L-istemma kardinalizja tal-Isqof Mario Grech


L-istemma kardinalizja tal-Isqof Mario Grech

In Fractione Panis.

Dan huwa l-kliem fuq l-istemma li jfisser “fil-qsim tal-ħobż”. Huwa meħud minn kapitlu 24 tal-Evanġelju ta’ San Luqa fejn l-Evanġelista jgħidilna li d-dixxipli ta’ Għemmaws jagħrfu lill-Ġesù fil-qsim tal-ħobż.

L-istemma kardinalizja tal-Isqof Mario Grech, li se jinħatar Kardinal fil-Konċistorju tat-28 ta’ Novembru li ġej, hija l-istess waħda li kellu bħala Isqof ta’ Għawdex biż-żieda tas-salib bi tmien ponot tal-Ordni ta’ San Ġwann – magħruf bħala s-Salib ta’ Malta – fil-parti ta’ isfel fejn hemm l-Arma ta’ Għawdex, kif ukoll tal-kappell aħmar bi tletin ġummiena mdendla minnu, ħmistax fuq kull naħa, simbolu tal-grad ta’ kardinal.

Konferenza stampa fl-ajruport

Dan tħabbar waqt Konferenza Stampa li ta lill-midja l-Isqof Mario Grech dalgħodu mal-wasla tiegħu fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, wara li l-Ħadd li għadda l-Papa Franġisku ħabbru l-ewwel wieħed fil-lista ta’ tlettax-il kardinal ġdid. Minn Settembru, l-Isqof Mario huwa s-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu tal-Isqfijiet f’Ruma, pożizzjoni sinifikanti u ħafna għall-qalb tal-Papa.

Konferenza stampa mal-wasla f’Malta tal-Kardinal-elett Mario Grech

Malli niżel mill-ajruplan li wasal f’titjira minn Ruma għall-ħabta tal-11.30am, Mons. Grech ġie milqugħ mill-Onor. Dr Robert Abela, Prim Ministru ta’ Malta; l-Onor. Evarist Bartolo, Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej; Dr Frank Zammit, Ambaxxatur ta’ Malta għas-Santa Sede; flimkien ma’ delegazzjoni magħmula minn Mons. Alessandro d’Errico, Nunzju Appostoliku għal Malta; Mons. Charles J. Scicluna, Arċisqof ta’ Malta; Mons. Anton Teuma, Isqof ta’ Għawdex; u Mons. Joseph Galea Curmi, Isqof Awżiljarju ta’ Malta; kif ukoll il-ġenituri ta’ Mons. Grech.

Il-Konċistorju fit-28 ta’ Novembru

Tħabbar ukoll li l-Konċistorju li fih Mons. Mario Grech se jiġi ‘kkreat’ Kardinal nhar is-Sibt 28 ta’ Novembru 2020, lejlet l-Ewwel Ħadd tal-Avvent, sa jinżamm fuq l-Altar tal-Katedra ta’ San Pietru fl-4.00pm. F’dik l-okkażjoni, il-Kardinal Grech – li ssemma l-ewwel wieħed fil-lista mill-Papa Franġisku u għalhekk għandu d-dritt tal-preċedenza – mistenni jagħmel id-diskors taċ-ċirkustanza f’isem sħabu l-porporati ġodda. Ta’ min jinnota li l-Kostituzzjoni ġdida li biha l-Papa Franġisku se jikkonsolida r-riforma attwali fil-Kurja Rumana, u li ġġib l-isem Prædicate evangelium, tqiegħed is-Sinodu tal-Isqfijiet fuq nett fil-ġerarkija ekkleżjali, dritt taħt il-Papa u ’l fuq mill-istess dikasteri tal-Kurja Rumana.

Żjara ta’ rispett lill-Papa emeritu Benedittu XVI

Dritt wara l-Konċistorju, kif issa saret konswetudni, il-Papa Franġisku flimkien mat-tlettax-il kardinal ġdid mistennija jagħmlu żjara ta’ rispett lill-Papa emeritu Benedittu XVI fir-residenza tiegħu fil-Belt tal-Vatikan.

L-għada l-Ħadd 29 ta’ Novembru filgħodu, il-Papa jqaddes fuq l-Altar Maġġur tal-Bażilika ta’ San Pietru flimkien mal-kardinali l-ġodda, waqt li t-Tnejn 30 ta’ Novembru, il-Kardinal il-ġdid Grech mistenni jmexxi Quddiesa ta’ Radd il-Ħajr fuq wieħed mill-altari laterali tal-Bażilika ta’ San Pietru, li tkun fit-8.00am.

L-iIttra tal-Papa Franġisku lill-Isqof Mario

F’ittra li kitiblu dakinhar tan-nomina tal-ħatra (mehmuża ma’ din l-istqarrija), il-Papa Franġisku qallu: “Hija t-tama tiegħi li din il-vokazzjoni li għaliha l-Mulej qed isejjaħlek isseddqek fl-umiltà u fl-ispirtu ta’ qadi. ‘Aħna qaddejja li ma niswew għal xejn’. Dan hu li l-Mulej għallimna ngħidu meta nkunu wettaqna xogħolna, u biex ma nitolbu ebda ħlas ħlief dan, u l-grazzja li ġejna magħżula biex naqdu. Jiena nitolbu li dan ikun il-ferħ tiegħek illum u kull ġurnata ta’ ħajtek, u li, fl-aħħar, lill-Mulej tkun tista’ tgħidlu: ‘Jien qatt ma poġġejt il-musbieħ tiegħek taħt il-modd’”.

Merħba lill-Isqof Mario Grech minn Nunzju u mill-Isqfijiet Maltim

Issa li l-Isqof Mario Grech se jkun jifforma parti mill-grupp tal-hekk imsejħa ‘kardinali djakni’, li ġeneralment huma dawk il-kardinali li jaqdu fil-Kurja Rumana u għalhekk qrib tal-Papa, hu jiġi assenjat it-titlu ta’ waħda mill-knejjes djakonali fil-Belt Eterna.

Fil-Konferenza Stampa ta’ dalgħodu li nżammet fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta l-Isqof Grech reġa’ esprima r-radd ta’ ħajr tiegħu lill-Papa Franġisku, kif diġà kellu l-okkażjoni jagħmel waqt udjenza privata li kellhom fil-Palazz Appostoliku nhar il-Ħamis 29 ta’ Ottubru. Hu tenna li din il-ħatra tixhed mhux biss għall-fiduċja li l-Papa Franġisku għandu fih, imma wkoll f’kemm il-Kap tal-Knisja Kattolika jemmen fil-Knisja f’Malta u Għawdex. Hu semma li minkejja l-impenji tiegħu f’Ruma, hu se jibqa’ jħossu dejjem iben tal-Knisja lokali li lilha jaf il-vokazzjoni tiegħu u li ħejjietu għal din is-sejħa ġdida li qed jagħmillu l-Mulej permezz tal-Papa.

Aktar tard waranofsinhar, l-Isqof Grech flimkien mal-Isqfijiet Maltin għamel żjara lill-qabar tal-Arċisqof Ġużeppi Mercieca (li kien minn Għawdex) fil-Katidral tal-Imdina.