Vanġelu (Matt. 22. 34-40): Ġerusalemm kienet iċ-ċentru tal-attivita reliġjuża tal-Lhud. Meta Ġesu’ daħal f’din il-belt, mill-ewwel ġie f’konfront mas-Sadduċej.
Dawn kienu setta ta’ saċerdoti li kienu jmexxu r-riti reliġjużi flimkien man-negozju li kien involut ma’ dawn ir-riti. Ġesu’ daħal fit-tempju u keċċa l-bejjiegħa u ‘l dawk li jsarrfu l-flus. Qabbel lil Israel ma’ tina li ma tagħmilx frott imma weraq biss. Kien qed jgħid għall-olokawsti, s-sagrifiċċji u l-inċens li ma jogħġbux lil Alla. Kemm-il darba l-profeti kienu qalu li dawn ma jogħġbux lil Alla jekk mhux abbinati ma mġieba li tirrifletti r-rieda t’Alla. Ħadd qatt qabel ma kien ħadha kontra l-awtorita li kellhom dawn is-Sadduċej. Għalhekk ippruvaw iwaqqgħuh għaċ-ċajt, l-aktar fuq il-kwestjoni tal-qawmien mill-mewt. (Kienu ġabulu l-każ ta’ armla li żżewġet sebat aħwa.) Ġesu’ se jħallas prezz għoli aktar tard, għax kienu l-kapijiet tas-saċerdoti li xlewh quddiem Pilatu.
- Fis-silta tal-lum, Ġesu’ jeħodha mal-Fariżej, setta oħra li ma kinux jaqblu mas-Sadduċej. Dawn kienu josservaw it-Torah bi skruplu kbir, u kienu fidili lejn Alla. Imma nkurlaw ma’ Ġesu’ għax ma kienx jippriedka li Alla jżomm ruħu ‘l bogħod mill-lebbrużi u l-midinbin (kif kienu jgħidu huma), imma li Alla kellu mħabba partikulari għal dawn in-nies l-aktar fil-bżonn. Ukoll kienu jgħidu li l-ħajja morali hi bbażata fuq il-merti: Alla jħallas skond il-merti li tkun akkumulajt. Minn flok, Ġesu’ kien jgħid li Alla jħobb bla ma jistenna xejn lura, imħabba gratuwita u bla kundizzjoni, imħabba/rigal mogħtija bl-akbar ġenerożita lil kulħadd. Għalhekk il-Fariżej kienu jipprovokaw lil Ġesu’. Ġa rajna meta saqsewh fuq it-taxxi – qasam politiku u ekonomiku. Illum jgħaddu għall-qasam tejoloġiku u Bibliku, li fih huma kienu tant intiżi. Se jsaqsu domanda mhux biex ifittxu l-verita’ imma għax kienu qed iqisu lil Ġesu bħala rival tagħhom li qed jiżvija lin-nies mid-duttrina tagħhom. Isaqsu b’tali mod biex Ġesu’ jgħid ereżija u b’hekk jakkużawh quddiem il-poplu. X’għamlu? Minn fost ir-Rabbini sabu l-aktar wieħed għaref fil-liġi. Kienu żguri li dan jaf il-liġi ferm aktar minn mastrudaxxa Nażri.
- “Mgħallem, liema hu l-akbar Kmandament fil-liġi?” Propjament mhux “l-akbar” imma “liema hu l-Kmandament il-kbir tal-liġi.” Ir-Rabbini sikwit kienu jiddiskutu liema kien l-akbar fost is-613-il kmandament li kienu siltu mill-Bibbja. 365 minnhom kienu negattivi (la tagħmilx..) u l-oħrajn (148) pożittivi. Dawn tal-aħħar, l-irġiel biss kienu obbligati li jobdu. Dan l-espert tal-liġi jsaqsi ‘l Ġesu’ b’ħażen, għax il-Lhud kollha sa minn ċkunithom kienu jafu li l-Kmandament il-Kbir kien il-ħarsien tas-Sibt. Kieku Ġesu’ wieġeb hekk, l-espert kien jaħtfu u jgħidlu: “Mela int għax ma tħarisx is-Sibt?” Ġesu’ kien iħares is-Sibt imma mhux bħall-Lhud: “Is-Sibt hu għall-bniedem, mhux il-bniedem għas-Sibt.” Ir-Rabbini Fariżajċi kienu josservaw bir-reqqa l-ittra tal-liġi. Ġesu’ poġġa idejal ‘il fuq minn hekk: dak tal-imħabba.
- “Ħobb ‘il-Mulej Alla tiegħek, b’qalbek kollha….l-għajrek bħalek innifsek.” L-ispiritwalita’ Fariżajka kienet ibbażata fuq l-osservanza tal-kmandamenti u l-preċetti.
