Il-Papa jipprova jeħles lill-Verġni Marija mill-Mafja

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa Franġisku ta l-barka tiegħu lil think tank ġdid fil-Vatikan li qed jipprova jwaqqaf lill-Mafja u gruppi oħra ta’ kriminalità organizzata milli jisfruttaw ix-xbieha tal-Verġni Marija għal skopijiet illeċiti tagħhom.

L-Akkademja Pontifiċja Marjana tal-Vatikan nediet dan it-think tank nhar il-Ġimgħa waqt konferenza bit-titlu “Neħilsu lill-Madonna mill-Mafja”. Din hija referenza għar-relazzjoni storika bejn il-Mafja Taljana u l-Knisja Kattolika, u l-wirjiet popolari ta’ devozzjoni Marjana minn mafjużi kemm fl-Italja kif ukoll lil hinn minnha.

F’messaġġ li nqara fil-bidu tal-konferenza li saret fil-Mużew taċ-Ċiviltajiet f’Ruma, Franġisku qal li x-xbieha reliġjuża u kulturali tal-Madonna għandha tkun preservata fis-safa oriġinali tagħha.

Huwa qal li kull wirja ta’ devozzjoni popolari lejn il-Madonna “trid tkun taqbel mal-messaġġ tal-Vanġelu u mat-tagħlim tal-Knisja” u li n-nies li jieħdu sehem fihom għandhom ikunu insara veri, u li għandhom ifittxu li jgħinu lill-oħrajn speċjalment lill-fqar.

Il-Knisja Kattolika fl-Italja ilha żmien twil tiġi assoċjata mal-mafja, l-iżjed minħabba li wara l-gwerra, it-tnejn li huma ħaduha qatta bla ħabel kontra l-komuniżmu. Filwaqt li xi saċerdoti kattoliċi kuraġġużi ħaduha kontra l-mafja – u ħallsu għaliha b’demmhom – oħrajn ġew imsejħa biex jagħtu spjegazzjoni għal ċelebrazzjonijiet ta’ funerali, żwiġijiet u sagramenti oħra għal mexxejja tal-mafja, u wkoll talli aċċettaw donazzjonijiet mingħandhom jew ħallewhom jieħdu sehem f’purċissjonijiet reliġjużi.

Baqgħat magħrufa l-isfida li kien għamel il-Papa San Ġwanni Pawlu II fl-1993 lill-mafjużi biex jikkonvertu, ibiddlu triqathom inkella jsibu ma’ wiċċhom ir-rabja ta’ Alla fil-ġudizzju. Din is-sejħa kien għamilha waqt vjaġġ storiku fi Sqallija wara l-qtil ta’ żewġ imħallfin li kienu kontra l-mafja.

Il-Papa Franġisku mexa wkoll f’din it-triq. Iddikjara li l-mafjużi huma skomunikati u qal li n-nies tal-mafja ma jistgħux jgħixu ħajja nisranija għax l-istil ta’ ħajja tagħhom huwa “dagħwa” kontra Alla. Id-devozzjoni lejn il-Madonna hija ħafna għal qalb il-Papa Franġisku, l-ewwel Papa li ġej mill-Amerika Latina, fejn id-devozzjoni popolari hija komuni ħafna.

Il-messaġġ tal-Papa Franġisku lil dan it-think tank ġdid, li jinkludi kemm saċerdoti kif ukoll esperti tal-ħarsien tal-liġi li għandhom sehem kbir fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, iġib id-data tal-5 ta’ Awwissu 2020, li timmarka waħda mill-Festi tal-Madonna.

Minn rapport tal-apnews.com

Rapport għal-Laikos minn Fr Roy Galdes

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

%d bloggers like this: