Lezzjoni II: Santa Edwige

Print Friendly, PDF & Email

16 ta’ Ottubru – SANTA EDWIGE, RELIĠJUŻA

TIFKIRA

Santa Edwiġe twieldet fil-Bavarja għall-ħabta tal-1174; żewġuha lid-duka Enriku tas-Silesja u l-Polonja u kellha sebat itfal. Kienet mara ta’ ħajja qaddisa, ħsiebha li tagħmel il-ġid lill-foqra u l-morda, li għalihom waqqfet djar u sptarijiet. Meta romlot daħlet soru fil-monasteru taċ-Ċisterċensi ta’ Trebniz, fil-Polonja, li kienet waqqfet hi stess. Mietet fl-1243.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mill-Ħajja ta’ Santa Edwige, miktuba minn awtur ta’ żmienha

(Acta Sanctorum Octobris 8)

Il-qaddejja ta’ Alla kienet taf li l-ġebel ħaj li bih trid tinbena Ġerusalemm tas-sema f’din id-dinja, iridu jaħdmuh u jonġruh; kienet taf li biex tasal fil-glorja ta’ dejjem u fis-saltna tas-sema kien jeħtiġilha tgħaddi minn ħafna tiġrib. Għalhekk fetħet qalbha kollha għat-tbatija, u tat ġisimha għal kull xorta ta’ kastigi bla ħniena. Tgħakkset kuljum b’sawm hekk iebes u b’astinenza hekk ħarxa li ħafna kienu jistagħġbu kif mara hekk dgħajfa f’saħħitha setgħet toqgħod għal din il-ħruxija kollha.

Aktar ma kienet tfittex tgħakkes bla heda ‘l ġisimha – għalkemm dan kienet tagħmlu bla ebda eżaġerazzjoni – aktar kienet issaħħaħ ir-rieda tagħha u timxi ‘l quddiem fil-grazzja, u dejjem aktar kien jitkebbes fiha n-nar tal-imħabba ta’ Alla u tat-tjieba. Tant ta’ spiss kienet timtela’ b’xewqa kbira tas-sema, tant kienet tinġibed lejn Alla, li kienet tintilef għal kollox u ma tintebaħ b’xejn minn dak li kien jiġri madwarha.

Bi ħsibijietha kienet tintrefa’ lejn Alla b’imħabba liema bħalha u, fl-istess waqt kienet tagħti ruħha b’tjieba mħeġġa għall-għajnuna tal-proxxmu: b’idejha miftuħa kienet tagħti karità lil kull min kien jeħtieġha. Kienet tgħin lir-reliġjużi kollha, kemm dawk li kienu jgħixu flimkien fil-monasteri u kemm dawk li jgħixu weħidhom; kienet tgħin lir-romol u l-iltiema; il-morda u l-batuti; l-imġiddmin u l-ħabsin u l-imxekklin bil-ktajjen; lill-pellegrini u lin-nisa fqar bi trabi xi jrabbu: qatt ma ħalliet lil ħadd jiġi għandha jitlob l-għajnuna u jerġa lura idu f’idu.

Din il-qaddejja ta’ Alla qatt ma traskurat tagħmel dak l-għemil tajjeb kollu li segħet tagħmel, għalhekk Alla taha l-grazzja li bil-qawwa tal-passjoni ta’ Kristu tgħin fi ħtiġiethom lil dawk kollha li kienu jitolbuha, meta sabet ruħha mingħajr flus u naqsitilha saħħitha. Alla fit-tjieba u l-ħniena tiegħu ried li dawk kollha li kienu jmorru għandha jitolbuha l-għajnuna fir-ruħ u l-ġisem, kienu dejjem isibuha.

RESPONSORJU                                                                                              ara Prov 31:17. 18

1 Ħażżmet ġenbejha bil-qawwa u wettqet dirgħajha: * Qatt ma jintefa l-musbieħ tagħha.

2 Hija ħasset r-riżq ta’ xogħolha fl-għerf ta’ Alla.* Qatt ma jintefa l-musbieħ tagħha.

Talba

O Alla, li tista’ kollox, agħtina l-għajnuna għat-talb li tagħmillek għalina Santa Edwige, li l-ħajja tagħha tal-għaġeb hi għalina lkoll mera mill-isbaħ ta’ umiltà. B’Ibnek.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading