Lezzjoni II: San Martin De Porres

Print Friendly, PDF & Email

3 ta’ Novembru: SAN MARTIN DE PORRES, RELIĠJUŻ

TIFKIRA

San Martin de Porres twieled f’Lima, il-Perù, fl-1579, minn missier Spanjol u omm li kienet ilsira. F’żgħożitu tgħallem jieħu ħsieb il-morda u meta daħal fratell fl-Ordni tal-Predikaturi, ħaddem is-sengħa tiegħu b’karità mal-foqra. Kien umli u għakkes ħafna lilu nnifsu, u kien devot kbir tal-Ewkaristija mqaddsa. Miet fl-1639.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mill-Omelija tal-Papa Ġwanni Tlieta U Għoxrin fil-kanonizzazzjoni ta’ San Martin de Porres

(Die 6 maii 1962)

‘’Fra Martin tal-karità

San Martin de Porres, bl-eżempju ta’ ħajtu, jurina liema hi t-triq li twassalna għall-qdusija u s-salvazzjoni, it-triq li Ġesù Kristu stess jurina. Din it-triq hi li tħobb ‘l Alla fuq kollox b’qalbek kollha, b’ruħek kollha, b’moħħok kollu , u tħobb ‘l għajrek bħalek innifsek.

Meta għaraf li Kristu bata għalina u tgħabba bi dnubietna sa fuq is-salib, Martin tqanqal b’imħabba liema bħalha għal Kristu msallab, u meta kien jikkontempla t-tbatijiet ħorox li l-Mulej ġarrab għalina, ma kienx jista’ jżomm id-dmugħ. Kellu wkoll imħabba speċjali għas-sagrament imqaddes tal-Ewkaristija, kien jgħaddi sigħat sħaħ jadura ‘l Ġesù moħbi fit-tabernaklu, u dejjem kellu xewqa kbira jirċevih fit-tqarbin.

Barra dan, Martin, kollu ħeġġa biex iħares bir-reqqa kollha t-twissijiet tal-Imgħallem, kellu mħabba liema bħalha għal ħutu, imħabba li kienet ġejja mill-qawwa tal-fidi tiegħu u mill-umiltà tiegħu. Kien iħobb lill-bnedmin kollha, għaliex kien iqishom ilkoll ulied Alla u ħutu, anzi kien iħobbhom aktar milli kien iħobb lilu nnifsu, għaliex tant kien umli li kien jaħseb li kulħadd kien aktar ġust u itjeb minnu.

Kien dejjem lest jiskuża n-nuqqasijiet tal-oħrajn u jaħfer l-agħar tkasbir, għax kien jidhirlu li jistħoqqlu l-akbar kastigi minħabba dnubietu; kien jagħmel ħiltu biex ireġġa’ l-ħatjin fit-triq it-tajba; b’tjieba liema bżalha kien idur bil-morda; kien iqassam ikel, ilbies u mediċini lill-foqra, kien  jgħin safejn jista’ b’kull mezz u b’ħerqa kbira lill-bdiewa, lis-suwed u lin-nies ta’ razza mħallta, li dak iż–żmien kienu trattati agħar mil-ilsiera, u għalhekk stħaqqlu li n-nies isejħulu Fra Martin tal- karità.

Dan il-qaddis li bi kliemu, u bl-eżempji tal-imġiba tajba tiegħu ġibed ħafna nies għand Alla, illum ukoll jista’ jerfgħalna b’mod tal-għaġeb ħsibijietna lejn is-sema. Mhux kulħadd, jaħasra, jifhem kif jixraq dawn il-ħwejjeġ qaddisa; mhux kulħadd jagħtihom ġieħ, anzi tant huma dawk li jħajjarhom il-ħażen, li dawn il-ħwejjeġ jew ma jistmawhomx jew iqejquhom jew jitraskurawhom. Jalla l-eżempju ta’ San Martin ikun ta’ tagħlim għal ħafna biex jurihom it-triq tas-salvazzjoni ħa jifhmu kemm hi ħaġa sabiħa, kemm hi ħaġa qaddisa timxi wara Ġesù Kristu u tħares il-kmandamenti tiegħu.

RESPONSORJU                                                                                                                        ara Sir 31:8. 11a. 9

1 Hieni l-bniedem li nstab bla tebgħa, li ma kienx rgħib għall-flus, anqas ma ttama fit-teżori tal-art; * Għalhekk ġidu qiegħed fis-sħiħ għand il-Mulej.

2 Min hu dan biex infaħħruh? Għax għamel ħwejjeġ tal-għaġeb f’ħajtu. * Għalhekk ġidu qiegħed fis-sħiħ għand il-Mulej.

Fit-tifħir ta’ sbiħ il-jum

Ant. Tal- kantiku ta’ Żakkarija. Imbierek il-Mulej għax feda l-ġnus kollha u sejjaħ lil kulħadd mid-dlam għad-dawl tiegħu tal-għaġeb.

Talba

O Alla, int għaddejt lil San Martin de Porres mit-triq tal-umiltà biex wassaltu fil-glorja tas-sema; agħmel li ngħixu fuq l-eżempji sbieħ tiegħu, biex jistħoqqilna li tgħollina miegħu fis-sema. B’Ibnek.

Fl-Għasar

Ant. tal-kantiku ta’ Marija. Infaħħru l-kobor tal-Mulej, għax għolla bid-doni tas-sema lill-qaddej umli tiegħu Martin.

%d