PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIL-BRAŻIL
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Belém, 8 ta’ Lulju 1980
Eminenza Arċisqof Monsinjur Alberto Gaudenzio Ramos,
Eminenza Isqof Awżiljarju, Monsinjur Taddeo Prost,
ħuti fl-Episkopat u fis-saċerdozju ministerjali,
maħbubin ħuti, reliġjużi irġiel u nisa, u lajċi.
1. Dan il-waqt ta’ ferħ u komunjoni jsibna miġburin ġo Belem (li tfisser Betlem; n.d.t.], “dar il-ħobż”, biex nirċievu l-ħobż tal-kelma ta’ Alla u, minn hawn u ftit ieħor, il-ħobż ewkaristiku, ġisem il-Mulej. Il-laqgħa tagħna qed isseħh fil-Bażilika tal-Madonna ta’ Nażżaret. Betlem u Nażzaret ikellmuna qabel kollox dwar Ġesù, is-Salvatur, fil-ħajja tiegħu moħbija, tfajjel u wara żagħżugħ, fit-twettiq tal-missjoni tiegħu: “Hawn jien, niġi… biex nagħmel, o Alla, ir-rieda tiegħek”( Lh 10,7).
Betlem u Nażżaret ikellmuna wkoll dwar Omm Ġesù, dejjem qrib l-Iben ta’ Alla, Binha skont il-ġisem, fidil lejha wkoll fit-twettiq ta’ missjoni ta’ importanza ewlenija fil-pjan tal-fidwa divina: “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont dak li għidtli” (Lq 1,38).
Il-Madonna avanzat fil-mixja tal-fidi, dejjem f’komunjoni ma’ Binha. Segwietu pass pass, waqt li ngħaqdet miegħu, waqt li ferħet u sofriet miegħu, waqt li dejjem ħabbet lil dawk li hu ħabb. U fil-jiem li ġew qabel il-Pentekoste, il-grupp tad-dixxipli, Knisja naxxenti, mimlija ferħ u fidi għat-trijonf ta’ Kristu rxoxt u fi stennija mħeġġa tal-Ispirtu Santu mwiegħed, iridu jħossuhom magħqudin ħafna. Insibuhom jitolbu, “ma’ Marija, Omm Ġesù” (At 1,14). Kien it-talb ta’ familja: ta’ dawk li l-Mulej kien sejjaħ għall-intimità tiegħu, mal-Omm li, “bi mħabbitha ikkoperat sabiex jitwieldu fil-Knisja l-fidili, membri ta’ dik ir-ras li tagħha hija hi b’mod effettiv Omm skont il-ġisem”, kif kien jgħid Santu Wistin (S. Wistin, De Virginitate, 6: PL 40,399).
2. Kien taħt il-ħarsien tal-Madonna tal-Grazzja li, b’opra ta’ reliġjużi qalbiena, twaqqfet hawn komunità nisranija, li mbagħad saret dijoċesi, li minnha nfirex mhux bla diffikultà il-Vanġelu ta’ Kristu f’din il-Parti tat-Tramuntana tal-Brażil. U hi,Omm il-grazzja divina, kienet akkumpanjat lill-missjunarji f’dan l-impenn u l-isforz u kienet mal-Knisja Omm – li tagħha hija l-prototip, il-mudell u l-espressjoni suprema – fil-bidu tax-xħit ta’ għeruqha f’dawn l-artijiet imbierka: imbierka minn Alla ħallieq bis-sbuħijiet u r-rikkezzi naturali li jimmeraviljawna; u mberkin imbagħad minn Kristu redentur, bil-ġid tal-fidwa minnu mwettqa u li aħna hawn issa niċċelebraw.
F’din l-Ewkaristija, f’din l-azzjoni ta’ grazzji per eċċellenza, bħal ma hi dejjem il-quddiesa, ma’ Marija Santissma nagħtu qima rikonoxxenti lill-Missier, permezz ta’ Kristu, fl-Ispirtu Santu: rikonoxxenti għall-evanġelizzazzjoni u l-benefiċċji divini li hija ġabet; rikonoxxenti għall-karità tal-missjunarji u t-tama li animathom u li qawwiethom fit-tixrid tal-fidi, permezz tal-predikazzjoni u tal-magħmudija, u dawk li, bil-ħajja ġdida fi Kristu, kabbru hawn il-familja ta’ wlied Alla.
3. Belém u is-santwarju tiegħu tal-Madonna ta’ Nażzaret huma monumenti tal-imgħoddi, bħala sinjal tal-evanġelizzazzjoni u eżempju tanġibbli ta’ ħniena awtentika lejn il-“Kewkba tal-evanġelizzazzjoni”. Imma huma wkoll tal-preżent: il-preżent ta’ Knisja ħajja, u il-preżent tad-devozzjoni marjana, f’din l-art għażiża Brażiljana.
