Lectio Divina tat-32 Ħadd. Sena “A”

Print Friendly, PDF & Email

Vanġelu (Matt. 25. 1-13):  Fi żmien Ġesu’, koppja kienu juru x-xewqa li riedu jiżżewġu quddiem il-ġenituri tagħhom. Jiffirmaw il-kuntratt, u jerġgħu lura d-dar għand il-ġenituri tagħhom.  Għal sena sħiħa ma kinux jaraw lil xulxin.  Imbagħad ir-raġel imur għall-għarusa tiegħu għand il-ġenituri tagħha biex jeħodha għandu, fejn hemm issir l-ikla tat-tieġ.  Jekk dan il-vjaġġ isir bil-lejl, kien meħtieġ li xi wħud idawwlu t-triq bl-imsiebaħ tagħhom.

  1. “Is-Saltna tas-Smewwiet tixbah lil għaxar xebbiet.”  In-numru 10 jfisser totalita’, u n-numru 5 il-poplu Lhudi. Mela l-għaxar xebbiet jirrappreżentaw it-totalita’ tal-poplu Lhudi li qed jistennew l-Għarus, il-Mulej, li jħobb lill-għarusa Tiegħu bi mħabba tal-ġenn, u li qed jistenna l-għarusa biex idaħħalha għall-festa tal-ferħ.  “Jistgħu il-muntanji jiċċaqalqu….imma mħabbti lejk ma tinbidilx” (Isaija). “Niġbdek lejja, inkellem lil qalbek u tkun l-għarusa tiegħi għal dejjem” (Hożea).  Il-Mulej irid li l-poplu Tiegħu jgħix fil-ferħ tal-festa.  “Ħamsa kienu għaqlin”: dawk li żammew il-fidi ħajja, u, kif wasal l-għarus, għarfuh u marru jiġru jilqgħuh. Per eżempju, ix-xwejjaħ Xmun li baqa’ jemmen u jittama sal-aħħar, u li, malli l-Familja Mqaddsa daħlet fit-Tempju, għaraf lil Ġesu’, refgħu u ħaddnu miegħu. Ukoll qal lil Marija li sejf għad jinfdilha ruħha, għax Ġesu’ se jkun sinjal ta’ kontradizzjoni bejn dawk li se jaċċettawh (għaqlin) u dawk li se jirrifjutaw it-tagħlim Tiegħu (boloh).  Iż-żejt jagħti l-ħajja lill-musbieħ tal-fidi.  Jekk dal-musbieħ tħallieh nieqes miż-żejt, id-dawl tal-fidi jintefa’. Dan id-Dawl jiġi mill-Kelma t’Alla imħabbra mill-profeti u, aktar tard, minn Kristu nnifsu. “Dak li ġara lill-poplu Lhudi, nirrakkuntawh biex iservi ta’ twissija għalina llum” (Korintin). 
  2. B’din il-parabbola, Mattew irid jurina mhux biss lil dawk il-Lhud li aċċettaw lil Ġesu’, u oħrajn li rrifjutawh, imma wkoll dawk li għamlu l-istess fil-Komunita’ Nisranija fi żmienu, i.e. ħamsin sena wara l-Qawmien ta’ Ġesu.  X’uħud minn dawn l-Insara ħasbu li d-dinja kollha se tikkonverti fi żmien qasir. Meta dan ma seħħx, bdew jaqtgħu qalbhom u jiddubitaw, l-aktar meta tant ġlied, gwerer u inġustizzji ma waqfux. Oħrajn waslu wkoll biex jitilqu l-fidi, u jwaqqgħu għaċ-ċajt lil dawk li baqgħu lejali: “Fejnha l-wegħda tal-Mulej li kellu jerġa’ jiġi?  Wasal jew le?” u jerġgħu lura għall-ħajja pagana. Dawn spiċċalhom iż-żejt, u b’hekk intefielhom id-dawl tal-fidi u t-tama li kienu jgħinuhom żgur biex jistennew il-miġja tal-Għarus.  Mattew qed iħeġġeġ mhux biss lil dawn it-talin ta’ żmienu biex jerġgħu lura għall-merħla ta’ Kristu, imma lil dawk ta’ żmienna wkoll li sfaw vittmi tal-ibbumbardjar mill-midja biex (a) ifittxu d-drittijiet mhux dmirijiet (b) ma jagħtux każ aktar x’jgħid il-Papa jew l-Isqof (ċ) jaqtgħu jieshom li n-nies se jkomplu jitgħammdu (d) li qatt m’hu se jieqfu l-gwerer u l-inġustizzji.