Skond l-imġieba, wieħed kien jirċievi l-premju jew il-kastig. Ġesu’ ma jikkwota l-ebda kmandament. Jgħid biss: “Ħobb!” Qatt ma qalilna biex nobdu lil Alla imma biex nixbhu lill-Missier Etern li Hu mħabba. Din hi l-marka tal-bniedem il-ġdid, tan-Nisrani. Il-bniedem li jirnexxi hu dak li jixbah lil Alla, u li ma jista’ jagħmel xejn aktar ħlief iħobb kif iħobb il-Missier. Din hi d-differenza radikali bejn l-ispiritwalita’ Fariżajka u dik Nisranija. Ta’ l-ewwel hi kmand impost minn barra. Tat-tieni hi kwalita (don) minquxa minn Alla f’qalb il-bniedem, Ġiżimina ma tieħu l-ebda kmand minn barra biex tfuħ: min-natura tagħha tarmi riħa tfuħ. Ma tistax tordna omm biex tħobb ‘l uliedha: dan tagħmlu min-natura tagħha. Il-kmandamenti jaslu għand il-bniedem mill-istess identita’ tiegħu ta’ iben Alla, għax il-bniedem irċieva d-DNA (il-ħajja) tal-Missier Etern. Għalhekk, kull imġieba tiegħu titwieled minn din l-istess identita’. Mhux ta’ b’xejn Ġesu’ jwieġeb: “ĦOBB!” Il-verb użat hawn huwa agapann (agape) li bih ġiet introdotta l-ħajja t’Alla fil-Ġdid Testment. Agapann tagħti bidu għal imħabba li ma taf tagħmel xejn aktar ħlief il-ġid. Qatt ma ddur fuqha nnifisha (egoiżmu) imma dejjem moħħha biex tara l-ieħor ferħan. Ġesu’ mhux qed jitkellem fuq kmand imma fuq ħajja u natura ġdida. In-Nisrani konvint m’għandux bżonn kmand għax l-imġieba tiegħu tirrifletti l-imħabba li għandu f’qalbu għall-kulħadd. Fid-Dewteronomju nsibu: “Ħobb il-Mulej bil-forzi tiegħek kollha.” Ġesu’ jirranġa l-aħħar biċċa u jgħid: “..b’moħħok kollu.” Il-Lhud kienu jiddeċiedu u jaħsbu bil-qalb – iċ-ċentru tal-għażliet. Aħna niddeċiedu u naħsbu bil-moħħ. Mela l-għażliet li jagħmel il-bniedem (bin Alla) ikunu f’sintonija mal-ħsieb t’Alla. L-unika ħajja li tgħaqqad il-bniedem m’Alla hi l-imħabba.
- “… b’ruħek kollha…” i.e. b’ħajtek u tul ħajtek kollha. Ma jistax ikun hemm spazji fejn ma tħobbx, għax, la darba tirċievi l-ħajja tal-Etern, din trid tintwera permezz tal-imħabba.
- “….b’moħħok kollu…” Min iħobb ikollu ħsieb wieħed biss: li jiskopri s-sbuħija u l-kwalitajiet sbieħ kollha tal-persuna li jkun qed iħobb. Bħal namrat li jaħseb fuq in-namrata lejl u nhar. Hekk, min iħobb ‘l Alla, jerfa’ l-ħsieb tiegħu diversi drabi kuljum lejn Alla bħala punt ta’ riferiment. Ma niqfux biss fuq id-devozzjonijiet, imma l-għażla tagħna tal-fidi trid tkun frott ta’ deċiżjoni konxja, raġonevoli u maħsuba sew biex tissodisfa r-raġuni tagħna.
- “…. u t-tieni jixbhu….” Ġesu jikkwota l-Levitiku lid-duttur tal-liġi. “Ħobb”, i.e. mhux jien iċ-ċentru tal-interess u tal-għażliet, imma l-ieħor. Alla ħalaqna biex inħobbu. M’aħniex awtosuffiċjenti: għandna bżonn l-imħabba ta’ xulxin. L-imħabba t’Alla u l-imħabba tal-proxxmu jmorru id f’id.
- Id-duttur ma wieġeb xejn. Ġesu ma riedx jirbaħ xi argument jew imħatra, imma ried joħroġ lill-Fariżej mill-mentalita’ żbaljata li kellhom fuq Alla. Imma webbsu rashom. Noqogħdu attenti biex aħna wkoll ma nwebbsux rasna fuq l-idejat antiki ta’ kastigi, merti u premju, jew li niġġudikaw u nikkundaw għall-Infern min jikser xi kmandament.