Lezzjoni II: San Damasu I


11 ta’ Diċembru. SAN DAMASU I, ISQOF

Tifkira

Il-Papa Damasu twieled fi Spanja għall-ħabta tas-sena 305. Daħal fil-kleru ta’ Ruma u sar Papa fis-sena 366. Laqqa’ sinodi kontra x-xiżmatiċi u l-eretiċi Arjani u Donatisti, qabbad lil San Ġirolmu jaqleb il-kotba tal-Iskrittura Mqaddsa għal-Latin, xerred ħafna l-ġieħ tal-martri u żejjen l-oqbra tagħhom b’versi tiegħu. Miet fis-sena 384.

Fl-Uffiċċju tal-Qari

LEZZJONI II

Qari mit-Trattat kontra Fawstu, tal-isqof Santu Wistin

(Lib 20:21)

Infaħħru l-martri f’ġieħ l-għożża u x-xirka tagħna

Il-poplu nisrani jġedded it-tifkira tal-martri b’ferħ u solennità qaddisa, kemm biex jitħeġġeġ ħalli jsir jixbaħhom, u kemm biex jissieħeb fil-merti tagħhom u jaqla’ l-għajnuna tat-talb tagħhom. Iżda dan ma jfissirx li aħna nibnulhom l-altari, għalkemm nibnuhom fuq l-oqbra tagħhom.

Waqt is-servizz tal-altar mibni fuq l-oqbra tal-qaddisin, liema isqof qatt qal: Noffrulek, Pietru; jew,Pawlu; jew, Ċiprijanu? Għax dak li noffru, noffruh lil Alla, li ta l-premju lill-martri, u noffruhulu fuq l-oqbra ta’ dawk li hu ppremja, biex dawn l-istess oqbra jkunu għalina twissija u jħajruna iżjed nikbru fl-imħabba, sew lejn dawk li aħna nistgħu nsiru bħalhom sew lejn dak li jagħtina l-għajnuna biex nistgħu nsiru nixbhuhom.

Aħna mela nweġġħu lill-martri f’ġieħ l-għożża u x-xirka tagħna magħhom, l-istess kif fuq din l-art nagħtu ġieħ lil dawk il-bnedmin qaddisa ta’ Alla li fil-fehma tagħna, huma wkoll lesti biex jieħdu l-martirju għall-verità tal-evanġelju. Iżda lil dawk nagħtuhom xhieda akbar ta’ ġieħ, għax huma diġà għelbu t-taqbid kollu tagħhom u issa jinsabu aktar fiż-żgur, u għax ma għandniex biża’ nfaħħruhom bħala nies li diġà daħlu rebbieħa f’ħajja aktar hienja minn ta’ dawk li għadhom s’issa jitqabdu f’din il-ħajja.

 Iżda mbagħad hemm qima li tissejjaħ latrija, jiġifieri dak is-servizz li jistħoqq sewwasew lil Alla. Din il-qima aħna la nagħtuha u lanqas ngħallmu li għandha tingħata lil ħadd ħlief lil Alla waħdu.

F’din il-qima tidħol l-offerta tas-sagrifiċċju. Għalhekk, min joffri s-sagrifiċċju lill-idoli jkun jagħmel idolatrija. Aħna b’ebda mod ma noffru jew inġagħlu lil min joffri sagrifiċċji lil xi martri jew ruħ qaddisa jew anġlu. Jekk xi ħadd jaqa’ f’dan l-iżball, inwissuh permezz tat-tagħlim tajjeb biex jerġa’ lura mill-iżball jew jiftaħ għajnejh għal li ġej.

Anqas l-istess qaddisn, ta’ bnedmin li huma, ma jridu għalihom din il-qima, għax jafu li tistħoqq lil Alla waħdu. Dan ġara lil Pawlu u lil Barnaba: meta n-nies ta’ Likaonja stagħġbu bil-mirakli tagħhom, ħasbuhom allat u riedu joffrulhom is-sagrifiċċju; imma l-appostli ċarrtu lbieshom, qalulhom u fehmuhom li huma ma kienu allat xejn, u żammewhom milli kienu se jagħmlu.

Iżda aħna ngħallmu ħaġa, u jkollna nissaportu l-kuntrarju; Alla jordnalna nikkmandaw ħaġa, u jobbligana nikkorreġu l-kuntrarju, u, sa ma nkunu kkoreġejnieh, ikollna nieħdu paċenzja bih.

RESPONSORJU  

Salm 115(116): 15; 33(34):21;ara Ġudit l0:3

1 Għażiża f’għajnejn il-Mulej hi l-mewt tal-ħbieb tiegħu. * Iħarsilhom għadamhom kollu, ebda waħda ma titkissrilhom.

2 Ilibbishom il-Mulej bi lbies il-hena. * Iħarsilhom għadamhom kollu, ebda waħda ma titkissrilhom.

Talba

Nitolbuk, Mulej, biex kif il-Papa San Damasu weġġaħ u ħabb il-martri tiegħek, hekk aħna niċċelebraw dejjem il-merti tagħhom. B’Ibnek.