  3. Aħna li bqajna fidili, ngħaddu minn dan id-dlam tal-lejl?  Insaqsu għaliex il-kelma t’Alla mhux qed tħalli effett fuq tant nies?  Dan id-dlam tal-gwerer, vjolenzi, mibegħda, eċċ meta se jispiċċa?  Hu f’dan id-dlam tal-lejl li llum aħna mitlubin li dejjem ikollna riserva biżżejjed ta’ żejt  biex inżommu ħajja l-fidi tal-musbieħ tagħna, biex hekk inkunu dejjem ippreparati għal meta jasal l-Għarus għal għarrieda: “F’nofs ta’ lejl instema’ min jgħajjat: ‘Araw l-għarus!’” F’nofs il-lejl, meta d-dlam kien fl-aqwa tiegħu, wasal l-Għarus, li ġie kif kien ħabbar u wiegħed, u ġie biex joħroġna mid-dlam u jdaħħalna għall-festa tal-ferħ. “Fi skiet profond, f’nofs il-lejl, il-Kelma Omnipotenti tas-Sema, niżlet fuq l-art tal-Eġittu biex teħles il-poplu mill-jasar” (Għerf: 18). Meta qed ngħidu fuq il-miġja tal-Għarus, mhux qed nirreferu għall-aħħar ta’ ħajjitna imma għal issa: jekk ngħaddu minn xi perjodu ta’ dlam, l-Għarus se jiġi ISSA biex idaħħalna għall-ikla tal-ferħ. L-importanti hu li nkunu ppreparati biex nagħrfu l-wasla tiegħu biex inkunu nistgħu nimxu warajh.  Min kien il-leħen li għajjat “Ara l-għarus!”? Kienu l-profeti l-ewwel li għarfu li l-Għarus dejjem jiġi fid-dinja tagħna, għax kienu l-aktar nies ippreparati, sensibbli u attenti għall-vuċi tiegħu.
  4. Ħafna jgħidu li l-messaġġ ta’ Kristu falla u d-dinja tiħżien kuljum. Kull min ma jħallix il-musbieħ tal-fidi tiegħu jintefa, għandu jgħix dan iż-żmien ta’ dlam bħala opportunita’ unika biex jingħaqad ma’ oħrajn bħalu fil-Komunita’, biex flimkien ixandru dil-aħbar sabiħa ma’ kulħadd: ‘L-Għarus wasal, u qed jistedinna għal din l-ikla tat-tieġ, l-ikla ta’ ferħ.’ Il-periklu li n-nies ‘tad-dinja’ jaqtgħulna qalbna hu dejjem hemm. Ma nistgħux inħalluhom jinfluwenzawna biex inċedu l-armi.  L-għaqlin u l-boloh m’humiex żewġ gruppi, imma sentimenti li jinsabu t-tnejn fina: (a) meta nħallu min jiskuraġġina, il-bluha tgħolli rasha; (b) imma, meta nħallu l-Kelma t’Alla timlina b’kuraġġ ta’ sur u tama, il-musbiegħ jixgħel b’għaqal kbir. 
  5. Il-kwies kienu vażetti taż-żejt ta’ riserva – żejt li qiegħed hemm biex dejjem ifawwar il-musbieħ meta dan jonqoslu ż-żejt. B’hekk il-fidi ma tintefa qatt.  Jeħtieġ li aħna dawn il-kwies inżommuhom dejjem mimlijin bil-Kelma t’Alla, bis-sehem tagħna fix-xogħol pastorali  u liturġiku, u fl-għaqdiet reliġjużi.  Min jukkuntenta bil-ftit, (e.g. bil-quddiesa tal-Ħadd biss), aktarx ma jdumx ma jintfielu l-musbieħ.
  6. “Morru għand tal-ħanut ixtru għalikom. Ma nistgħux intukom miż-żejt tagħna.  Iż-żejt tridu takkwistawh intom billi tkunu responsabbli għall-għażliet tagħkom. Aħna ma nistgħux inkunu tajbin għalikom.”
  7. “Lilkom ma nafkomx.” Ġesu mhux qed jitkellem fuq il-Ġenna. Qed jgħid li l-għaqlin se jgħixu dil-ħajja f’festa kontinwa ta’ ferħ. Il-boloh se jitilfu dan iċ-ċans, u fl-aħħar ta’ ħajjithom   se jirrejalizzaw li kienu ħlew ħajjithom fix-xejn. Imbagħad ikun tard wisq (bħall-boloh li waslu tard) biex jirkupraw il-ferħ li setgħu gawdew tul il-ħajja.  Fis-sala tat-tieġ, kulħadd ħabib, jieklu flimkien f’atmosfera ta’ mħabba t’aħwa.  Barra s-sala nsibu gwerer, mibgħeda, egoiżmu, eċċ. Ġesu’ jixtieq lil kulħadd jidħol fis-sala, imma xi wħud  ma jridux.

Sors:  lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefernando armellini

%d