“Caritas” fl-Enċiklika Fratelli tutti

Print Friendly, PDF & Email

Mons. Segundo Tejado Muñoz, Sottosegretarju tad-Dikasteru għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Uman Integrali

“CARITAS” fl-Enċiklika FRATELLI TUTTI

Meta fl-Enċiklika Fratelli tutti l-Papa Franġisku jittratta l-kunċett “tal-karità”. hu jibda mill-aktar aspett intimu u profond tal-imħabba fil-qalba tal-Knisja nfisha.  L-ewwel komunitajiet insara kienu jafuha sew it-tifsira tal-kelma karità.  Quddiem il-periklu li l-Knsja ċċedi għat-tentazzjoni li tingħalaq fiha nfisha u tiżola ruħha, San Pawl iħeġġiġha biex “titkattar u tfur bl-imħabba għal xulxin u lejn kulħadd” (1 Tess 3.12).  L-istess jagħmel San Ġwann (Fratelli tutti, 62).  Dan hu eku ta’ dak li jtenni bla hedu Franġisku fl-Evangelii Gaudium 23, “L-intimità tal-Knisja ma’ Ġesù hi intimità itineranti, u l-komunjoni “min-natura tagħha stess hi essenzjalment xirka missjunarja”.  U wkoll: “Il-komunità li tevanġelizza tagħraf li l-Mulej hu dak li ħa l-inizjattiva, Hu mexa qabilha fl-imħabba (ara 1 Ġw 4:10), u għalhekk hi taf tmidd l-ewwel pass, taf tieħu l-inizjattiva bla ma tibża’, toħroġ tiltaqa’ mal-oħrajn, tfittex lil min hu mbiegħed u tasal sa salib it-toroq biex tistieden lill-imwarrbin (EG, 24).  Għal Franġsiku l-karità hi ferm aktar minn sempliċi sentiment li jqanqal lil dak li jkun biex jagħti ftit flus.  Hija  forza li tifrex ma’ kullimkien l-istess imħabba t’Alla.
Il-karità sseddaq il-virtuwjiet u d-drawwiet tan-nies biex jibnu ħajjithom flimkien (FT, 91).  Għalhekk is-sostenibbiltà tiddependi mill-karità. U Franġisku jeżortana biex niftakru kemm hi importanti d-dimensjoni soċjali tal-evanġelizzazzoni: “Il-fidwa tiegħu għandha tifsira soċjali għax “fi Kristu, Alla mhux biss jifdi lil kull persuna, imma anki r-relazzjonijiet soċjali bejn il-bnedmin” (EG, 178).  “Fil-qalba tal-Vanġelu nagħrfu r-rabta mill-qrib bejn evanġelizzazzjoni u promozzjoni umana” (EG, 178) u “r-rabta li ma tinħallx” bejn li naċċetta l-imħabba salvifika ta’ Alla u l-imħabba tagħna lejn kull min hu madwarna.

L-imħabba, li hi possibbli biss bil-grazzja t’Alla, tnebbaħ dak li nagħmlu ‘l barra minna, mal-ieħor u mal-oħrajn (FT, 93); u jikkowta lil San Tumas ta’ Akwinu biex jisħaq li dak li jissawwar mill-kelma ‘karità’ jitnissel mill-imħabba, li jfisser li lil xi ħadd tkun togħġbu persuna partikolari u b’hekk iħoss il-ferħ li parti minn dik l-imħabba u dak is-sodisfazzjon jintraddu lura.  Imma l-karità ma tibqax biss fuq  livell indvidwali.  Hu meħtieġ li tkun miftuha għad-dimensjoni soċjali u “timplika mixja effikaċi ta’ trasformazzjoni tal-istorja li tesiġi li tiġbor fiha kollox: l-istituzzjonijiet, id-dritt, it-teknika, l-esperjenza, il-kontributi professjonali, l-analiżi xjentifika, il-proċeduri amministrattivi, u aktar (FT, 164).  Il-veru karità tiġbor fiha dawn l-elementi kollha ta’ attenzjoni lejn l-oħrajn. 

Is-Sammaritan it-Tajjeb ukoll kellu bżonn tal-lukanda biex ikun jista’ jieħu ħsieb il-miġruħ.  Il-karità għandu jkollha għad-dispożizzjoni tagħha r-riżorsi kollha disponibbli, inklużi dawk li jiġu mis-soċjetà (FT, 165).  Hu ċar ħafna  li hemm bżonn tisseddaq “spiritwalità tal-fraternità” akbar, imma fl-istess ħin, hu ċar li “m’hemmx triq waħda biss biex jintlaħaq dan l-għan, metodoliġija waħdanija aċċettabbli, riċetta ekonomika li tista’ tkun applikata għal kulħadd l-istess” (FT, 165).  Dan ifakkarna fil-Laudato si’: “Imma llum ma nistgħux ma nagħrfux li attitudni tassew ekoloġika trid dejjem issir iżjed attitudni soċjali, li għandha ddaħħal id-diskors dwar il-ġustizzja fid-diskussjonijiet dwar l-ambjent, biex nistgħu nagħtu widen kemm għall-karba tal-art u kemm għall-karba tal-foqra” (LS, 49).

Ma’ dan tintrabat ukoll viżjoni aktar wiesa’ tal-ħajja politika.  Franġisku jikteb: “għandna bżonn politika li taħseb b’viżjoni wiesa’ u li jkollha approċċ aktar integrali li jinkludi l-aspetti differenti tal-kriżi u d-djalogu inter-dixxiplinari” (LS, 107 & FT, 177).

Hu u jirrifletti dwar l-importanza ta’ ħajja politika li tħares ‘il quddiem, Franġisku jagħmel sejħa għal imħabba mnebbħa minn Alla fi ħdan il-komunità nisranija, u li mbagħad tkun tista’ tibqa’ miexja ‘l quddiem lejn l-oħra li tinsab ‘il barra minnha.  Fil-Laudato si’ Franġisku jippreżenta erbgħa eżempji negattivi, li bihom il-viżjoni politika dejqa teqred ir-rabtiet tal-karità li Alla jixtieq li jitwaqqfu bejnietna.

L-ipotesi żbaljata li l-ġid tad-dinja hu infinit, u li jwassalna biex “nagħsruh” sal-limiti tiegħu u lil hinn minnhom ukoll, mingħajr konsegwenzi (LS, 106); il-kultura tal-iskart, li dak kollu li mhux meħtieġ għall-interessi personali huwa irrilevanti (LS 122); l-ekonomiji tal-iskala li jiddominaw is-suq u jġibu magħhom l-isfruttament tal-ħaddiema (LS, 129); u l-bioteknoloġiji l-ġodda li jimmanipulaw b’mod indiskriminat il-materjal ġenetiku (LS, 131-136).  Il-qawwa waħdanija li tista’ ddawwar lura din ir-rotta hija l-karità, u Alla hu l-uniku li għandu l-qawwa li jdawwarha lura.  Il-Knisja qiegħda hemm biex tkun xhud għad-dinja tal-preżenza t’Alla u tal-karità ta’ Alla.

Frnaġisku jgħid: “Bid-dinamiżmu universali tagħha l-Knisja tista’ tibni dinja ġdida għax mhijiex xi ħaġa sterili, imma hi l-aħjar triq biex jinkisbu mogħdijiet effettivi ta’ żvilupp għal kulħadd” (FT, 18).  Il-karità tmur ‘l hinn mis-sentimentaliżmu personali irrilevanti, jgħid il-Papa li jikkowota l-Caritas in veritate ta’ Benedittu XVI, li tgħid li r-relazzjoni intima bejn il-karità u l-verità tnissel universalità kapaċi tegħleb ir-relattiviżmu u tibni l-komunità (FT, 184; cf CV 2-4).  B’dal-mod aħna nibdew nifhmu r-realtà konkreta u d-dimensjoni universali tal-karità bħala l-mutur li jixpruna l-iżvilupp.

Franġisku jiffoka fuq id-dimensjonijiet tal-karità li spiss ftit nagħtu kashom.  Huwa att ta’ karità li tgħin lil xi persuna fqira jew fit-tbatija, imma huwa wkoll att ta’ karità li tagħti sehmek biex il-kundizzjonijiet soċjali li hemm wara din it-tbatija, jinbidlu (FT, 186).  Dan l-aħħar aspett tal-karità hu l-qalba tal-ispirtu tal-politika u jesprimi mħabba preferenzjali għall-fqir u l-batut.  “Hu biss b’viżjoni, li x-xefaq tagħha jkun ittrasformat mill-karità li twassalna nifhmu d-dinjità tal-ieħor, li nistgħu nagħrfu u napprezzaw lill-foqra fid-dinjità immensa tagħhom, ikunu rispettati bl-istil u l-kultura tagħhom, u b’hekk integrati kif jistħoqq fis-soċjetà.  Viżjoni bħal din hi l-qofol ta’ spirtu politiku awtentiku” (FT, 187).  

Bħala konklużjoni, l-istqarrija teoloġika ta’ Ġwanni, “Alla huwa mħabba” (1 Ġw 4:8), fiha implikazzjoni diretta u kumplimentari kemm għall-persuna mifdija minn Kristu kif ukoll għall-identità tal-Knisja bħala Ġisem ta’ Kristu.  Il-karità hi l-qofol tal-identità tal-Knisja u hija l-muftiħ tal-iżvilupp integrali uman.  L-iskop ewlieni tar-reliġjon infisha hu li xxerred fid-dinja “l-valuri tat-tjubija, tal-karità u tal-paċi” (FT, 285), u dan jinkiseb permezz tal-karità.

Miġjub mit-Ta;jan għall-Malti minn Joe Huber

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading