Il-Papa jiddispjeċih li ma jistax ikun viċin dawk fl-Udjenza

Print Friendly, PDF & Email

“Is-Salmi jwassluna biex naduraw lil Alla u nħobbu lil uliedu”.

Fl-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa, l-Papa Franġisku, kkonkluda riflessjoni fuq is-Salmi. Hu qal li s-Salmi jippermetulna “nikkontemplaw ir-realtà b’għajnejn Alla”.  

Fil-bidu tal-Udjenza Ġenerali, l-Papa stqarr li minħabba s-sitwazzjoni tal-Covid-19, li qed terġa tgħolli rasha, ma jistax jinżel isellem lin-nies bħalma s-soltu jagħmel, biex jevita tixrid tal-virus. “Jiddispjeċini li jkolli nagħmel hekk, imma dan għas-sigurtà tagħkom”. Il-Papa assigurhom, li għalkemm ma jistax ikun viċin tagħhom, qiegħed qrib tagħhom b’qalbu.

Il-Papa Franġisku stqarr ma dawk li kienu preżenti, li waqt il-qari mill-passaġġ tal-Bibbja, fil-bidu tal-katekeżi, l-attenzjoni tiegħu marret fuq omm li qedgħha tbennen lit-tarbija tagħha minħabba li kienet qed tibki. Hu qal: “Din ix-xbieha sabiħa tat-tenerezza ta’ omm, hija x-xbieha tal-Knisja, s-simbolu tat-tenerezza t’Alla għalina”. Għalhekk, “qatt issiktu tarbija li tibki fil-knisja, qatt, għaliex hija l-leħen li jiġbed il-ħlewwa ta’ Alla”.

Il-Papa imbagħad beda t-tieni u l-aħħar parti tal-katekeżi fuq is-Salmi. It-Talb tas-Salmi, “jgħinna biex ma naqgħux fit-tentazzjoni tal-‘ħażen’, jiġifieri li ngħixu, u forsi anki li nitolbu, bħallikieku Alla ma kienx jeżisti, u bħallikieku l-foqra ma kinux jeżistu”.

Minflokk, il-Papa spjega, li s-Salterju hu fundamentali fil-ħajja tagħna, għaliex ir-riferiment għall-assolut u għat-traxxendent, li l-imgħallmin spiritwali jsejħulu “l-biża qaddisa t’ Alla”, w li lilna tagħmilna umani. It-talb, kompla jgħid il-Papa, ma jħalliniex nidħlu fil-ħajja “bħallikieku kienet priża u naħtfuha. It-talb hu s-salvazzjoni tal-bniedem”.

Il-Qdusija Tiegħu, wissa kontra ‘t-talb fażull’ li nagħmluh biex jammirawna l-oħrajn, jew dawk li jmorru l-quddiesa biex jidhru li huma Kattoliċi jew biex juru l-aħħar moda li ħarġet, li Ġesù stess wissa bil-qawwa kontra dan. Anzi, l-veru spirtu ta’ talb li ġej mill-qalb “jgħinna nikkontemplaw ir-realtà bl-istess għajnejn t’ Alla”. Il-Papa wkoll wissa kontra li wieħed jitlob qisu pappagall. Iżda, t-talb għandu jkun iċ-ċentru ta’ ħajjietna, li ħiereġ mill-qalb. “Jekk hemm it-talb, anki ħuna, oħtna, anki l-għadu, jsir importanti”, jgħid il-Papa, u jkompli: “min iqim lill-Alla, jħobb lil uliedu”. It-talb, ma għandux jitqies bħala “kalmant biex innaqsu l-ansjetà tal-ħajja”, li dan it-tip ta’ talb mhux forma tat-talb nisrani. “Pjuttost it-talb jirresponsabbilizza lil kull wieħed u waħda minna”.

Il-Papa jirrimarka li fis-salterju nużaw dejjem“kliem raffinat u ġentili u li spiss għandhom fihom il-marki tal-ħajja”. Kif jgħidilna l-Katekiżmu tal-Knisja Kattolika: “l-ħafna suriet ta’ talb fis-Salmi jieħdu s-sura tagħhom kemm mill-liturġija tat-tempju u kemm f’qalb il-bniedem (No.2588)” Il-Kap tal-Knisja Kattolika kompla jgħid: “anki s-salmi li huma fl-ewwel persuna fis-singular”,  huma “wirt kollettiv, hekk li jużahom biex jitlob bihom kulħadd u għal kulħadd”. It-talba tan-Nisrani għandu ‘nifs’ u ‘tenzjoni’ spiritwali li żżomm flimkien it-tempju u d-dinja. “It-talb jista’ jibda’ għad-dell ta’ navata, ‘mma mbagħad jagħlaq il-ġirja tiegħu fit-toroq tal-belt”, spjega l-Papa u jista jkun viċe-versa li “jibda fil-ħidmiet ta’ kuljum u jsib il-milja tiegħu fil-liturġija”. Il-bibien tal-Knisja lesti biex jilqgħu l-karba ta’ kulħadd.

Il-Papa sostna li fit-talb “fejn hemm Alla, għandu jkun hemm ukoll il-bniedem”. Dan mhux għaliex “aħna nħobbu, ‘mma għax Hu ħabbna l-ewwel”. Il-Papa kkwota l-ewwel ittra ta’ San Ġwann Appostlu meta jgħid: “Jekk xi ħadd jgħid: Jiena nħobb ‘l Alla, u jobgħod lil ħuh, dan ikun giddieb. Għax min ma jħobbx lil ħuh li jara, kif jista’ jħobb lil Alla li hu qatt ma rah?”

Il-Papa kompla jispjega li “Alla ma jġerraħx ‘l-ateiżmu’ ta’ min jiċħad ix-xbieha divina li hemm magħġuna f’kull bniedem”. Li temmen f’Alla ‘mma fl-istess ħin iżżomm id-distanza mill-oħrajn u tasal li tobgħodhom, dan il-Papa jsejjaħlu “ateiżmu prattiku”. “Li ma tagħrafx il-persuna umana bħala xbieha t’ Alla hu sakrileġġ, hu abominju, hu l-agħar offiża li tista’ tagħmel lit-tempju u lill-altar”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://laikos.org/papa_frangisku_udjenza_21102020.htm

%d bloggers like this: