Lezzjoni II: San Albertu l-Kbir

Print Friendly, PDF & Email

15 ta’ Novembru: SAN ALBERTU L-KBIR, ISQOF U DUTTUR TAL-KNISJA

TIFKIRA

San Albertu twieled f’Lauingen f’xatt id-Danubju, fil-Ġermanja, għall-ħabta tal-1206. Studja Padova u Pariġi. Daħal fl-Ordni tal-Predikaturi u għallem f’ħafna postijiet. Sar isqof ta’ Regensburg, u tħabat bla heda għall-paċi bejn il-popli u l-istati. Kiteb ħafna kotba ta’ għerf kbir fuq it-teoloġija u x-xjenzi naturali. Miet f’Köln fl-1280.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mit-tifsir fuq l-Evanġelju ta’ San Luqa, tal-isqof San Albertu l-Kbir.

(22:19)[CG1] 

Ragħaj u mgħallem għall-bini tal-ġisem ta’ Kristu

Agħmlu dan b’tifkira tiegħi. Żewġ ħwejjeġ għandna naraw f’dawn il-kelmiet. L-ewwel, l-ordni li nagħmlu użu mis-sagrament tal-Ewkaristija, ordni li jidher mill-kliem : Agħmlu dan. It-tieni, li dan magħmluh b’tifkira tal-Mulej sejjer għall-mewt għalina.

Il-Mulej qal: Agħmlu dan. Ma setax jordnalna ħaġa aktar ta’ siwi, aktar ta’ ħlewwa, aktar ta’ ġid, aktar ta’ mħabba, aktar tixbah il-ħajja ta’ dejjem. Dan issa narawh ħaġa ħaġa.

L-Ewkaristija hija ta’ siwi kbir għalina għax taħfrilna dnubietna u timliena bil-grazzji u għalhekk hi ta’ siwi kbir għall-ħajja. Hu, il-Missier tal-erwieħ iwiddibna għall-ġid tagħna, biex niksbu sehem fil-qdusija tiegħu. Il-qdusija ta’ Kristu sseħħ fis-sagrifiċċju tiegħu, jiġifieri, meta fis-sagrament offra lilu nnifsu lill-Missier biex isalvana, u offra lilu nnifsu lilna għall-użu tagħna. Jien minħabba fihom nikkonsagra lili nnifsi. Kristu, li, bl-Ispirtu ta’ dejjem offra lilu nnifsu vittma safja lil Alla, jista’ jnaddaf il-kuxjenza tagħna mill-għemil mejjet biex naqdu lil Alla ħaj.

M’hemmx ħaġa oħra aktar ta’ ħlewwa li nistgħu nagħmlu. X’hemm aktar ħelu minn dak li fih il-Mulej jurina l-ħlewwa kollha tiegħu? Bgħattilhom ħobż mis-sema, lest għall-ikel bla taħbit, mogħni b’kull ħlewwa u fih kull togħma. Dan l-ikel tiegħek wera l-ħlewwa tiegħek ma’ wliedek; waqt li kien jaqta’ x-xewqa ta’ min kien jieħdu, kien jaqbel mat-togħma li kull wieħed kien irid.

Xejn aktar ta’ ġid ma seta’ jkun ordnat lilna għax dan hu s-sagrament tal-frott tas-Siġra tal-ħajja u kull min jieklu b’tjieba sħiħa u b’fidi mill-qalb, m’hu se jduq qatt il-mewt. Hu siġra tal-ħajja għal min iħaddnu; hieni hu min iżomm sħiħ miegħu. Min jiekol lili, hu wkoll jgħix bija.

Xejn ma seta’ jordnalna aktar ta’ mħabba , għax dan is-sagrament iġib l-imħabba u l-għaqda. L-aqwa sinjal ta’ mħabba hu li tagħti lilek innifsek bħala ikel. U n-nies li jgħammru miegħi forsi ma qalux: Lil min ma temgħux bil-laħam tiegħu u ma xebbgħux? Dan il-kliem qisu jfisser li Kristu ried jgħid: Tant ħabbejthom jien u ħabbewni huma, li jien xtaqt li nkun fihom billi huma jikluni u jsiru ħaġa waħda miegħi hekk li jkunu membri ta’ ġismi. Ma nistax ningħaqad magħhom u huma miegħi b’mod aqwa u aktar naturali.

Xejn ma seta’ fl-aħħarnett jordnalna jixbaħ il-ħajja ta’ dejjem. Il-ħajja ta’ dejjem tibqa’ għal dejjem għaliex Alla jagħti bla heda l-ħlewwa tiegħu lil dawk li jgħixu fil-hena.

RESPONSORJU                                                                                                               Lq22:29-30a; Ġw15:16a

1 Bħalma Missieri ħejja saltna għalija; hekk ukoll jien inħejji għalikom;* Biex tieklu u tixorbu fuq il-mejda tiegħi fis-saltna tiegħi.

2 Jien għażiltkom u ħtartkom biex tmorru tagħmlu l-frott; * Biex tieklu u tixorbu fuq il-mejda tiegħi fis-saltna tiegħi.

Talba

O Alla, int dawwalt lill-isqof San Albertu u għamiltu tassew kbir, għax bik għaraf ilaqqa’ tajjeb flimkien l-għerf tad-dinja mal-fidi mqaddsa, agħmel li nħaddnu sewwa t-tagħlim li tana, biex l-għerf tad-dinja , aktar ma jikber f’kull fergħa tiegħu, aktar jgħinna nagħrfuk u nħobbuk. B’Ibnek.

%d bloggers like this: