Riflessjoni tal-Isqof Mario Grech fil-Pellegrinaġġ għall-Morda


Riflessjoni fil-Pellegrinaġġ għall-Morda organizzat mill-Ordni ta’ Malta
Santwarju Nazzjonali Madonna Ta’ Pinu, l-Għarb
Is-Sibt 28 ta’ Mejju 2016
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

It-tingiża tax-xewka dlonk tnissina li mix-xewk joħroġ il-ward; imma l-esperjenza tikkonfermalna li dan il-qawl huwa minnu. Hekk ġralhom l-għarajjes ta’ Kana. It-temma tal-inbid kienet ser tkun xewka f’ġenbejhom għax setgħet sfrattatilhom il-festa; imma dik id-diżgrazzja nbidlet għalihom fi grazzja għax Ġesù wera l-glorja tiegħu billi għamel il-miraklu. Huwa każ fejn mix-xewk ħareġ il-ward.

Għalhekk, meta ħajjitna tkun kollha xewk, bħal meta nkunu fis-solitudni jew morda, ma għandniex naqtgħu qalbna, għax dik is-sitwazzjoni wiegħra, iebsa u kerha, taf tinbidel f’opportunità biex Alla juri li huwa qrib tagħna u juri l-ġmiel tal-imħabba u t-tjubija tiegħu.

Żgur li għal ħafna voluntiera, bħalma huma l-membri tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, “ix-xewka” tagħkom tfewwaħ u d-diżgrazzja tagħkom hija grazzja, għaliex meta jkunu qrib tagħkom biex jgħinukom, fil-persuna tagħkom huma jkunu jżiegħlu bil-laħam ta’ Ġesù preżenti fikom – fi kliem ieħor, intom tagħmlu lil Ġesù preżenti għalihom u Alla jinqeda bihom biex idewwaqkom il-benna tiegħu u jurikom il-glorja tiegħu.