Papa Franġisku 2020: Il-qawwa tat-talb fiż-żmien il-pandemija

Print Friendly, PDF & Email

L-emerġenza globali tas-saħħa pubblika kkawżata minn Covid-19 fl-2020, waqfet lill-Papa Franġisku milli jwettaq vjaġġi appostoliċi nternazzjonali, nkluż dak ġewwa pajjiżna. Iżda matul din is-sena diffiċli, l-Qdusija Tiegħu dejjem kien qrib il-fidili, appoġġjahom f’mumenti ta’ biża’, u kien preżenti għalihom fi żminijiet ta’ diżorjentament u dwejjaq, dan kollu għamlu bil-qawwa tat-talb.  

Il-Ħadd, 8 ta’ Marzu 2020, jista’ jitqies bħala linja simbolika li tifred il-‘qabel’ u ‘wara’ ta’ sena unika f’ħafna aspetti. Hija d-data meta, għall-ewwel darba, l-Angelus tal-Papa Franġisku ġie trasmess live mill-Librerija tal-Palazz tal-Vatikan. Fid-diskors tiegħu dak in-nhar, il-Papa wera l-qrubija tiegħu mal-Poplu t’Alla. Wara t-talba tal-Angelus, huwa ħares mit-tieqa biex ibierek Pjazza San Pietru. Ħadd minna ma kien jimmaġina x-xhur li kienu ġejjin, dik il-Pjazza kienet ser tibqa’ vojta u siekta bħal qatt qabel. Kienet mimlija biss bit-talb u t-tamiet tal-Papa Franġisku għad-dinja.

L-istess Pjazza tipprovdi wkoll ambjent qawwi għall-“Mument Straordinarju ta’ Talb” fi żminijiet ta’ Pandemija, meta filgħaxija tas-27 ta’ Marzu, waħdu fix-xita, l-Papa Franġisku, stieden lill-umanità kollha biex ma jibżgħux u jafdaw lilhom infushom lill-Mulej. “Għandna tama: bis-salib tiegħu aħna ġejna mfejqa u mħaddna biex xejn u ħadd ma jkun jista’ jifridna mill-imħabba tiegħu li tifdi”.

It-temi tat-talb u tal-emerġenza tas-saħħa kienu ripetuti fil-katekeżi kollha tal-Papa matul l-Udjenzi Ġenerali tal-2020. Lil tal-ewwel, il-Papa ddedika ċiklu sħiħ bejn is-6 ta’ Mejju u s-7 ta’ Ottubru. Bejn id-9 ta’ Marzu u t-18 ta’ Mejju, meta l-knejjes fl-Italja ngħalqu għall-pubbliku biex tiġi mrażżna l-firxa t’infezzjonijiet, il-Papa awtorizza l-istreaming live tal-Quddiesa ta’ filgħodu preseduta minnu kuljum fis-7 ta’ filgħodu.

L-2020 hija wkoll is-sena tat-tielet Enċiklika tal-Papa Franġisku, meta fl-4 t’Ottubru, “Fratelli tutti” ġiet ppublikata. Fiha l-Papa jindika l-fraternità u l-ħbiberija soċjali bħala modi primarji biex tinbena dinja aħjar. Fit-12 ta’ Frar ħareġ l-Eżortazzjoni Appostolika “Querida Amaznia” li din ħarġet wara s-Sinodu Speċjali għar-reġjun Pan-amazon li kien sar f’Ottubru 2019. It-test jirrapreżenta x-xewqa tal-Papa Franġisku għal Knisja u jittraċċa toroq ġodda t’evanġelizzazzjoni u kura għall-ambjent.

Fost l-Ittri Appostoliċi tal-2020, tispikka “Patris corde”, li nħarġet fit-8 ta’ Diċembru. Din ġiet eżatt 150 sena wara li l-Beatu Piju IX iddikjara lil San Ġużepp Patrun tal-Knisja Kattolika. Dak in-nhar il-Papa ħabbar is-Sena Ġużeppina li tasal fit-tmiemha fit-8 ta’ Diċembru 2021. Matul l-Anġelus tas-27 ta’ Diċembru, l-Papa Franġisku ħabbar ukoll s-Sena “Familja Amoris Laetitia’ li ser tiġi nawgurata fid-19 ta’ Marzu 2021, u tintemm fis-26 ta’ Ġunju 2022, bl-10 Laqgħa Dinjija tal-Familji.

Matul is-sena li waslet fit-tmiem ta’ min jiftakar f’numru ta’ ċelebrazzjonijiet speċjali preseduti mill-Papa Franġisku: fis-26 ta’ Jannar, fil-Bażilika tal-Vatikan, saret għall-ewwel darba il-Quddiesa “l-Ħadd tal-Kelma t’Alla”. Filgħaxija tal-10 ta’ April, Pjazza San Pietru pprovda l-ambjent għat-Triq tas-Salib, miktub minn priġunieri ta’ ħabs fit-tramuntana tal-Italja. Fi tmiem ir-rit, il-Papa ma għamel l-ebda diskors, iżda s-skiet tat-talb tiegħu kien iktar qawwi minn kwalunkwe kliem. L-istess silenzju, akkumpanjah, xhur wara, fi Piazza di Spagna f’Ruma, fejn fl-ewwel dawl ta’ filgħodu tat-8 ta’ Diċembru, huwa nġabar fit-talb f’riġlejn l-istatwa tal-Verġni Marija, fis-Solennità tal-Immakulata Kunċizzjoni. Fit-12 ta’ April, Ħadd il-Għid, il-Papa Franġisku ppresieda Quddiesa fil-Bażilika ta’ San Pietru u ppronunċja l-“Urbi et Orbi”.

Lejn it-tmiem l-2020, fit-28 ta’ Novembru, l-Papa Franġisku ħattar 13-il kardinal ġdid, fosthom il-Malti Mons. Mario Grech.  F’dan il-konċistorju, li hu seba’ wieħed tal-Papa Franġisku, ħatar diversi Kardinali mill-periferija tad-dinja, fosthom mill-Brunej u r-Rwanda, li għall-ewwel darba jsiru parti mill-‘ġeografija’ tal-Kulleġġ tal-Kardinali. Matul din is-sena saru wkoll diversi riformi kemm fil-ġudikatura, fil-qasam ekonomiku, kif ukoll fis-Segretarjat tal-Istat tal-Vatikan.

Għal aktar tagħrif idħol fuq s-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2020-12/pope-francis-2020-year-in-review-highlights.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: