Lezzjoni II: San Kolumbanu

Print Friendly, PDF & Email

Fl-istess jum 23 ta’ Novembru – SAN KOLUMBANU, ABBATI

Tifkira

San Kolumbanu twieled f’Leinster, l-Irlanda, madwar is-sena 540; għadda tajjeb ħafna fl-istudji profani u sagri. Wara l-istudji tiegħu qabad ħajja monastika. Fetaħ monasteri fi Franza u fl-Italja. Jistħoqqlu ġieħ kbir għall-ħidma wtieqa li għamel b’riżq il-ħajja nisranija u reliġjuża. Miet fil-monasteru ta’ San Pietru, f’Bobbio, fis-sena 615.

Fl-Uffiċċju tal-qari

LEZZJONI II

Qari mit-Tagħlim ta’ San Kolumbanu, Abbati.

(Instr. 11:1-2)

Ix-xebħ tal-bniedem ma’ Alla hu għana kbir, jekk inżommuh.

Mosé kiteb fil-Liġi: Alla ħalaq il-bniedem skont ix-xbieha tiegħu, bħalu. Qisu ftit x’dinjità għandu dan il-kliem: Alla li jista’ kollox, li ma jidhirx, li ma jingħarafx, li ma jitfissirx, li ma jitqiesx, sawwar il-bniedem mit-tajn u tah il-ġieħ li jkun xbieha tiegħu. X’paragun hemm bejn Alla u l-bniedem, bejn it-trab tal-art u l-ispirtu? Għax Alla hu spirtu. Ħaġa kbira din li Alla għoġbu jagħti lill-bniedem li jkun xbieha tal-eternità tiegħu u sura tal-ħajja tiegħu! Ġieħ kbir għall-bniedem din ix-xbieha ta’ Alla jekk jagħraf iħarisha fih!

Jekk il-bniedem jagħmel użu tajjeb mill-virtujiet li hemm imħawlin fir-ruħ ikun, iva, jixbah lil Alla. Il-virtujiet kollha li Alla għoġbu jħawwel fina qabel id-dnub, permezz tal-kmandamenti tiegħu wriena kif inrodduhomlu lura. Dan hu l-ewwel: Ħobb ‘l Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha għax hu ħabbna mill-bidu qabel ħalaqna. Meta nħobbu ‘l Alla nkunu nġeddu fina x-xbieha tiegħu. U jħobb ‘l Alla min iħares il-kmandamenti tiegħu, għax hu qal: Jekk tħobbuni, ħarsu l-kmandamenti tiegħi. U dan hu il-kmandament tiegħu, li nħobbu lil xulxin: Dan hu l-kmandament tiegħi, li tħobbu lil xulxin bħal ma ħabbejtkom jien.

L-imħabba vera mhux bil-kliem biss, imma bl-għemil u bil-verità. Nagħtu mela lura lil Alla Missierna x-xbieha tiegħu bla mittiefsa fil-qdusija, għaliex hu qaddis, kif hemm miktub: Kunu qaddisin, għax qaddis jiena; fl-imħabba, għaliex hu l-istess imħabba, kif jgħid San Ġwann: Alla hu mħabba; fit-tjieba u l-verità, għaliex hu tajjeb u veru. Ma npittrux xbieha oħra fina, għax pittur ta’ xbieha ta’ tirann hu kull min hu kiefer, kburi u jagħdab malajr.

Biex ma ndaħħlux fina xbiehat ta’ nies qliel, inħallu lil Kristu ipinġi fina x-xbieha tiegħu, billi jgħidilna: Jiena nagħtikom is-sliem, nagħtikom is-sliem tiegħi. Imma x’jiswielna li nkunu nafu x’ġid hu s-sliem, jekk ma ngħożżuhx? Il-ħwejjeġ l-aktar ta’ siwi aktarx ikunu dawk li malajr isiru frak, u għalhekk jeħtieġu ħarsien aqwa, b’reqqa akbar; u tassew tinkiser malajr dik il-ħaġa li ssir frak mal-iċken kelma u tintemm mal-inqas nuqqas magħmul lill-aħwa. Xejn ma hu aktar ta’ gost għall-bnedmin milli jitħaddtu fuq l-oħrajn u jindaħlu fl-affarijiet tal-oħrajn u jpaċpċu addoċċ u jmaqdru lil min mhux fosthom; għalhekk dawk li ma jistgħux jgħidu: Il-Mulej Sidi tani lsien ta’ wieħed mgħallem biex nagħraf ngħin lill-għajjien b’xi kelma, aħjar jisktu, u jekk jgħidu xi ħaġa, ħalli tkun ħaġa li ġġib is-sliem.

RESPONSORJU                            

Lq 6:47-48a; Sir 25:15

1 Kull min jiġi għandi u jisma’ kliemi u jagħmel dak li ngħid jien, ħa ngħidilkom lil min  jixbah: * Jixbah lil wieħed li ried jibni dar, ħaffer fil-fond sa ma sab il-blat u fuqu qiegħed is-sisien .

2 Hieni l-bniedem li jibża’ mill-Mulej: min għandu l-biża’ tal-Mulej, ma min hu mxebbah? * Jixbah lil wieħed li ried jibni dar, ħaffer fil-fond sa ma sab il-blat u fuqu qiegħed is-sisien.

Talba

O Alla, int għaqqadt b’mod tal-għaġeb f’San Kolumbanul-ħeġġa għat-tixrid tal-Evanġelju mal-imħabba għall-ħajja monastika; bit-talb u l-eżempji tiegħu agħtina li nħabirku biex infittxu lilek fuq kollox u li nkabbru l-għadd ta’ dawk li jemmnu fik. B’Ibnek.

%d