Fl-14 ta’ Settembru l-Knisja tagħmel il-Festa tal-Eżaltazzjoni tas-Salib Imqaddes.
Wara li l-Ġisem Imqaddes ta’ Ġesù tniżżel minn fuq is-salib u tpoġġa fil-qabar, neħħew is-salib minn postu, tefgħuh ġo ħofra u radmuh.
Xi tliet mitt sena wara, għall-ħabta tas-sena 327, fi żmien Kostantinu, meta fuq il-Knisja reġgħet feġġet il-paċi, San Makarju, Isqof ta’ Ġerusalemm, imħeġġeġ u megħjun minn Santa Elena waqt li kienet f’pellegrinaġġ fl-Artijiet Imqaddsa (326-327), ta ordni ħalli jinstabu l-imkejjen sagri. Hekk fost affarijiet oħra nstabu l-qabar ta’ Kristu, il-Kalvarju u s-Salib imqaddes. Kostantinu bena knisja fuq il-post fejn instab is-Salib, li l-konsagrazzjoni tagħha saret fl-14 ta’ Settembru, 335.
Fis-sena 614, ir-Re Kosroe II tal-Persjani kien għamel ħerba minn Ġerusalemm u mill-Artijiet Imqaddsa, u ġarraf jew ħaraq bosta knejjes u istituti reliġjużi nsara. Fost kollox kien kaxkar miegħu biċċa kbira mis-Salib li kienet miżmuma ġo relikwarju bil-ġawhar.
L-Imperatur Eraklju ta’ Kostantinopli, wara li ma rnexxilux jasal fi ftehim mal-Persjani, mexxa l-armati tiegħu kontrihom. Fis-sena 627, Kosroe II ħarab u ġie maqtul minn ibnu Siroe. Eraklju wasal fi ftehim ma’ Siroe, u fost affarijiet oħra ħa r-relikwa tas-Salib f’Kostantinopli fejn kellu laqgħa trijonfali.
Fis-sena 629, Eraklju ħa s-Salib lura Ġerusalemm. Meta wasal fit-triq li kienet tagħti għall-Kalvarju, neħħa l-ilbies ta’ Imperatur minn fuqu, libes ilbies ordinarju u ħafi, wassal ir-relikwa tas-Salib u taha lil Żakkarija, Patrijarka ta’ Ġerusalemm. Din hi l-ġrajja li l-Knisja qed tfakkarna fiha llum.