Omelija tal-Isqof Mario Grech fil-Quddiesa b’suffraġju ta’ Dun Manwel Camilleri


Omelija fil-Quddiesa b’suffraġju ta’ Dun Manwel Camilleri
Knisja Arċipretali ta’ Santa Margerita, Ta’ Sannat
Il-Ġimgħa 29 ta’ Lulju 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

ID-DONATURI TAL-ORGANI HUMA PROFETI TAT-TAMA

X’rabta hemm bejn San Franġisk de Sales, Isqof ta’ Ginevra li għex fis-seklu sittax, il-Beatu Dun Carlo Gnocchi, saċerdot minn Milan li miet fl-1956, u Dun Manwel Camilleri, saċerdot minn “tagħna” – fis-sens li huwa wieħed mill-presbiterju djoċesan u iben din il-parroċċa Ta’ Sannat? Barra mill-fatt li kienu saċerdoti, hemm fattur ieħor komuni għalihom it-tlieta.

Meta kellu wieħed u għoxrin sena u kien għadu student tal-liġi u tat-teoloġija fl-Università ta’ Padova, San Franġisk de Sales marad serjament. Lis-saċerdot li resaq fuqu biex jagħmillu l-Griżma tal-Morda, San Franġisk qallu li kien lest li wara mewtu jagħti ġismu lill-iskola tal-anatomija fil-Fakultà tal-Mediċina biex tkompli ssir ir-riċerka biex ix-xjenza tkun aktar għas-servizz tas-saħħa tal-bniedem.

Meta l-Beatu Dun Carlo Gnocchi (1902-1956) kien fuq is-sodda tal-mewt, sejjaħ lit-tabib ħdejh u talbu biex malli tieqaf qalbu, jeħodlu l-kornea ta’ għajnejh biex hekk jgħin lil min ma kienx jara biex jibda jara. Don Carlo għamel din it-talba minkejja li kien konxju li kien qed jitlob lit-tabib jagħmel xi ħaġa kontra l-liġi, għax f’dak iż-żmien il-liġi Taljana kienet għadha ma tippermettix l-għoti tal-organi. Hekk Dun Carlo Gnocchi kien l-ewwel donatur tal-organi fl-Italja.

Għalkemm qegħdin nagħmlu din il-Quddiesa funebri ta’ Dun Manwel Camilleri (1944-2016), ma għandniex it-tebut tiegħu magħna, għax dan is-saċerdot ukoll iddispona li jħalli ġismu lill-Università ta’ pajjiżna biex ix-xjenza medika tkun tista’ tkompli tagħmel l-investigazzjoni tagħha biex tkompli ssalva l-ħajjiet ta’ ħafna bnedmin.

Għalkemm hemm medda ta’ erba’ mitt sena bejn dawn it-tliet saċerdoti, it-tlieta għamlu ġest singulari ta’ ġenerożità meta offrew l-organi ta’ ġisimhom għas-servizz tal-oħrajn.

Ġesù huwa r-Ragħaj it-tajjeb li tant iħobb il-merħla tiegħu li lest li jagħti ħajtu għan-nagħaġ tiegħu. Fuq l-eżempju tiegħu dawn it-tliet saċerdoti, u magħhom ngħodd lil dawk kollha imbuttati mill-għożża tagħhom lejn il-proxxmu, għamlu d-donazzjoni tad-demm tagħhom jew tal-organi tagħhom biex isalvaw il-ħajja tal-oħrajn. Hija l-imħabba li ssuq lill-bniedem biex jagħmel dan il-ġest erojku li jagħti ġismu b’rigal b’xejn lill-ħaddieħor.

Matul iċ-ċelebrazzjoni tal-Ġublew tal-Ħniena kienu diversi d-drabi li smajna dwar l-opri tal-ħniena: “Kont bil-ġuħ u tmajtni, kont bil-għatx u sqejtni, kont għeri u libbistni”. Imma fiċ-ċirkustanza tal-lum, jien nisma’ lill-Mulej Ġesù jkompli jgħidilna: “Kelli bżonn tad-demm u tajtni mid-demm tiegħek, kont nistenna l-kornea u offrejtli tiegħek, kont neħtieġ qalb u tajtni tiegħek, kelli bżonn kilwa u tajtni waħda minn tiegħek”. Għalhekk l-għoti tad-demm jew ta’ xi organu ieħor minn ġisimna huwa opra tal-ħniena. B’dan il-ġest nobbli tiegħu kemm mill-aspett ċivili u kemm mill-aspett evanġeliku, Dun Manwel qed jistedinna ma nibqgħux lura u bħalu nagħmlu din l-opra tal-ħniena.

F’soċjetà bħal tagħna ħafna drabi mdakkra mill-egoiżmu u l-individwaliżmu, fejn il-kotra huma attenti biex isalvaw ġildhom, meta persuna tiddeċiedi li tagħti l-ġisem tagħha għall-ġid tal-komunità hija tkun qed tibgħat messaġġ qawwi ħafna. Fil-persuna ta’ Dun Manwel għandna saċerdot li wettaq dan il-ġest ta’ altruwiżmu u ġenerożità. Anzi, jien inħoss li hawnhekk Dun Manwel għamel azzjoni saċerdotali. Fil-fatt, aħna s-saċerdoti msejħa biex fuq l-eżempju tal-Mulej Ġesù, ningħataw għall-oħrajn. Hemm diversi modi kif is-saċerdot joffri l-ħajja tiegħu lill-oħrajn – f’isem il-poplu ta’ Alla rrid irrodd ħajr lis-saċerdoti tagħna li minkejja l-limitazzjonijiet umani tagħna, jagħmlu ħilithom biex jingħataw kollhom kemm huma lill-oħrajn; imma l-għoti tal-organi biex tiġi salvata l-ħajja ta’ xi ħadd marid, jew li wieħed iħalli ġismu biex jintuża għar-riċerka u hekk jitjieb is-servizz mediku, huma forom speċjali ta’ donazzjoni. Il-valur ta’ dawn l-għotjiet jikber meta wieħed iqis li dawk li jistgħu jgawdu minn din il-ġenerożità huma anonimi. Altru wieħed jagħti kilwa lil oħtu u altru jiddisponi li wara mewtu jagħti l-kliewi tiegħu lil xi ħadd li lanqas biss ikun jafu!

