Daqqu t-tokki ta’ nofsillejl! U, illum, sbaħna, għall-grazzja tal-Mulej, għal jum ġdid! Għal sena ġdida! Is-sena 2021! Mela, is-Sena t-Tajba!
Sabiħ li nibdew dan il-jum, li qed jintroduċi din is-sena, bl-awgurju sabiħ u ta’ paċi: Is-Sena t-Tajba! Għandna fuq li għandna bżonn nisimgħuh dan l-awgurju! Daqshekk importanti! Daqshekk sabiħ! Daqshekk li jagħti l-ħajja! U nafu ħbieb l-għaliex. Għax is-sena li għadha kemm għaddiet minn fuqna ma tantx ħallitilna togħma tajba fuq fomm qalbna, moħħna u ruħna. Anzi! Irrid ngħid li nikktitna bil-bosta! Ħadd u ħadd ma jista’ jagħlaq għajnejh, lanqas għal waqt wieħed, għall-uġiegħ li għaddejna minnu u li għadna għaddejjin minnu f’din il-pandemija misħuta tal-coronavirus. Is-sena li għaddiet urietna biċ-ċar li aħna m’għandniex il-kontroll assolut tal-ħajja. Aktar minhekk, is-sena li għaddiet urietna kemm aħna fraġli, dgħajfa u immorru mix-xejn.
Min jista’ jinsa’ l-uġiegħ kbir ta’ ħafna nies li ġew infettati bil-virus madwar id-dinja? Li, in-numru tagħhom, ilaħħaq il-miljuni? Min jista’ jinsa’ il-persuni li mietu bil-coronavirus? U li, dawn il-persuni, bħalna għax tad-demm u l-laħam, mietu waħedhom? U, ħafna drabi, mietu mingħajr lanqas biss sellmu lill-għeżież tagħhom? Min jista’ iwarrab il-fatt li ħafna persuni spiċċaw bla xogħol li minnu kienu qed iħallsu d-dejn li għamlu mal-banek? U issa x’se jagħmlu? Issa li ġew lampa stampa? Kif se jaqtgħu dak id-dejn kollu? Minfejn se jġibu dawk il-flus? Kif se jiskwerjaw kollox? Fuq kollox, min jista’ jinsa’ il-vittmi tal-abbuż domestiku ta’ kull xorta li għaddej tul il-pandemija? Meta problemi li kienu ilhom midfuna s-snin u t-tattika tal-evitar tal-persuni issa, minħabba r-restrizzjonijiet tal-pandemija, ġabet lill-persuni flimkien, u jħokku ma’ xulxin, issa inbeżqu fil-wiċċ? U n-nies jibdew jinfaqgħu ma’ xulxin? U, bħall-vulkan, tibda’ ħierġa l-lava tbaqbaq ta’ kull materjal u gass velenuż ta’ korla li ilha tinħema għal snin sħaħ?
Din hi l-pandemija ħbieb. Jew aħjar, il-wiċċ ikrah tal-pandemija li ilkoll nafu. Madankollu, nistgħu ngħidu li l-pandemija hi biss dan il-wiċċ ikrah ta’ persuni mqabbda ma’ ventilatur u nies li tilfu x-xogħol? Jew inkella nies li ġew imġegħla jilbsu l-maskra l-għaliex kurun jagħmilhielhom? Għax kurun, milli jidher, donnu li ma jaħfirha lil ħadd? Anzi u bil-provi! Jaf jitħallas u jivvendika ruħu? Insejna li n-natura ħadet ir-ruħ meta kien hemm il-lockdown? U kemm l-arja li nieħdu ġiet aktar nadifa? Insejna kemm annimali stajna aktar napprezzaw l-għaliex, meta irtirajna fi djarna bħala bnedmin resqu huma lejna? U xi ngħidu mbagħad għall-emissjonijiet ta’ gassijiet li jagħmlu ħsara lill-ambjent? Intbaħna kemm dawn naqsu meta aħna qagħdna ftit kwieti?
Barra minhekk, il-covid-19 ġabet ġid sieket li min jaħdem man-nies żgur li ntebaħ bih! Kemm hawn persuni li, minn mindu faqqgħet il-pandemija, qed jirrealizzaw kemm kienu boloħ fil-ħajja! Kemm taw aktar importanza lix-xogħol milli r-relazzjoni tagħhom mal-Mulej! Jiġifieri, u minħabba d-deadlines tax-xogħol, kienu huma li waħħlu d-deadline fir-relazzjoni tagħhom mal-Mulej, Sid il-ħajja (2 Mak 14:46) li jħobbhom bi mħabba bla bidu u bla tmiem! U, l-għaliex din ir-relazzjoni tar-relazzjonijiet bdiet sejra lura bis-sigħat, bil-minuti u bis-sekondi, anki r-relazzjoni tagħhom ma’ dawk ta’ madwarhom bdiet sejra lura! L-għaliex bdew jaħtfu lil xulxin fuq ħaġa ta’ xejn! U, minflok li bdew jikbru u jissaħħu fil-ħniena u l-mogħdrija aktar bdew jissaħħu fil-ġlied, fl-antagoniżmu u fil-pika!
Kemm, tul is-sena li għaddiet, il-kelma pandemija kellha konnotazzjonijiet koroħ hux! U kemm, anki biss għal din ir-raġuni, nixtiequ li, int u jien, ninsew xi ftit, almenu għal nitfa ta’ sekondi, l-effetti diżażtrużi li kellha fuqna s-sena 2020. Allura issa, li bdejna sena ġdida, is-sena 2021, int u jien x’nixtiequ tassew minnha? X’nixtiequ li tagħtina? X’nixtiequ li nibbenifikaw minnha? Fis-skiet tiegħi, f’dan il-jum hekk sabiħ tal-ewwel tas-sena, nasal ngħid dan: mhux li kien li din is-sena tkun maħkuma mill-pandemija! Imma mhux dik ta’ biża’, konfużjoni u qtiegħ il-qalb! Le! Din it-tip ta’ pandemija ma rriduhiex! M’għandniex x’nambuha! Għax doqnieha biżżejjed matul din is-sena li għadha kemm ħallietna!
Għall-kuntrarju, aħna rridu tip ieħor ta’ pandemija! Aħna irridu li jkollna pandemija ta’ faraġ u ta’ sliem! Pandemija ta’ mħabba u sabar! Pandemija ta’ solidarjetà lejn min hu fqir mhux biss fil-flus imma, u fuq kollox, fl-imħabba! Irridu pandemija ta’ maħfra u ta’ rikonċiljazzjoni! Irridu pandemija ta’ għaqal u għarfien! Irridu pandemija ta’ dixxerniment u ta’ kif problema ħa nsolvuha u mhux aktar kif ħa nissuktaw nitfgħulha l-melħ biex iżjed indennuha! Irridu pandemija li tiddefendi l-ħajja umana mit-tnissil sat-tmiem naturali tagħha! Irridu pandemija li tikkura lix-xjuħ tagħna u mhux tqishom skart għas-soċjetà! Irridu, fuq kollox, pandemija ta’ talb u fedeltà fis-sejħat differenti tagħna! Irridu pandemija ta’ qrar, smiegħ tal-quddiesa, talb tar-Rużarju u tal-Kurunella tal-Ħniena Divina! Irridu pandemija ta’ aktar kura u viżti lill-morda tagħna u anki lil min żbalja u qiegħed iħallas għall-iżbalji tiegħu u tagħha! Għax jekk din it-tip ta’ pandemija nilbsulha l-maskra tal-egoiżmu u l-visor tal-indifferenza kif dan il-virus ta’ fejqan jista’ qatt jidħol fina u jibdilna fih? Jekk lil dan il-virus tal-fejqan se nibqgħu naħslulu jdejna bl-alkoħol tal-gideb, tal-malafama, b’li wieħed jieħu vantaġġ b’min qiegħed bħalissa jbati biex jistagħna hu minn fuq dahar il-fqir, bil-qalb iebsa ta’ min il-flus tant għamewh li lest li jbiegħ ruħu stess lix-xitan, allura, b’dan kollu, fejn se naslu? Mhux li jkollna replika bħal, u forsi tant u tant agħar, minn dik tas-sena 2020?
Int u jien irridu nkunu biex nagħmlu din is-sena 2021, li għadna kemm bdejna illum, sabiħa! Int u jien online irridu nippowstjaw il-ġid u mhux il-mibegħda fil-lingwaġġ! Int u jien irridu nkunu mhux biss biex nilbsu l-maskra u l-visor kontra l-coronavirus imma wkoll f’li niftħu qalbna beraħ biex nisimgħu lil xulxin! Ħadd ma jista’ isolvi l-problemi ta’ ħadd. Imma, u jekk almenu nisimgħu ftit lil xulxin diġà inkunu mxejna biċċa sewwa fit-triq tal-progress sħiħ tagħna bħala bnedmin, Insara u nies li qed jgħixu skont il-prinċipji ta’ dak li hu sewwa u ġust. Ejjew inħallu din is-sena l-ġdida, is-sena 2021, tagħmilna aktar solidali ma’ xulxin u ma’ dawk ukoll li huma ‘il bogħod minna! Wara kollox, aħna ħolqa f’katina waħda tal-ħolqien!
Għalhekk, ja Mulejja, Laudato Sì! U, minn qiegħ qalbi, nawgura s-Sena t-Tajba mimlija paċi, imħabba, u ħniena lil kulħadd, l-aktar lil min qed ibati fis-skiet!
Patri Mario Attard OFM Cap