Int il-mara qalbiena!

Għażiża zija Marì, oħt l-għażiż missieri Ġanni, meta smajt l-aħbar tar-raqda tiegħek fil-Mulej, li seħħet nhar il-Ġimgħa l-20 ta’ Novembru 2020, qalbi nqasmet. Avolja l-Mulej għoġbu jisilfek l-għomor sabiħ ta’ 83 sena qalbi xorta waħda tinsab imxaqqa’ bin-niket.

Madankollu, wara li nħalli dan in-niket joqgħod, mill-ewwel nibda’ nara jfeġġ għalija, minn fuq ix-xefaq ta’ ħajti, kolpi ta’ tama u kuraġġ! L-għaliex, din ħajtek għalina, kienet mimlija barkiet u tamiet li mhux biss rabbew is-saqajn imma issa telqu ukoll jimxu u jiġru lejn l-eternità! Għażiża zija, minn mindu kont ċkejken, kull darba li l-għażiża ommi Marì, li għandha l-istess ismek, kienet tgħidli li se mmorru għand Marì! qalbi tabilħaqq kienet timtela’ b’ferħ li ma nistax infissru.

U, illum, f’jum iċ-ċelebrazzjoni ta’ ħajtek, nista’ ngħid quddiem kulħadd, għażiża zija, l-għaliex din il-frażi mbierka lili kienet timlini b’ferħ liema bħalu. Għax fik, għażiża zija, kont nara l-mara qalbiena li taffaċċja kull diffikultà bl-akbar qlubija. Bħall-maħbuba Santa Vendra tagħna li int tant ħabbejt! Kulħadd jaf li saħħtek fiżika ma kinitx xi waħda mill-priem. Minn xiex għaddejt o zija biex tibqa’ tgħix magħna għal tul dawn is-snin kollha! Fejn ma mortx biex tikkura ruħek minn dak kollu li seta’ jhedded lis-saħħa tiegħek! U dan għamiltu għal ħaġa waħda: biex tibqa’ tieħu ħsieb il-familja numeruża tiegħek li, maz-ziju Feliċ, u, fuq kollox, bil-grazzja tal-Mulej, bnejtu flimkien.

U dan il-kuraġġ u l-qlubija tiegħek għadni narah s’issa. Anki ftit qabel għaddejt minn interventi serji kirurġiċi, int, o zija, xorta waħda bqajt hemm għal kulħadd. L-għaliex dejjem kont temmen fir-responsabbiltà kbira li kont tħoss biex tgħaqqad lill-familja tiegħek. Akkost li tirriskja ħajtek!

Iżda, o zija, ħallini nistaqsik: Minfejn ġibtha din is-saħħa kollha biex tħabbat wiċċek ma’ dawn il-kolpi kbar tal-baħar? Wieħed wara l-ieħor? Minn fejn ġibt din il-qlubija kollha biex tibqa’ ta’ għajnuna għall-għażiż żewġek u uliedek li tant kellhom bżonn l-id materna u sponsali tiegħek? Mit-talb O zija!

B’liema ħrara, kuljum preċett, kont titlob dak ir-Rużarju mqaddes u dik il-Kurunella tal-Ħniena Divina! B’liema fidi u fervur kont tersaq lejn is-sagramenti mqaddsa tal-Ewkaristija u tal-qrar! L-għaliex, O zija, int kont għal kollox ċerta li bis-saħħa tal-Mulej BISS stajt tissokta tofroq dawk l-imwieġ li kellek iduru miegħek u mal-familja tiegħek sakemm tasal ħielsa lejn Ġerusalemm tas-Sema u miegħek tressaq ukoll lill-familja għażiża tiegħek! U fl-għerf li l-Mulej tak o zija, kif stajt twarrab l-għerf Karmelitan li, f’Santa Tereża ż-żgħira, jgħidlek bħalma jgħid lilna ilkoll: F’din id-dinja, fejn kollox jinbidel, ħaġa waħda biss ma tinbidilx, l-imġieba tas-Sultan tas-Sema lejn ħbiebu? Kienx dan il-ħsieb li żammek għaddejja minn dak kollu li kellek issaffaq wiċċek miegħu?

Kienet l-imġieba kollha ħlewwa, fidila, twajba u għarfa tal-Mulej tagħna Ġesù Kristu li lilek saħħitek fl-iskola tat-talb, għallmitek tirriskja u, fuq kollox, sammret fik l-attitudni tassew sabiħa li titlob. Kienet din l-imġieba miegħek ta’ dan it-twajjeb Sultan li, filwaqt li urietek il-limiti tiegħek bħala bniedma, aktar fetħitek biex tgħix dik il-biċċa għerf li jgħallimna l-istess Santu Wistin meta jgħidilna: Itlob daqslikieku kollox jiddependi mill-Mulej. Aħdem bħallikieku kollox kien jiddependi minnek.

Zija, din ħajtek sabiħa fostna tfakkarni li fil-ħajja mhux kollox imut! Non omnis moriar! Anzi! L-eżempju sabiħ tiegħek ta’ qlubija u perseveranza fit-tiġrib jgħallimni li l-ħajja hi grazzja, minn filgħodu sa’ filgħaxija! Hi rigal! Fiċ-ċkunija u fl-irquqija kollha tagħha! Bħalma kien kiteb il-filosfu kbir Ruman Marku Awrelju meta qal: Meta tqum filgħodu dejjem ftakar li l-privileġġ prezzjuż hu li ngħixu: li tieħu n-nifs, li taħseb, li tifraħ u li tħobb. Huwa din l-imħabba għall-ħajja li int tmajtni u sqejtni għażiża zija bħalma naf li dan l-istess ikel u xorb int għaddejtu lil għażiż żewġek, uliedek u lil ulied uliedek. Din hija s-sbuħija u l-imħabba li għaddejtilna ilkoll permezz ta’ ħajtek!

Għalhekk nitfarraġ illum, bħalma miegħi jitfarrġu l-għeżież tiegħek, bil-kliem mill-isbaħ ta’ Santu Wistin: Dawk li aħna nħobbu u li tlifna ma jibqgħux aktar fejn kienu imma jkunu fejn aħna nkunu.

Grazzi Zija Marì! U ħallini issa ngħannilek b’dawn il-kelmiet, int li kont temmen li l-fjuri jikbru kullimkien. Strieħ Zija mħaddna minn ta’ Kristu l-Ħniena li tixraq lilek, int il-mara qalbiena!

Patri Mario Attard OFM Cap