3 ta’ Frar. SAN BJAĠJU, (BLAS), ISQOF U MARTRI
Tifkira
San Bjaġju twieled fis-seklu erbgħa. Ftit nafu fuq il-ħajja tiegħu iżda lejn is-seklu tmienja bdew jinbtu leġġendi dwar ħajtu fil-martirjoloġiji ta’ dak iż-żmien u oħrajn ta’ aktar tard. Dawn jgħidulna li Bjaġju twieled għand familja għanja u nobbli Nisranija. Jingħad li kien tabib iżda n-nies ta’ Sebaste, fl-Armenja, għażluh bħala Isqof tagħhom. Kif kien għadu kemm sar Isqof, bdiet il-persekuzzjoni kontra l-Insara. Fl-aħħar hu inagħta l-martirju fis-sena 316 bil-qtugħ tar-ras fi żmien l-imperatur Liċinju.
Fl-Uffiċċju tal-qari
Lezzjoni II
Qari mid-Diskorsi tal-isqof Santu Wistin
(Sermo Guelferbytanus,* 32, De ordinatione episcopi)
Bati għan-nagħaġ tiegħi
Bin il-bniedem ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi, u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra. Araw kif il-Mulej qeda, araw kif iridna nkunu qaddejja tiegħu. Ta ħajtu b’fidwa għall-kotra: fdiena.
Min minna jista’ jifdi ’l xi ħadd? Kien hu li fdiena mill-mewt bid-demm u l-mewt tiegħu; huwa ċċekken biex jerfa’ lilna mill-waqgħa. Iżda jenħtieġ li aħna wkoll nagħtu s-sehem ċkejken tagħna għall-membri tiegħu, għax aħna sirna membri tiegħu; hu r-ras, u aħna l-ġisem.
L-Appostlu San Ġwann fl-ittra tiegħu jħeġġiġna biex nimxu fuq 1-eżempju tal-Mulej. Għax il-Mulej qal: Min fostkom irid ikun kbir, għandu jkun qaddej tqgħkom. Hekk ukoll Bin il-bniedem; hu ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi, u biex jagħti ħajtu b’fidwa għall-kotra. Ġwanni għamlilna l-qalb biex insiru nixbhu lill-Mulej u qalilna: Kristu ta ħajtu għalina; aħna wkoll mela għandna nagħtu ħajjitna għall-aħwa.
Il-Mulej, wara li qam mill-imwiet, qal lil Pietru: Pietru, tħobbni? Dak wieġbu: Inħobbok. Staqsieh l-istess għal tliet darbiet, u dak wieġbu l-istess għal tliet darbiet. U l-Mulej qallu u tennielu għat-tieni u t-tielet darba: Irgħa n-nagħaġ tiegħi.
Kif se turini li tħobbni, jekk mhux billi tirgħa n-nagħaġ tiegħi? X’tista’ tagħti lili int bi mħabbtek, meta tistenna kollox minni? Mela biex imħabbtek għalija tagħmilli xi ħaġa, hawn, ħa: irgħa n-nagħaġ tiegħi.
Għal darba, tnejn, tlieta: Tħobbni? Inħobbok. Irgħa n-nagħag tiegħi. Tliet darbiet ċaħdu għax beża’, tliet darbiet stqarru għax ħabbu.
Pietru wieġeb u stqarr imħabbtu, u b’hekk ikkundanna u warrab il-biża’ tiegħu. Għal tliet darbiet il-Mulej ħallielu f’idejh in-nagħaġ tiegħu, u minnufih żied jgħidlu: Meta kont żagħżugħ, kont titħażżem waħdek u tmur fejn trid; imma meta tixjieħ, ħaddieħor iħażżmek u jieħdok fejn ma tridx. Dan qalu biex juri b’liema mewta kien sejjer jagħti glorja lil Alla. Xandarlu s-salib tiegħu, ħabbarlu l-passjoni tiegħu minn qabel.
Il-Mulej sa hawn ried jasal; u qallu: Irgħa n-nagħaġ tiegħi: bati għan-nagħaġ tiegħi.
RESPONSORJU
Fil 1:20; Salm 68(69):21
1. Ma jkolli xejn mniex nistħi, * Imma għandi fiduċja li Kristu jkun imsebbaħ fil-ġisem tiegħi, sew jekk ngħix u sew jekk immut.
2. It-tagħjir qasamli qalbi u fnieni. * Imma għandi fiduċja li Kristu jkun imsebbaħ fil-ġisem tiegħi, sew jekk ngħix u sew jekk immut.
Talba
Agħti widen, Mulej, lill-poplu tiegħek fit-talb li bil-ħerqa qiegħed jagħmillek bl-għajnuna tal-martri San Bjaġju; agħtina l-hena tal-paċi fi żminijietna, u għinna fit-triq tal-ħajja ta’ dejjem. B’Ibnek.