Qari tal-Quddies tal-Ġimgħa tal-XXXIV ġimgħa matul is-Sena


Stampa t-test tal-qari …

L-Erbgħa u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Il-Ġimgħa

QARI I
Qiegħed nara bħal iben ta’ bniedem, ġej mis-sħab tas-sema.
Dan 7, 2-14

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel

Jien, Danjel, kont qiegħed inħares f’dehra li kelli billejl, u ara, l-erbat irjieħ tas-sema bdew iqanqlu l-baħar il-kbir; u mill-baħar ħarġu erba’ bhejjem kbar, waħda mhijiex bħall-oħra. L-ewwel waħda kienet qisha ljun bil-ġwienaħ ta’ ajkla. Jiena u nħares, ġwenħajha nqalgħulha; intrefgħet mill-art, waqqfuha fuq riġlejha bħal bniedem, u tawha qalb ta’ bniedem. U ara, kien hemm bhima oħra, it-tieni waħda, qisha ors, u waqqfuha fuq ġenb wieħed; f’ħalqha, bejn snienha, kellha tliet kustilji, u qalulha: “Qum, kul laħam kemm trid”.

Imbagħad ħarist, u ara, kien hemm oħra, qisha ljupard b’erba’ ġwienaħ ta’ tajra fuq dahru; din il-bhima kellha erbat irjus, u tawha setgħa kbira. Wara dan ħarist fl-istess dehriet li kelli billejl, u ara, kien hemm ir-raba’ waħda, bhima tal-biża’ u twerwrek, ta’ saħħa tal-għaġeb, bi snien kbar tal-ħadid; bdiet tiekol u tfarrak, u tgħaffeġ il-fdal taħt saqajha. Din kellha għaxart iqrun, u ma kinitx bħall-bhejjem l-oħra ta’ qabilha.

Qgħadt inħares sewwa lejn il-qrun, u ara f’nofshom nibet qarn ieħor żgħir; tlieta mill-qrun l-oħra nqalgħu minn għeruqhom quddiem dan il-qarn li kellu għajnejn bħal ta’ bniedem u fommu jlablab ħafna kliem arroganti.

Kont għadni qiegħed inħares,
meta tqiegħdu xi tronijiet,
u wieħed Xiħ fl-għomor qagħad bilqiegħda;
ilbiesu abjad silġ, u xuxtu bajda suf;
ilsna tan-nar it-tron tiegħu,
nar iħeġġeġ ir-roti tiegħu;
xmara ta’ nar kienet għaddejja,
ħierġa minn quddiemu;
eluf ta’ eluf kienu jaqduh,
u għaxart elef ta’ għaxriet ta’ eluf wieqfa quddiemu.
Il-Qorti qagħdet bilqiegħda, u l-kotba nfetħu.

Jien bqajt inħares; imbagħad, minħabba l-għajjat u l-kliem arroganti li kien qiegħed jgħid il-qarn, waqt li kont inħares, lill-bhima qatluha, u ġisimha qerduh u tawh għan-nar. Lill-bhejjem l-oħra neħħewlhom setgħethom, iżda lilhom ħallewhom ħajjin sa ma jaslulhom il-ħin u l-waqt.

U billejl deherli qiegħed nara bħal iben ta’ bniedem,
ġej mis-sħab tas-sema,
li baqa’ sejjer sax-Xiħ fl-għomor u ressquh quddiemu.
U tawh ħakma, ġieħ, u saltna,
biex lilu jaqdi kull ġens, u poplu, u lsien.
Ħakmietu ħakma għal dejjem li ma tgħaddix,
u saltnatu li ma tinqeridx.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Dan 3, 75.76.77.78.79.80.81

R/. (59b): Faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem

Bierku, muntanji u għoljiet, il-Mulej.
Bierku, kulma jinbet fl-art, il-Mulej. R/.

Bierku, għejun il-Mulej.
Bierku, ibħra u xmajjar, il-Mulej. R/.

Bierku, ħut kbir u kulma jżiġġ fl-ilma, il-Mulej.
Bierku, tjur kollha tal-ajru, il-Mulej. R/.

Bierku, bhejjem selvaġġi u mansi kollha, il-Mulej,
faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 21, 28

Hallelujah. R/. Hallelujah
Qawwu qalbkom u erfgħu raskom,
għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Meta taraw dan jiġri, kunu afu li s-Saltna ta’ Alla hi fil-qrib.
Lq 21, 29-33

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu din il-parabbola: “Ħarsu lejn is-siġra tat-tin u s-siġar l-oħra. Malli tarawhom jarmu, intom stess tintebħu li s-sajf diġà fil-qrib. Hekk ukoll meta taraw dan jiġri, kunu afu li s-Saltna ta’ Alla hi fil-qrib. Tassew ngħidilkom, li ma jgħaddix dan in-nisel sa ma jiġri dan kollu. Is-sema u l-art jgħaddu, imma kliemi ma jgħaddix”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu