L-Erbgħa u Tletin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena
Is-Sibt
QARI I
Is-saltna u s-setgħa jingħataw lill-poplu tal-qaddisin ta’ Alla l-Għoli.
Dan 7, 15-27
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Danjel
Jien, Danjel, ħassejtni mnikket fija nnifsi fl-ispirtu, u d-dehriet ta’ moħħi ħawduni. Ersaqt lejn wieħed minn dawk li kienu hemm wieqfa, u staqsejtu fuq dan kollu biex inkun żgur. U hu kellimni u għarrafni xi tfisser din il-ħaġa: “Dawn l-erba’ bhejjem kbar huma erba’ slaten li għad jiġu fuq l-art. Imma s-saltna jirċevuha l-qaddisin ta’ Alla l-Għoli, u s-saltna tibqa’ tagħhom għal dejjem, u għal dejjem ta’ dejjem”.
Imbagħad ridt niżgura ruħi mir-raba’ bhima li ma kinitx bħall-oħrajn, dik il-bhima tal-biża’, li kellha s-snien tal-ħadid, u d-dwiefer tal-bronż, u li kienet tiekol u tfarrak, u tgħaffeġ il-fdal taħt saqajha.
Ridt inkun naf fuq l-għaxart iqrun li kellha fuq rasha, u fuq il-qarn l-ieħor li nibet, u quddiemu nqalgħu minn għeruqhom tlieta mill-oħrajn, u kellu l-għajnejn u l-fomm jgħid ħafna kliem arroganti, u deher akbar mill-oħrajn.
Jiena u nħares, ġara li dak il-qarn għamel gwerra lill-qaddisin u għelibhom, sa ma ġie x-Xiħ fl-għomor u għamel il-ħaqq lill-qaddisin ta’ Alla l-Għoli, għax iż-żmien kien wasal; u l-qaddisin irċevew is-saltna.
Huwa qal: “Ir-raba’ bhima tfisser ir-raba’ saltna, li jkun hawn fuq l-art, u li ma tkunx bħas-saltniet l-oħra; hija tiekol l-art kollha, tisħaqha u tgħaffiġha. L-għaxart iqrun ifissru li minn din is-saltna jqumu għaxar slaten; u mbagħad warajhom iqum ieħor li ma jkunx bħalhom, u jwaqqa’ tliet slaten. Huwa jgħid kliem kontra Alla l-Għoli biex jifni lill-qaddisin tal-Għoli, u jkun irid ibiddel iż-żminijiet u l-liġi, u dawn jingħatawlu f’idejh għal żmien, żminijiet u nofs żmien.
Imbagħad il-Qorti toqgħod bilqiegħda, u s-setgħa tiegħu jeħduhielu, biex ineħħuh u jeqirduh u jtemmuh. Is-saltna u s-setgħa u l-kobor tas-saltniet ta’ taħt is-smewwiet kollha jingħataw lill-poplu tal-qaddisin ta’ Alla l-Għoli. Saltnatu saltna għal dejjem, u kull setgħa taqdih u tisma’ minnu”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Dan 3, 82.83.84.85.86.87
R/. (59b): Faħħruh u għolluh fuq kollox għal dejjem
Bierku, ulied il-bnedmin, il-Mulej.
Bierek, Iżrael, il-Mulej. R/.
Bierku, qassisin tal-Mulej, il-Mulej.
Bierku, qaddejja tal-Mulej, il-Mulej. R/.
Bierku, spirti u rwieħ tal-ġusti, il-Mulej.
Bierku, qaddisin u intom ta’ qalbkom umli, il-Mulej. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
Lq 21, 36
Hallelujah. R/. Hallelujah
Ishru, u itolbu l-ħin kollu,
biex tkunu tifilħu tieqfu quddiem Bin il-bniedem.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Ishru, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kulma għandu jiġri.
Lq 21, 34-36
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Oqogħdu attenti, u qisu li l-ikel u x-xorb żejjed u s-sokor ma jmewtulkomx qalbkom, u tħallux li l-ħafna tħassib għall-ħtiġiet tal-ħajja jeħdilkom raskom, li ma ssibuhx dak il-Jum fuqkom għal għarrieda. Għax hu Jum li għad jaqa’ bħal nassa fuq kull min jgħammar fuq wiċċ l-art kollha.
Ishru, mela, u itolbu l-ħin kollu, biex tkunu tifilħu tgħaddu minn kulma għandu jiġri u tieqfu quddiem Bin il-bniedem”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu