Fid-dgħufija l-qawwa

L-ewwel Milied ġara f’dinja bħal tagħna, fejn il-bniedem ixxennaq għall-paċi filwaqt li l-gwerra ma waqfet qatt. Kull meta tintemm gwerra, il-pajjiżi jieħdu r-ruħ. Imbagħad tibda gwerra oħra. Ibda mill-ewwel bnedmin, l-istorja hi mmarkata b’maratona ta’ ġlied, bejn bniedem ieħor, bejn belt u oħra, bejn pajjiż u u ieħor, bejn reliġjon u oħra, bejn kważi nofs id-dinja man-nofs l-ieħor.

Fi żmien Ġesu’ kien hemm wieħed tant qawwi li b’kelma tiegħu isir massakru, minn tfal. Hi ħasra li Erodi għadu magħna. Narawh kuljum u ħafna jinċensawh. Iriduh magħhom. Iridu jikkmandaw miegħu. Iridu jġagħlu jbatu lill-oħrajn. Mingħalihom li se jaqblilhom.

Immexxija min-nies ta’ poter, id-dinja qatt ma straħet mill-gwerra, għax il-bniedem afda fis-saħħa tiegħu. Meta l-forza tirbaħ fuq l-imħabba, ibati kulħadd. Il-mibegħda, frott tad-dnub, ġabet mewt u qerda. Sal-lum, fejn nies qed ibatu u jmutu; fejn il-ġlied u l-gwerer iħallu tkissir, ġugħ, faqar u mrar.

Il-bniedem ried imexxi bis-saħħa, bi tbatija għal miljuni ta’ nies fl-istorja. Hi l-kultura tal-liġi tal-foresta, fejn it-tigra taħtaf il-ħaruf, fejn l-għasfuir jinħataf mis-seqer. Min għandu s-saħħa, jaħqar lill-oħrajn. Imma l-verita’ hi li l-qawwija spiċċaw ħażin. Ibda minn Erodi.Il-poter ġagħlhom jiżirgħu l-mibegħda li mbagħad daret kontrihom

Elfejn sena ilu,  imperu qawwi b’ordni minn Ruma ġiegħel lil tnejn min-nies, Ġużeppi u Marija, jieħdu l-vjaġġ twil lejn Betlem. U f’waqt tal-istorja, dehret fid-dinja tarbija miċħuda mill-bnedmin, imma maħbuba minn min fehem min hi; tiġi f’kull Milied bħala tifel ċkejken, dgħajjef, b’għajnejh jitolbu l-ħniena. Kien twelid li sar fis-skiet; minkejja t-tbatija, kien hemm il-paċi. L-għajta kienet, bil-kant tal-anġli: “Paċi fl-art!”. Lejla ta’ serenita’.

L-għajta tal-paċi damet tidwi u sabet lil min għażel li jbati għas-sewwa, ma marx għall-vjolenza, għażel l-imħabba, il-maħfra u l-ftehim; m’għażilx il-mibegħda.

U aħna? Nibdew mid-dar tagħna, mill-familja tagħna u nagħmluha Nażaret oħra, fejn isaltnu l-imħabba, il-paċi, il-ferħ u l-għaqda; għax l-imħabba tibda’ fil-familja. Inkunu aħna t-tama tal-ferħ tal-familja. Infittxu jekk hemmx xi ħadd li jeħtieġ l-imħabba.

Dietrich Bonhoeffer, li miet għas-sewwa fil-kamp tal-konċentrament jgħid li: “Ġesu’ ħalla lilu nnifsu jitwarrab, anżi mwaħħal mas-salib. Hu bla saħħa u dgħajjef fid-dinja, u madankollu jinsab magħna u jgħinna.”

Novena tal-Milied: L-Iben t’Alla sar Bniedem. Glorja lill-Missier u lill-Iben u lill-Ispirtu s-Santu. (10 darbiet). Sliem għalik Marija…

Minn Joe Galea

Published by

Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.