16 ta’ Novembru – SANTA MARGERITA TAL-ISKOZJA
TIFKIRA
Santa Margerita tal-Iskozja twieldet għall-ħabta tal-1046 fl-Ungerija, fejn missierha kien eżiljat. Iżżewġet lil Malcolm Canmore, re tal-Iskozja, u kellha tmint itfal, li rabbiethom ta’ nsara u tathom edukazzjoni tajba. Għexet ħajja ta’ ċaħda u ta’ talb, u tat għajnuna kbira lill-foqra. Mietet fl-1093 u difnuha fil-knisja tal-monasteru ta’ Dunfermline li kienet waqqfet hi stess.
Fl-Uffiċċju tal-qari
LEZZJONI II
Qari mill-Kostituzzjoni pastorali tal-Konċilju Vatikan it-Tieni, fuq il-Knisja fiż-żminijiet tal-lum
(Gaudium et spes, 48)
Il-qdusija taż-żwieġ u tal-familja
Ir-raġel u l-mara, li bir-rabta taż-żwieġ mhumiex iżjed tnejn imma ġisem wieħed, huma ta’ għajnuna sħiħa għal xulxin u jaqdu ‘l xulxin, propju għaliex hemm rabta sħiħa bejniethom u ftehim sħiħ f’għemilhom: din l-istess għaqda bejniethom iġġegħlhom jifhmu sewwa xi tfisser u tgħinhom isaħħuha dejjem aktar minn jum għall-ieħor. Din l-għaqda bejniethom, li ġejja mill-għoti tagħhom lil xulxin, titlob minnhom li jkunu dejjem fidili lejn xulxin u torbothom flimkien f’rabta li ma tinħall qatt; rabta bħal din hi meħtieġa wkoll mill-ġid tal-ulied.
L-imħabba vera tal-miżżewġin tissieħeb mal-imħabba ta’ Alla, u timxi ‘l quddiem u tistagħna bil-qawwa fejjieda ta’ Kristu u bil-ħidma tal-Knisja għas-salvazzjoni tagħna; b’hekk il-miżżewġin, b’mod tal-għaġeb, jersqu lejn Alla u jkollhom kull għajnuna u kull faraġ fil-qadi tad-dmir kbir tagħhom ta’ missier u omm.
Minħabba f’hekk il-miżżewġin insara jissaħħu u qishom jiġu kkonsagrati għall-qadi ta’ dmirijiethom u għad dinjità tagħhom ta’ miżżewġin fil-familja, mimlijin bl-Ispirtu ta’ Kristu, li jfawrilhom ħajjithom kollha bil-fidi, it-tama u l-imħabba: b’hekk huma jimxu dejjem aktar ‘l quddiem fit-triq tal-perfezzjoni u fit-tqaddis ta’ xulxin u b’dan il-mod, flimkien, jagħtu dejjem glorja lil Alla ‘
Għalhekk l-ulied, anzi dawk kollha li jgħixu fi ħdan familja bħal din, imqanqlin mill-eżempju tal-ġenituri u mill-ħajja tagħhom ta’ talb, jaqbdu aktar malajr it-triq li twassalhom għall-irġulija, għas-salvazzjoni u għall-qdusija. Min-naħa tagħhom il-miżżewġin, imżejnin bil-ġieħ u d-dmir ta’ ġenituri, għandhom bir-reqqa kollha jaqdu dmirhom, u l-aktar id-dmir ewlieni tagħhom li hu l-edukazzjoni ta’ wliedhom u fuq kollox l-edukazzjoni reliġjuża.
L-ulied, bħala membri ħajja tal-familja, jgħinu huma wkoll għall-qdusija tal-ġenituri tagħhom, għaliex għall-ġid li jagħmlu magħhom missierhom u ommhom huma jwieġbu b’imħabba u ħajr, b’rispett u fiduċja sħiħa, u bħala veri wlied huma għandhom jieqfu magħhom fit-tiġrib li jista’ jiġi fuqhom u meta jħossu ruħhom waħedhom fi xjuħithom. Ir-romol ikollhom il-ġieħ ta’ kulħadd meta jilqgħu b’qalb qawwija dan l-istat ġdid tagħhom bħala tkomplija tas-sejħa tagħhom għaż-żwieġ. Kull familja għandha taqsam l-għana spiritwali kollu tagħha mal-familji l-oħra b’idejn miftuħa. Għalhekk familja nisranija, li għandha l-bidu tagħha fiż-żwieġ li hu xbieha tar-rabta ta’ mħabba ta’ Kristu mal-Knisja u tisħib f’din l-imħabba, għandha tħabbar lill-bnedmin kollha x’inhi tassew il-Knisja u li Kristu jinsab tassew fostna fid-dinja : dan tagħmlu bl-imħabba tal-miżżewġin bejniethom, bl-għadd sabiħ tat-tfal, u bir-rabta bejn kulħadd u bil-fedeltà lejn xulxin, u bl-għajnuna ta’ kulħadd wieħed lill-ieħor.
RESPONSORJU Prov 31:30b. 25a. 31
1 Mara tibża mill-Mulej, din hi li titfaħħar. * Hi mżejna bis-saħħa u l-ġieħ.
2 Agħtiha mill-frott ta’ idejha, u l-għemejjel tagħha jfaħħruha f’bibien il-belt. * Hi mżejna bis-saħħa u l-ġieħ.
Talba
O Alla, int imlejt lil Santa Margerita tal-Iskozja b’imħabba kbira għall-foqra: agħmel li, bit-talb u l-eżempji tagħha, aħna nkunu xbieha ta’ tjubitek fost il-bnedmin. B’Ibnek.