“Il-ġenerazzjonijiet kollha jsejħuli hienja” (Lq 1,48),qalet Marija fl-innu tagħha profetiku: “imbierka inti fost in-nisa, u mbierek il-frott tal-ġuf tiegħek, Ġesù” jidwu tul iż-żminijiet il-popli tal-latitudnijiet, razez u lingwi kollha. Xi wħud iktar imdawla, oħrajn inqas, il-fidili nsara ma jaqtgħux milli jirrikorru għand il-Madonna, għand l-Imqaddsa Omm Alla: fil-waqtiet tal-ferħ waqt li jsejħulha “bidu tal-ferħ tagħna”; fil-waqtiet tan-niket, waqt li jsejħulha “faraġ tal-imnikktin”; f’waqtiet ta’ telfien, waqt li jsejħulha “kenn tal-midimbin”.
Dawn l-espressjonijiet ta’ riċerka ta’ Alla, marbutin mal-mod tal-għixien u mal-kultura ta’ kull poplu u, spiss, ma’ burdati emozzjonali, mhux dejjem jippreżentaw ruħhom appoġġjati b’mod solidu fuq adeżjoni ta’ fidi. Jistà saħansitra jiġri li ma jkunux separati b’mod korrett minn elementi barranin għar-reliġjon. Però huma realtà denja ta’ konsiderazzjoni u, spiss, verament għanja b’valuri awtentiċi.
Ir-reliġjożità popolari, marbuta normalment mad-devozzjoni lejn il-Madonna, għandha bla dubju bżonn li tkun imdawla, iggwidata u ppurifikata. Imma billi hi – kif ried isejħilha l-predeċessur tiegħi Pawlu VI “devozzjoni tal-foqra u tas-sempliċi”, tirrendi ġeneralment ċertu “għatx ta’ Alla” (cf. Pawlu VI, Evangelii Nuntiandi, 48). U mbagħad, din mhix neċessarjament sentiment vag, jew forma nferjuri ta’ manifestazzjoni reliġjuża. Anzi, spiss tiġbor fiha, sens profond ta’ Alla u tal-attributi tiegħu, bħall-paternità, il-providenza, il-preżenza amoruża, il-ħniena, eċċ…
4. Fiċ-ċentri tal-kult marjan u fis-santwarji spiss ħafna, maġemb ir-reliġjon tal-poplu wieħed komunament jinnota wkoll il-preżenza, min għal ħaġa u min aħal oħra, ta’ persuni li jew ma jappartinux għall-komunità ekkleżjali, jew inkella li mhux dejjem baqgħu fidili għall-impenji u għall-prattika tal-ħajja nisranija, jew ukoll li huma ggwidati minn viżjoni mhix sħiħa tal-fidi li jipprofessaw.
Issa dan kollu jesiġi pastorali attenta u adegwata, u fuq kollox pura u disinteressata ħafna, li tmur minn liturġija ħajja u fidila, għal predikazzjoni assidwa u sikura, għall-katekeżi kemm sistematika kif ukoll okkażjonali, b’mod partikolari fl-amministrazzjoni tas-sagramenti. Fost dawn, fil-postijiet ta’ attendenza kbira ta’ fidili, jokkupa dejjem post essenzjali is-sagrament tal-penitenza, speċjalment jekk iffavorit mid-disponibiltà karitatevoli tal-ministri tal-konfessjonarju.
Għalhekk m’għandha tintilef ebda okkażjoni biex dak li jkun idawwal, jippurifika, u jsaħħaħ il-fidi tal-poplu fidil, ukoll meta jkollha stampa tipikament popolari. Il- fatt li fiha tokkupa post prominenti l-Madonna, kif wara kollox jiġri fit-totalità tal-fidi nisranija, ma jeskludix u linqas iddellel il-medjazzjoni universali u nsostitwibbli ta’ Kristu, li jibqà dejjem it-triq per eċcellenza biex naslu għal-laqgħa ma’ Alla, kif jgħallem il-Konċilju Vatikan II (Lumen Gentium, 60).
5. Miġburin hawn fil-familja, bħala aħwa li l-ħajja fiżikament iżżomm bogħod minn xulxim, f’dan il-jum ta’ festa, maġemb Omm tipikament popolari, induru issa lkoll lejha, lejn il-Madonna. Mhuwiex forsi minnu li fil-laqgħat familjari okkażjonali madwar ommna, l-aħwa kollha jħossuhom iktar disposti għat-tjubija, għar-rikonċiljazzjoni, għall-għaqda u sabiex isibu ruħhom fl-imħabba fraterna? U mbagħad f’okkażjonijiet simili il-ħniena u l-imħabba filjali jesiġu li jħallu l-aħħar kelma lill-omm. U l-waqt tal-konferiment tal-imħabba u tal-intenzjonijiet tajba li jittrankwillaw il-qalb materna.
