L-Imperatur tellief
Meta fl-1813 Napuljun reġa’ lura mir-Russja ried li jasal għal ftehim mal-Papa Piju VII, li ma kienx jaf bis-sitwazzjoni reali wara t-telfa tal-‘Grande Armee’, l-‘Armata l-Kbira’.
Piju VII injora saħansitra is-sostenn lejh li kien dejjem jikber mill-ultramontisti (i) u l-oppożizzjoni li kien hemm kontra Napuljun. L-Imperatur kien neħħa l-konċessjonijiet u l-għajnuna finanzjarja li kien ta qabel lill-Knisja. Għalaq fil-ħabs Isqfijiet li baqgħu kontrieh, daħħal fil-lieva lis-seminaristi, neħħa professuri mis-Seminarji u għalaq il-Knisja ta’ San Suplizju f’Pariġi.
Fis-sitwazzjoni tiegħu ta’ iżolament, il-Papa Piju VII fixkel lis-sostenituri tiegħu ultramontanisti meta b’xi mod ċeda l-awtorità tiegħu bħala Papa fl-investitura tal-Isqfijiet. Il-Papa kien iffirma taħt kundizzjonijiet li ma setax jagħmel mod ieħor, u dak li ffirma kienu proposti b’riserva u intenzjonati għal ċertu żmien. Il-Papa sostna li Napuljun kien ittradih meta l-proposti ġew pubblikati fil-‘Konkordat ta’ Fontainebleau’. Hekk kif kien permess li l-Papa jkollu l-kunsillieri tiegħu, dawn ippubblikaw ittra ffirmata minn Piju VII li fiha l-Papa ddikjara li l-fil-kuxjenza kien kontra l-proposti li ffirma. Kien iffirma bid-dgħufija umana tiegħu.
Mill-ġdid Napuljun ried jiżola lill-Papa, imma wara t-telfa fil-battalja ta’ Lipsia, offra li jagħti lura is-setgħa temporali lil Papa. Din id-darba l-Papa ma riedx jinnegozja jekk ma jkunx reġa’ lura Ruma u jekk ma jkunx għalkollox ħieles. Il-Papa tħalla jmur Ruma u l-wasla tiegħu kienet akkumpanjata minn dimostrazzjonijiet ta’ trijonf li niżlu tant tajjeb lill-ultramontanisti. (i) Napuljun, tellief u deżolat, kellu jieħu t-triq tal-eżilju fil-gżira ta’ Elba.
Ir-Reliġjon mat-tmiem tar-Rivoluzzjoni
Bih intrebħu u ntilfu battalji, mhux biss militari imma wkoll ta’ supremazija tal-poter, fosthom bejn Franza u l-Vatikan. Hekk kif battiet ir-Rivoluzzjoni, telgħu fil-wiċċ ideat dwar ir-reliġjon u r-relevanza tagħha fil-governanza tal-pajjiżi. Iż-żmien ta’ wara r-rivoluzzjoni kien wieħed ta’ reazzjoni tar-romantiċiżmu (ii) kontra l-illuminiżmu (iii) u reazzjoni politika kontra l-istess rivoluzzjoni. Sadattant l-ultramontaniżmu (ara (i) isfell) kompla jikber bil-waqgħa ta’ Napuljun.
Kienu diversi l-kittieba Ewropej, fosthom Alessandro Manzoni fl-Italja, li ċċelebraw is-sodisfazzjon tagħhom għall-qawmien kulturali tal-Kristjaniżmu. Kien hemm ukoll il-Viskonti Francois Auguste de Chateaubriand fi Franza, il-Konti Friedrich Leopold zu Stolberg fil-Ġermanja, Friedrich Leopold von Schlegel fl-Awstrija u konvertiti oħra bħall-Iżvizzru Karl Ludwig von Haller u d-Daniż Nikolaus von Eckstein. Kienu apoloġisti Kattoliċi ta’ għerf u li tant kien hemm bżonnhom f’din l-epoka. Il-Viskonti Louis Gabriel Ambroise de Bonald wera il-bżonn ta’ bażi reliġjuża għas-soċjetà b’konfront mal-filosofija li mhix biżżejjed biex tkun il-fundament tas-soċjetà. Kattoliċi oħra, speċjalment fil-Ġermanja, ikkunsidraw l-affarijiet b’mod differenti, b’mod li dehrilhom li r-Rivoluzzjoni Franċiża kienet kulturali, soċjali u intellettwali aktar milli kienet sempliċiment politika. Il-ħidma tar-rikostruzzjoni tal-Knisja Kattolika fil-Ġermanja kienet akkumpanjata minn apprezzament ikbar tal-Knisja bħala sors ta’ ħajja, tradizzjoni u duttrina Kattolika.
_____
(i) Ultramontaniżmu – Twemmin Kattoliku li jqiegħed emfasi qawwija fuq il-prerogattivi u l-poteri tal-Papa. Il-kelma ‘ultramontaniżmu’ ġejja mill-Medju Evu meta ġie elett Papa mhux Taljan u sejħulu Papa ‘ultramontano’, jiġifieri Papa ġej minn ‘lil hemm mill-muntanji (tal-Alpi). L-‘Ultramontaniżu’ jirreferi l-aktar għal dawk li fi Franza żammew mal-Papa, għall-kuntrarju tal-‘Gallikani’ u l-‘Ġansenisti’.
(ii) Romantiċiżmu – Moviment artistiku, letterarju u intellettwali li beda fl-Ewropa fi tmiem is-seklu 18.
(iii) Illuminiżmu – Moviment intellettwali u filosofiku fl-Ewropa fis-sekli 17 u 18 ibbażat fuq is-sovranità tar-raġuni.
Joe Galea