Fil-11 ta’ Settembru l-Knisja tfakkar lil San Ġwann Gabrijel Perboyre, Saċerdot, Missjunarju u Martri li għex bejn is-snin 1803 sa 1840.
Ġwanni Gabrijel twieled fir-raħal ċkejken ta’ Puech, fi Franza, fi ħdan familja nisranija tassew. Kienu tmien aħwa b’kollox, li ħamsa minnhom daħlu fil-kongregazzjoni ta’ San Vincenz de Paul. Kien tant attent fl-istudju u tant magħruf għal tjubitu, li kiseb it-titlu ta’ “qaddis ċkejken.”
Meta kellu 15-il sena sema’ prietka u tnisslet fih xewqa li jsir missjunarju. Huwa ngħaqad mal-Viċenzjani fil-Milied tal-1818. Kien ordnat saċerdot f’Pariġi fl-1825. Huwa għadda l-ewwel 12-il sena wara l-ordinazzjoni tiegħu bħala għalliem, rettur ta’ seminarju u assistent majjistru tan-novizzi waqt li sikwit kien jitlob li jintbagħat fiċ-Ċina.
Fl-aħħar qata’ xewqtu u telaq minn Franza għal Macao fil-21 ta’ Marzu, 1835.
Għal erba’ snin ħadem kemm felaħ u kellu suċċessi tajbin fil-provinċji ta’ Honan u ta’ Hupeh. Imbagħad l-imperatur ħareġ l-editt ta’ persekuzzjoni kontra l-insara. Wara li kien ilu jaħdem hemm erba’ snin, Padre Perboyre, bħal Ġesù, kien ittradut għal ftit flus minn wieħed mill-insara ġodda tiegħu u mogħti f’idejn l-awtoritajiet. Għal sena sħiħa Ġwann Gabrijel sofra torturi tal-biża’ magħluq ġo ċella kollha ntiena għax irrifjuta li jgħaffeġ salib taħt saqajh jew li jittradixxi lil sħabu. Stampawlu fuq wiċċu erba’ karattri Ċiniżi li jfissru “Għalliem ta’ reliġjon falza.”
Hu kien ikkundannat għat-tgħalliq fuq salib flimkien ma’ ħames kriminali. Ftit qabel qatluh irnexxielu għal ftit mumenti jinżel għarkupptejh jitlob, u, minn taħt l-ilsien lissen: “Missier, f’idejk nerħi ruħi.” U hekk, fost tbatijiet ħorox sal-aħħar, radd ruħu lill-Mulej. Kien il-jum tal-Ġimgħa, 11 ta’ Settembru, 1840.
Sentejn biss wara mewtu, Papa Girgor XVI iffirma d-digriet għall-introduzzjoni tal-beatifikazzjoni ta’ Ġwann Gabrijel Perboyre. Ljun XIII niżżlu mal-beati fl-1889, u Ġwanni-Pawlu II niżżlu fil-lista tal-qaddisin fit-2 ta’ Ġunju, 1996.