Aktar ma toktor il-kultura tal-għoti tad-demm jew tal-organi, aktar jikbru l-ispirtu tal-fraternità u l-għaqda ta’ bejnietna. Meta niddisponu mill-organi tagħna biex isiru t-trapjanti, aħna nkunu nirriflettu t-tagħlim ta’ San Pawl meta jgħid li bħala poplu aħna niffurmaw ġisem wieħed u kull wieħed minna huwa membru f’dan il-ġisem.

B’dan l-arranġament li għamel qabel mewtu, jiġifieri li jħalli ġismu għar-riċerka, illum Dun Manwel qiegħed jagħmlilna prietka siekta imma qawwija ħafna li ma nixtiqhiex taqa’ fuq widnejn torox. Nappella biex ilkoll nirriflettu dwar x’nistgħu nagħmlu biex tikber fostna l-kultura tal-għoti tad-demm u tal-organi. Napprezza li kulma jmur qed jikber l-għadd ta’ dawk li b’mod regolari joffru li jagħtu d-demm tagħhom. Ħasra li l-għoti tal-organi għat-trapjant jew għal-laboratorju għadha ma qabditx fostna. Qatt ma nistgħu ngħidu li l-għadd ta’ dawk il-profeti tat-tama huwa biżżejjed! Il-ġisem ta’ Dun Manwel mhux qiegħed hawn fostna, imma forsi minna lkoll ħadd daqsu ma għandu l-potenzjal li jkun daqshekk preżenti fil-ħajja ta’ ħafna – għax min jista’ jobsor min huma u kemm huma dawk li jistgħu jibbenefikaw mill-istudju u mit-tagħrif xjentifiku li ser ikun possibbli minħabba l-għotja li huwa għamel tal-ġisem mejjet tiegħu.

Nagħmlu l-qalb u ma nibżgħux inkunu ġenerużi b’dan il-mod. Imma biex ngħinu lill-marid, aħna rridu nħossu mal-marid. Ħafna drabi nibqgħu lura milli ngħinu fil-ġlieda kontra l-mard bl-għoti tad-demm jew tal-organi, propju għaliex ma jkollniex idea ta’ xi jfisser il-piż gravi tal-mard! Sfortunatament il-ġirja sfrenata tal-ħajja ma tħalliniex nintebħu bil-kruha u t-tbatija tal-mard, u forsi din hija waħda mir-raġunijiet għaliex nafu nibqgħu indifferenti quddiem il-bżonn urġenti tad-demm u tal-organi. Fis-snin li kien imsiefer l-Amerika, Dun Manwel wettaq il-parti l-kbira tal-ministeru saċerdotali tiegħu mal-morda fl-isptarijiet; u meta kellu l-opportunità japprofondixxi l-istudji tiegħu, huwa għażel li jistudja suġġetti li jgħinuh fil-pastorali sanitarja. Meta mbagħad ġie lura fid-Djoċesi tagħna, huwa kien dejjem dispost li joffri l-kura tal-bniedem sħiħ – fis-sens li kien jinteressah kemm mill-ħajja spiritwali u kemm mill-ħajja psiko-affettiva tal-bniedem. Ma nafx eżattament x’kienet il-motivazzjoni li wasslet lil Dun Manwel biex wara mewtu jagħti ġismu għar-riċerka; imma jien konvint li barra li huwa mexa fuq il-passi tal-Imgħallem tiegħu li ta lilu nnifsu għall-oħrajn, barra li fittex li jgħix il-ministeru saċerdotali tiegħu, kienet ukoll l-esperjenza tiegħu mal-morda li wasslet lil Dun Manwel biex “jingħata” għalihom anki wara mewtu. Inħoss li l-fatt li huwa kien qrib it-tbatija tal-morda għenu biex ikun ġeneruż għall-aħħar.

Meta niftakar li fil-Katekiżmu tal-Knisja jingħad li “l-għoti tal-organi tal-ġisem wara l-mewt jista’ jkun att ta’ mertu” (2301), irrid nittama li dan l-att ta’ karità li għamel Dun Manwel jiswielu għas-suffraġju tiegħu. Fl-istess waqt, filwaqt li nfakkar li għandna dmir ħiereġ mill-imħabba biex ngħinu lill-proxxmu tagħna, inżommu quddiem għajnejna dak li jgħidilna Ġesù: li meta wieħed jagħti ħajtu, isalvaha (ara Lq 9:24). Ma ninsewx li hija twila ħafna l-lista ta’ dawk li qed jistennew organi ħajjin; id-disponibbiltà tagħna biex nagħtu d-demm jew l-organi taf tagħmel differenza kbira fil-ħajja ta’ ħafna.