Aħna wasalna f’dan il-waqt. Bħala Omm mimlija tjubija, il-Verġni Santissma ma tiqafx tistieden lil uliedha, membri tal-ġisem mistiku, biex jikkultivaw bejniethom it-tjubija, ir-rikonċiljazzjoni u l-għaqda. Imma jkun permess f’dan il-waqt, bħala l-kbir fost l-aħwa, li niġbor u ninterpreta dak li bla ebda dubju ta’ xejn jinsab fil-qalb ta’ kulħadd u niddepożitah fil-qalb immakulata tal-omm ta’ Ġesù u ommna. Nistieden lil kulħadd biex isegwi, f’’orazzjoni siekta, it-talba li se nagħmel f’isem kulħadd: – Marija, inti għidt, taħt l-ispirazzjoni tal-Ispirtu Santu, li l-ġenerazzjonijiet kellhom isejħulek ħienja. Aħna se nerġgħu naqbdu l-kantiku tal-ġenerazzjonijiet l-imgħoddija, sabiex dan ma jiġix interrott, u neżaltaw fik dak li l-iktar imdawwal li l-umanità offriet lil Alla: il-krejatura umana fil-perfezzjoni tagħha , mill-ġdid maħluqa fil-ġustizzja u l-qdusija, fi sbuħija impareġġabbli li aħna nsejħu “l-Immakulata” jew “il-Mimlija bil-Grazzja”.
– Omm, inti l-“Eva l-ġdida”. Il-Knisja ta’ ibnek, konxja tal-fatt li biss bi “bnedmin ġodda” wieħed jistà jevanġelizza, jiġifieri jwassal il-bxara t-tajba lid-dinja biex jagħmel “umanità ġdida”, bl-interċessjoni tiegħek ma tonqos qatt fiha in-novità tal-Vanġelu, żerriegħa ta’ qdusija u ta’ fertilità.
– Marija, aħna naduraw lill-Missier għall-prerogattivi li jibbrillaw fik, imma nadurawh ukoll għaliex int dejjem għalina “l-qaddejja tal-Mulej”, krejatura żgħira. Għaliex kont kapaċi tgħid “fiat” – ħa jsir” – inti sirt l-għarusa tal-Ispirtu Santu u omm l-Iben ta’ Alla.
– Omm, li tidher fil-paġni tal-Vanġelu waqt li turi lil Kristu lir-rgħajja u lill-Maġi, agħmel li kull evanġelizzatur – Isqof, saċerdot, reliġjuż, reliġjuża, papà jew mamà, żagħżugħ jew tfajjel – ikun ippossedut minn Kristu biex ikun kapaċi jirrivelah lill-oħrajn.
– Marija, moħbija fil-folla waqt li Ibnek iwettaq is-sinjali mirakolużi tat-twaqqif tas-saltna ta’ Alla, li titkellem biss biex tgħid li jagħmlu dak li jgħidilhom (cf. Ġw 2,5), għin lill-evanġelizzaturi biex jippridkaw mhux lilhom infushom, imma lil Ġesù Kristu.
– Omm, imdawra fil-misteru ta’ Ibnek, spiss bla ma tistà rifhem, imma kapaċi tilqà kollox u timmedita f’qalbek (Lq 2,19 e 51), agħmel li aħna evanġelizzaturi nifhmu dejjem li ‘l hemm mit-tekniki u mill-istrateġiji, mill-preparazzjoni u mill-pjani, evanġeliżżazzjoni hija li dak li jkun jogħdos fil-misteru ta’ Kristu u jipprova jikkomunika xi ħaġa minnu lil ħutu.
– Madonna tal-umiltà fil-verità, li għallimtna fil-kantiku profetiku li “Alla dejjem għolla lill-umli” (cf. Lq 1,52), għin dejjem lis-“sempliċi u lill-foqra” li jfittxuk bir-reliġjożità popolari tagħhom, għin lir-rgħajja u mexxihom lejn id-dawl tal-verità u biex ikunu qawwija u inklussivi fl-istess ħin, meta għandhom jeradikaw ċerti elementi mhux iktar ġenwini u jippurifikaw ċerti espressjonijiet ta’ devozzjoni popolari.
– Omm, nitolbu għall-interċessjoni tiegħek, bħad-dixxipli fiċ-ċenaklu, assistenza kontinwa tal-Ispirtu Santu u ħlewwa biex nilqgħuh fil-Knisja; dan nitolbuh għal dawk li jfittxu l-verità ta’ Alla u għal dawk li għandhom iservuha u jgħixuha. Jalla Kristu jkun dejjem “id-dawl tad-dinja” (cf. Ġw 8,12) u li d-dinja tagħrafna bħala dixxipli tiegħu sabiex nibqgħu f’kelmtu u nagħrfu l-verità li tagħmilna liberi tal-libertà ta’ wlied Alla (cf. Ġw 8,32). Hekk ikun.