Lezzjoni II: Santa Ġovanna Franġiska De Chantal


12 ta’ Diċembru. SANTA ĠOVANNA FRANĠISKA DE CHANTAL, RELIĠJUŻA

Tifkira

Ġovanna Franġiska twieldet f’Dijon, Franza; iżżewġet lill-Baruni De Chantal u kellha sitt itfal, li rabbiethom fit-tjieba. Meta romlot, ħaffet b’ħeġġa kbira ‘l quddiem fit-triq tal-perfezzjoni taħt it-tmexxija ta’ S. Franġisk De Sales; u ħabirket f’opri ta’ mħabba għall-iskejjel u l-aktar għall-morda. Waqqfet il-Kongregazzjoni tas-sorijiet tal-Viżitazzjoni, u mexxietha b’għaqal kbir. Mietet fl-1641.

 Fl-Uffiċċju tal-Qari

LEZZJONI II

Qari mit-Tifkiriet ta ’ Santa Ġovanna Franġiska, miktubin mis-soru segretarja tagħha (Françoise-Madeleine de Chaugy, ‘Memoires sur la vie et les vertus de Sainte J.-F. de Chantal, ‘ III 3, Paris l853)

Bħall-mewt, l-imħabba hi qawwija

Darba waħda Santa Ġovanna qalet dawn il-kelmiet imħeġġa, li kulħadd qagħad jismagħhom bil-qalb:

 “Ulied għeżież, bosta mill-missirijiet qaddisa tagħna u kolonni tal-Knisja ma mitux martri: x’taħsbu li kienet ir-raġuni?” Kull waħda tat il-fehma tagħha; imbagħad dik ommna l-qaddisa qalet: “Jiena jidhirli li dan ġara għax hemm martirju ieħor, jgħidulu l-martirju tal-imħabba, meta Alla jgħin lill-qaddejja tiegħu f’ħajjithom biex jaħdmu għall-glorja tiegħu, u jagħmilhom martri u konfessuri f’ħin wieħed”. U żiedet tgħid: “Jiena naf li l-ulied ta’ dan l-Istitut tal-Viżitazzjoni huma mogħtija għal dan il-martirju, u Alla jrid li xi wħud minnhom, iżjed ixxurtjati, għad iġarrbu kull ma jkunu xtaqu”.

Waħda mis-sorijiet staqsietha kif jista’ jsir dan il-martirju, u hi weġbitha: “Oqoghdu f’kollox għal dak li Alla jrid minnkom, u tkunu tafu kif. Għax l-imħabba ta’ Alla għandha xabla li tinfed sal-irkejjen l-aktar ġewwiena u moħbija tar-ruħ, u hi tifridna minna nfusna. Naf ruħ li l-imħabba firditha mill-ħwejjeġ l-aktar għeżież għaliha, xejn inqas minn daqs li kieku tirann taha daqqa ta’ xabla u firdilha ruħha minn ġisimha”.

Aħna mill-ewwel intbaħna li dawn il-kelmiet qalithom għaliha stess. Imbagħad soru oħra staqsietha kemm idum dan il-martirju; hi weġbitha: “Minn dak il-waqt li ningħataw lil Alla, bla ma nżommu xejn għalina, sa l-aħħar ta’ ħajjitna. Dan, iżda, jingħad għall-bnedmin ta’ qalb kbira, li xejn ma jżommu għalihom infushom u jibqgħu fidili fl-imħabba; għax Sidna ma jridx jibgħat il-martirju lid-dgħajfin u lil dawk li jħobbu ftit u ma jibqgħux dejjem sħaħ; lil dawn iħallihom jgħaddu ħajjithom la tajjeb u lanqas ħażin, kemm ma jitwarrbux minnu; għax hu qatt ma jisforza lir-rieda ħielsa tagħna”.

Fl-aħħarnett riedu jafu jekk il-martirju tal-imħabba jistax jitqies l-istess bħal dak tal-ġisem. U hi qaltilhom: “Ma noqogħdux infittxu jekk wieħed huwiex daqs l-ieħor; iżda jiena nħoss li wieħed mhux inqas mill-ieħor, għax bħall-mewt, l-imħabba hi qawwija. Meta l-martri tal-imħabba jibżgħu għal ħajjithom biex jagħmlu r-rieda ta’ Alla, huma jsofru tbatija elf darba eħrex minn dik li kienu jsofru kieku kellhom jagħtu ħajjithom għal elf darba b’xhieda tal-fidi, tal-imħabba u tal-fedeltà tagħhom”.

RESPONSORJU                                                                                                 Fil 4:8-9   

1. F’dan għandkom taħsbu: f’kulma hu veru, kulma hu xieraq, kulma hu qaddis, kulma hu safi, kulma jiġbed l-imħabba, kulma jistħoqqlu l-qima: dan agħmlu. * U Alla tas-sliem ikun magħkom.

2. Kulma hu virtù, kulma ħaqqu t-tifħir, f’dan kollu aħsbu. * U Alla tas-sliem ikun maghkom.

Talba

O Alla, int żejjint b’merti kbar lil Santa Ġovanna Franġiska de Chantal f’kull stat ta’ ħajja li minnu għaddejtha; bit-talb tagħha agħtina li nimxu dejjem fidili mas-sejħa tagħna u li nxerrdu bla heda madwarna d-dawl tal-eżempji t-tajba. B’Ibnek.