L-Għaxar Laqgħa Dinjija tal-Familji

Print Friendly, PDF & Email

“L-imħabba fil-familja: vokazzjoni u triq tal-qdusija”

Din hija t-tema magħżula mill-Papa Franġisku għal-laqgħa dinjija tal-Familji li se ssir f’Ruma f’Ġunju 2022.

“L-imħabba fil-familja: vokazzjoni u triq tal-qdusija”.

Id-dikasteru għal-Lajċi, Familja u Ħajja ħabbar din il-laqgħa b’dan il-kliem:

«Fl-okkażjoni tal-ħames anniversarju mill-Eżortazzjoni Appostolika Amoris Laetitia u tat-tielet sena mill-pubblikazzjoni ta’ Gaudete et exsultate, din il-laqgħa għandha l-ħsieb li titfa’ dawl fuq l-imħabba fil-familja bħala vokazzjoni u triq tal-qdusija, u sabiex nifhmu u naqsmu bejnietna s-sens profond u salvifiku tar-relazzjonijiet fil-familja fil-ħajja ta’ kuljum».

Din il-laqgħa se tkun organizzata mid-djoċesi ta’ Ruma u mid-Dikasteru għal-Lajċi, Familja u Ħajja. Fil-bidunett il-ħsieb kien li din il-laqgħa kellha tkun organizzata fil-ħames anniversarju ta’ Amoris Laetitia u fit-tielet sena mill-pubblikazzjoni ta’ Gaudete et Exsultate, jiġifieri fis-sena 2021, iżda minħabba l-pendemija, il-laqgħa ġiet trasferita għas-sena 2022.

F’komunikat tad-Dikasteru għal-Lajċi, Familja u Ħajja, ġie spjegat li, biex tintwera l-esperjenza konkreta tal-imħabba, «iż-żwieġ u l-familja juru kemm ir-relazzjonijiet ta’ bejnietna għandhom valur kbir, meta naqsmu bejnietna l-ferħ u t-tbatijiet tagħna fil-ħajja ta’ kuljum, u dan iwassalna biex niltaqgħu ma’ Alla. Din il-mixja, meta ngħixuha b’fedeltà u bil-perseveranza, issaħħaħ l-imħabba tagħna kif ukoll tpoġġi fil-prattika l-vokazzjoni tagħna għall-qdusija, il-qdusija ta’ kull persuna li tinbena fir-relazzjonijiet bejn il-koppji u fil-familja. F’dan is-sens, il-ħajja nisranija fil-familja hija vokazzjoni u triq tal-qdusija, u hi espressjoni tal-“iktar wiċċ sabiħ li għandha l-Knisja” (Gaudete et Exsultate 9)».

Għal iktar tagħrif żur is-sit: www.diocesidiroma.it/roma2022

Ara aktar tagħrif dwar is-Sena Familja Amoris Laetitiahttps://www.laikos.org/familja/index.htm

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Fr Roy Galdes

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: