Illum il-Knisja tfakkar lil San Vinċeslaw

Print Friendly, PDF & Email

Fit-28 ta’ Settembru l-Knisja tfakkar lil San Vinċeslaw, Re tal-Boemja u Martri li għex bejn is-snin 907 sa 929.

San Vinċeslaw twieled ħdejn Praga, Ċekoslovakkja, fis-sena 907. Missieru Ratislav, Duka ta’ Boemja, kien nisrani, waqt li ommu Drahomira, għalkemm kienet ikkonvertiet mill-paganiżmu baqgħet pagana f’qalbha.

Fortunatament, Vinċeslaw trabba man-nanna tiegħu, Santa Ludmilla li edukatu u tellgħetu bħala Nisrani.

Meta kien għadu żagħżugħ ta’ madwar 13-il sena, missieru miet jitqabad kontra l-Maġjari (Ungeriżi), u ommu saret Reġġenti, u bdiet persekuzzjoni kontra l-Insara. Fost affarijiet oħra, keċċiet lill-qassisin u lis-sorijiet li ma kinux mill-pajjiż, ipprojbiet it-tagħlim tar-Reliġjon Nisranija barra minn ġol-knejjes, u insistiet li binha Vinċeslaw ma jibqax nisrani, għalkemm hu ssaħħaħ iktar fil-fidi.

Meta Santa Ludmilla bdiet tħeġġeġ lil Vinċeslaw biex jieħu t-tmexxija tal-pajjiż f’idejh malli jkollu l-etàgħax hu ma kienx inklinat li jagħmel hekk, ġiet assassinata fis-sena 921.

Fis-sena 925, Vinċeslaw għalaq it-tmintax-il sena, u ħa l-gvern f’idejh. Malajr beda jaħdem b’ħiltu kollha biex jgħaqqad il-poplu tiegħu kollu fir-Reliġjon Nisranija, u waqqaf relazzjoni tajba ma’ l-Imperatur Enriku I tal-Ġermanja.

Din il-politika tiegħu favur ir-reliġjon Nisranija, u ta’ ħbiberija mal-Ġermanja, qajmet partit kontrih. Fl-istess waqt, meta ħuh Boleslaw, ra li kien tilef iċ-ċans li jieħu t-tmexxija tal-pajjiż kollu f’idejh, ftiehem mal-partit kuntrarju, u beda jikkonfoffa biex joqtol lil Vinċeslaw. Boleslaw trabba ma’ ommu li tant kienet influwenzatu u bħalha tela’ b’mibegħda kontra l-Insara.

Boleslaw stieden lil San Vinċeslaw biex imorru f’Boleslava ħalli jiċċelebraw il-festa tal-Qaddisin protetturi, San Kosma u San Damjan. Vinċeslaw laqa’ l-istedina u mar. Meta filgħodu Vinċeslaw kien fi triqtu lejn il-knisja biex jisma’ quddiesa, Boleslaw, bi grupp ta’ nies miegħu, qabeż fuqu u qatlu, fl-20 ta’ Settembru, 929.

San Vinċeslaw miet fil-bieb tal-knisja bil-kelmiet fuq fommu: “Ħi, il-Mulej jaħfirlek.” Kellu 22 sena. Vinċeslaw laħaq mexxa biss 7 snin u kien għadu kif kellu iben li assiguralu s-suċċessjoni.

Tliet snin wara, Boleslaw nidem, u difen bl-unuri kollha l-ġisem ta’ ħuh Vinċeslaw fil-knisja ta’ San Vitu, fi Praga, waħda mill-knejjes li l-Qaddis stess kien bena.

San Vinċeslaw huwa l-Patrun taċ-Ċekoslovakkja.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading