Id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa, 4 ta’ Diċembru 2020: Quddiesa u Rużarju mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi. Kappella tal-Madonna ta’ Manresa fil-Kurja tal-Arċisqof, il-Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi

“Il-Mulej id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi”. Huwa dan li għadna kif stqarrejna fis-Salm, u din kienet l-esperjenza qawwija li għamlu dawn iż-żewġ għomja – persuni neqsin mid-dawl – meta ltaqgħu ma’ Ġesù. Meta rawh, bdew jitolbuh, jgħajtu: “Bin David, ħenn għalina!”, u baqgħu jsegwuh sa ġod-dar, b’talba ħerqana, ħierġa mill-qalb, talba persistenti.

U Ġesù jidħol id-dar, għaliex hu ovvju li ried jiltaqa’ magħhom personalment, mhux qalb l-agħa tan-nies, u hemmhekk jgħidilhom: “Temmnu intom li jien nista’ nagħmlu dan?” Hemmhekk jgħinhom joħorġu din l-istqarrija tal-fidi fih, u Ġesù jagħtihom id-dawl, ifejjaqhom. Fih setgħu jaraw tassew id-dawl u s-salvazzjoni. Dawn iż-żewġ għomja għamlu l-esperjenza ta’ dak li Ġesù kellu jgħid aktar ’il quddiem, meta jqum mill-mewt, meta lil Tumas jgħidlu: “Henjin dawk li ma rawx u emmnu” (Ġw 20:29). F’aktar minn sens wieħed, dawn ma rawx u emmnu.

Ġesù ried juri, kif dejjem wera, li l-interess tiegħu hu li jgħin, li hu mimli kompassjoni lejhom, ma jagħmel xejn għall-gwadann tiegħu. Li għamel ma għamlux biex jiġbed is-simpatija tan-nies lejh imma proprju għall-ġid tagħhom.

Dan jgħinna biex nifhmu x’għamel Ġesù meta qalilhom biex ma jgħidu lil ħadd, biex ħadd ma jsir jaf b’dak li għamel. Għall-bidu narawha stramba: jekk Ġesù ried li tixtered l-Aħbar it-tajba, kif lil dawn jgħidilhom biex ħadd ma jsir jaf bi ġrajja bħal din? Ġesù kien jaf li n-nies, kif jisimgħu – kif semgħu fil-fatt għax dawn it-tnejn marru jgħidu lil kulħadd – ħafna drabi jifirdu l-miraklu mill-fidi. Waqt li għal dawn iż-żewġ għomja l-miraklu kien frott il-fidi tagħhom, ħafna min-nies jaqilbuha din: u flok il-miraklu frott il-fidi, jgħidu: naraw l-ewwel il-mirakli, imbagħad nemmnu. Ġesù ma riedx li n-nies jiġru warajh għax qed jagħmel xi għeġubijiet, imma għax tassew jemmnu, imbagħad dak li jiġri jkun frott tal-fidi tagħhom.

Għal dan jistedinna llum Ġesù: biex għalina wkoll ikun id-dawl u s-salvazzjoni tagħna. Meta jkun hekk, nistgħu ngħidu tassew kif għedna fis-salm: “Minn min għandi nibża’?…quddiem min għandi nitwerwer?” Hu d-dawl u s-salvazzjoni tiegħi. Ġesù jistedinna biex inkunu fil-kwiet miegħu – dak il-mument fil-kwiet, bħalma kellhom dawn il-persuni hawnhekk – għaliex fil-kwiet jista’ jgħinna biex nissaħħu fil-fidi tagħna u magħna jagħmel ukoll għeġubijiet kbar. Hawnhekk ifakkarna li, bħalma naqraw fl-Ittra lil-Lhud, “Il-fidi hija l-pedament tal-ħwejjeġ li għandna nittamaw, hija l-prova tal-ħwejjeġ li ma narawx” (Lhud 11:1). Dak hu li wrewna dawn iż-żewġ għomja.

Nitolbuh lill-Mulej, bl-istess talba tagħhom, sempliċi u sabiħa: Mulej, ħenn għalija, u kun int id-dawl u s-salvazzjoni tiegħi.

Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Leave a Reply