhom, Żakkew, pereżempju, daħal fid-dar tiegħu u għenu jikkonverti. Ġesù sejjaħ lil San Mattew, Pubblikan ieħor, biex ikun appostlu tiegħu. Allura ma jfissirx li aħna ninsewh lil xi ħadd għax ma jridx jaf. Meta niftakru li Ġesù qalilna: “Żommu b’wieħed pagan u pubblikan” (Mt 18:17) ma jfissirx li salib kbir fuq rasu jew taqtgħu mir-reġistru, imma ftakar kif Ġesù kif ħa ħsieb ukoll lil dawn in-nies li ma ridux jafu.

Fil-fatt, fl-ewwel qari (Eżek 33:7-9) il-Mulej, bi kliem iebes, jgħidilna li se jitlobna kont ta meta stajna ngħidu kelma ta’ ġid u m’għidnihiex imma jġegħelna nifhmu wkoll li kulħadd se jkollu l-libertà jisma’ minnek jew le. Taqtax qalbek! Kultant niltaqa’ ma ġenituri jgħiduli kemm it-tfal ma jisimgħux minnhom. Minn waħda jidħol u mill-oħra joħroġ. Illum lanqas tista’ tkellimhom! Ma naqtgħux qalbna. Id-dover tagħna rridu nagħmluh b’imħabba, b’umiltà u bil-kalma u b’ħafna paċenzja. Dan biex imbagħad kulħadd irid jerfa’ r-responsabbilità tal-għażliet tiegħu.

Ġesù jfakkarna wkoll li l-għaqda ta’ bejnietna għandha qawwa kbira: “Fejn tnejn jew tlieta jinġabru f’ismi hemm jien f’nofshom” (Mt 18:20). Kemm hi ħaġa sabiħa li min qed isegwina permezz ta’ din ix-xandira u tal-mezzi tal-komunikazzjoni soċjali, iħossu unjoni magħna. Aħna nibqgħu ninġabru fil-knejjes tagħna, intellgħu lejn is-sema t-talba ħerqana biex il-Mulej ikompli jħarisna, iberikna u jieħu ħsiebna.

Illum, qed niċċelebraw din il-quddiesa mill-kappella tal-Madonna tal-Providenza, fis-Siġġeiwi, propju f’dan il-Ħadd li l-poplu ta’ din il-parroċċa antika u għażiża qed ifakkar il-festa ta’ l-Madonna bit-titlu tal-providenza. Hawnhekk qegħdin f’Ħal Kbir, wieħed mill-erba’ rħula li flimkien bnew ir-raħal tas-Siġġiewi, Civitas Ferdinand. Għaliex il-Gran Mastru Ferdinand Von Hompesch poġġa ismu kullimkien u ta t-titlu prestiġġjuż ta’ belt (città).

Mhux ’il bogħod minn hawn hawn id-Dar tal-Providenza. Kemm hi ħaġa sabiħa li hawnhekk għal sekli sħaħ kien hawn, u għad hawn fostna, din il-kappella tal-Madonna tal-Providenza. Imma intom tafu li d-Dar tal-Providenza teżisti minħabba l-providenza u l-għożża tal-poplu Malti u Għawdxi.

Il-Madonna tal-Providenza fl-ikonografija tagħha għandha l-għeneb u ż-żbul. Dan huwa l-mument tal-ħsad li wieħed jiġbor u jagħsar l-għeneb. Fil-kwadru antik, li l-kopja oriġinali kienet insterqet imbagħad instabet u llum qiegħda fil-parroċċa tas-Siġġiewi, l-anġli qed iġorru l-frott tal-art. Aħna, minn hawn u ftit ieħor, se nressqu l-frott tal-art u xogħol il-bniedem fuq l-artal u l-Mulej jibdlu fil-ġisem u d-demm ta’ ibnu, u din hija l-ikbar providenza.

✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Eżek 33, 7-9
Salm: 94 (95), 1-2.6-7.8-9
Qari II: Rum 13, 8-10
Evanġelju: Mt 18, 15-20

Sors: www.knisja.mt

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.