Omelija tal-Isqof Mario Grech fis-Solennità tal-Ġisem u d-Demm Imqaddsa tal-Mulej

Print Friendly, PDF & Email

Omelija fis-Solennità tal-Ġisem u d-Demm Imqaddsa tal-Mulej
Katidral tal-Assunta, il-Belt Victoria
Il-Ħadd 29 ta’ Mejju 2016, Solennità ta’ Korpus
L-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex

IL-ĠMIEL TAL-GĦAQDA

Ir-rakkont tat-tkattir tal-ħobż jurina kemm hija profonda l-kompassjoni ta’ Kristu, imma jikxef ukoll il-bluha tagħna l-bnedmin. Fil-fatt, meta ġiet l-okkażjoni biex jifirxu l-mejda biex kulħadd joqgħod madwarha u hekk minn poplu jsiru komunità, l-Appostli għażlu li “jifirdu”: “Ibgħathom in-nies ħa jmorru fl-irħula u r-rziezet tal-qrib biex isibu fejn jistrieħu u jieklu xi ħaġa” (Lq 9:12). Għall-kuntrarju, Ġesù talabhom jaqsmu dak li kellhom mal-oħrajn u hekk jiffurmaw komunità kbira magħmula minn komunitajiet żgħar ta’ “ħamsin ħamsin”.

Fuq l-Ewkaristija nistgħu ngħidu ħafna affarijiet sbieħ, imma aspett importanti dwar dan is-sagrament huwa li l-Ewkaristija toħloq il-komunjoni u l-komunità. Meta nersqu madwar il-mejda tal-altar, aħna li nieklu mill-istess ħobża waħda nsiru ġisem wieħed. Għalhekk, naħsbuha darbtejn qabel nersqu għall-Ewkaristija, għax ma tistax titmantna b’dan l-ikel imbagħad tkun strument ta’ firda.

Jien illum ftit għadni nqarar, imma naħseb li ftit huma dawk li jqerru d-dnub tal-firda. Dan huwa dnub gravi daqs jew iktar minn dnubiet oħra li ħafna huma ffissati bihom. Għalhekk f’din il-Festa tal-Corpus Christi (bil-kelma Corpus Christi nifhmu mhux biss il-Ġisem u d-Demm ta’ Kristu, imma wkoll il-komunità ekkleżjali), nirrakkomandalkom biex ikun hemm aktar għaqda bejnietna, u dan fuq kull livell.

Kif nista’ nersaq għall-Ewkaristija, imbagħad ikolli kull lanżita kontra xi ħadd? Kif nippretendi li għandi nitqarben, imbagħad ma nitlifx l-okkażjoni biex lill-proxxmu tiegħi nagħtih gambetta, inċamah mal-oħrajn, nikkalunjah u nsinn l-ilsien kontra tiegħu? X’kuraġġ irid ikollu l-bniedem biex “jibla’ l-ostja”, imbagħad jgħaddi mit-triq u ma jsellimx lill-proxxmu tiegħu (mhux għax ma jkunx intebaħ bih, imma biex jagħmillu azzjoni ħażina)? Kif nista’ nimla oħrajn kontra xi ħadd u hekk noħloqlu ħafna deni, nagħmillu ħafna ħsara, imbagħad nieħu sehem fil-festa tal-Ewkaristija?

Imbagħad hemm il-firdiet fil-familji tagħna. Pjaga komuni ħafna. Mhux qed nirreferi għaż-żwiġijiet fejn hemm is-separazzjoni jew id-divorzju, imma għandi f’qalbi sitwazzjonijiet fejn l-għaqda tal-familja hija mġenġla minħabba motivi oħrajn. Hemm ulied li ma jkellmux lill-ġenituri tagħhom (anki jekk dawn huma morda jew anzjani); hemm aħwa miġġeldin ma’ aħwa; neputijiet miksura ma’ zijiet. Mhux veru li d-demm ma jsirx semm, għaliex jaf ikun hemm familji fejn minħabba nuqqas ta’ qbil, il-membri ma jistgħux jaraw lil xulxin u saħansitra jobogħdu lil xulxin. Ħbieb tiegħi, naraw x’ser nagħmlu! Dawn huma ġerħat gravi ħafna. Huma dnubiet li jmorru kontra l-komunjoni.

Hemm ukoll il-firdiet fil-Knisja: grupp kontra ieħor, komunità parrokkjali kontra komunità oħra. Hemm min jinqeda b’xi okkażjoni speċjali biex jgħajjar, jinki jew iweġġa’ lill-oħrajn. Illum, Festa tal-Korpus, kelli noħroġ Stqarrija dwar il-festi patrunali, għax flimkien mal-kappillani jien ninkwieta meta nara grupp żgħir li frott il-bluha jista’ jisfratta ċelebrazzjonijiet tant sbieħ. Hemm min jinqeda bil-festi biex joħloq it-tensjoni, jipprovoka u jiżra’ l-firda. Jien ma nistax nittollera dan aktar, lil min “jisirqilna” l-Festa biex ikisser il-komunjoni u hekk ixejjen l-impenn ta’ ħafna li bis-sabar jaħdmu kontinwament u fis-satra biex jikkonsolidaw l-għaqda. Dan qed ngħidu għad-Djoċesi kollha.

Meta nkunu aġenti tal-firda flok tal-ftehim, aħna nkunu nbattlu l-Ewkaristija mit-tifsira propja tagħha. Huwa tal-għaġeb li ħafna jedhew jitkażaw bl-iskandli fejn ma hemmx, imbagħad jagħlqu għajnejhom quddiem skandli serji bħal dawn tal-firdiet.

Nitlob lil Ġesù Ewkaristija jagħtina l-għajnuna li neħtieġu biex nikkollaboraw flimkien ħalli nibnu relazzjonijiet tajbin bejnietna. Din hija l-aqwa prietka li nistgħu nagħmlu dwar l-Ewkaristija!

%d bloggers like this: