Lezzjoni II: San Ġwann ta’ Capestrano

Print Friendly, PDF & Email

23 ta’ Ottubru – SAN ĠWANN TA’ CAPESTRANO, SAĊERDOT

TIFKIRA

San Ġwann twieled f’Capestrano, l-Abruzzi, fl-1386. Studja l-liġi f’Peruġia u għal xi żmien kien ukoll imħallef. Imbagħad daħal fl-Ordni tal-Franġiskani Minuri; ġie ordnat saċerdot, u ngħata għax-xandir tal-Kelma t’Alla u għall-ħidma appostolika fl-Italja u kważi fl-Ewropa kollha. Ħadem ħafna biex isaħħaħ il-ħajja nisranija u jeħodha kontra l-eretiċi ta’ żmienu. Miet f’Ujlak, qrib ix-xmara Danubju, fl-Ungerija, fl-1456.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mit-Trattat ‘’Il-Mera tal-Kjerċi’’, ta’ San Ġwann ta’ Capestrano, saċerdot

(De speculo clericorum, pars I)

Il-ħajja tal-kjerċi tajbin tagħti d-dawl u l l-heda

Dawk li huma msejħin għall-mejda tal-Mulej għandhom iwarrbu minnhom kull ħmieġ u tinġis tal-vizzji u jxerrdu madwarhom id-dija tal-eżempju billi juru kemm ġid jinkiseb b’ħajja xierqa u tajba. Bħala melħ tal-art għandhom jagħmlu ġieh lilhom infushom u lill-oħrajn, u, bħala d-dawl tad-dinja, idawlu lil kulħadd bix-xrar tal-għaqal tagħhom. B’hekk jifhmu li l-imgħallem il-kbir tagħna Ġesù Kristu ma kellux f’moħħu l-Appostli u d-dixxipli biss, imma wkoll il-presbiteri u l-kjerċi kollha li ġew warajhom meta qal: Intom il-melħ tal-art. Imma jekk il-melħ jaqta’, biex jerġa’ jieħu t-togħma tiegħu? Għal xejn iżjed ma hu tajjeb ħlief biex jintrema barra u jintrifes min-nies.

U tassew jintrifes min-nies qisu ħmieġ moqżież il-kjerku li jgħix fil-ħażen u l-għajb, imċappas bil-ħmieġ tal-vizzji u marbut bil-ktajjen tad-dnubiet, għax jitqies bħala bniedem li ma jiswa għalxejn, la għalih innifsu u lanqas għall-oħrajn; kif jgħid San Girgor: ‘’Min jgħix ħajja ta’ tmaqdir, ma jibqagħlux ħlief li jżebilħulu l-predikazzjoni tiegħu.’’

Il-presbiteri li jmexxu sewwa, ikun jistħoqqilhom gieh għal darbtejn, l-aktar dawk li jagħmlu x-xogħol tax-xandir tal-kelma u tat-tagħlim. Għax il-presbiteri denji jistħoqqilhom ġieh għal darbtejn, jiġifieri, ġieh għall-ħidma tagħhom u ġieh għalihom infushom, ġieh ta’ bnedmin li huma u ġieh bħala nies tar-ruħ, ġieh li jgħaddi u ġieh li jibqa’ għal dejjem; għax għalkemm jgħixu f’din l-art taħt il-madmad tal-ħtigiet naturali bħall-bnedmin kollha tad-dinja, b’danakollu jfittxu bil-ħerqa li jgħixu bħall-anġli tas-sema u jkunu ministri għaqlin li jogħġbu lis-Sultan. Għalhekk, bħax-xemx tiela’ fuq l-għoljiet tal-Mulej, hekk għandu jiddi d-dawl tal-kjerċi quddiem il-bnedmin, biex jaraw l-għemil tajjeb tagħhom , u jagħtu glorja lill-Missier li hu fis-smewwiet.

Intom id-dawl tad-dinja. Id-dawl ma jdawwalx lilu nnifsu, iżda jxerred ir-raġġi tiegħu u jdawwal kollox madwaru. Hekk ukoll, il-ħajja mdawla tal-kjerċi tajba u ġusti, bis-saħħa tad-dija ta’ qdusithom tagħti d-dawl u l-hedu lil dawk kollha li jħarsu lejhom. Għalhekk il-kjerku li Alla qiegħdu biex jieħu ħsieb l-oħrajn, għandu juri fih innifsu kif l-oħrajn imisshom jgħixu fid-dar tal-Mulej.

 RESPONSORJU                                                                                                        ara Sir 4:23-24; 2Tim 4:2

1 La tiskotx meta il-kelma tiegħek tista’ ssalva u taħbix għerfek; * Għax l-għerf jintwera bil-kliem, u t-tagħlim jingħata bit-taħdit.

2 Xandar il-kelma  sus wara l-fidili f’ħin waqtu jew le, ċanfar, widdeb, wissi, bis-sabar kollu u bit-tagħlim; * Għax l-għerf jintwera bil-kliem, u t-tagħlim jingħata bit-taħdit.

Talba

O Alla, int bgħatt lil San Ġwann ta’ Capestrano biex iqawwi l-poplu fidil tiegħek fi żminijiet tal-biża’ u dwaejjaq ; żommna sħaħtaħt il-ħarsien tiegħek u mexxi dejjem il-Knisja tiegħek fis-sliem. B’Ibnek.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading