27 ta’ Jannar. SANT’ ANĠELA MERIĊI, VERĠNI
Tifkira
Twieldet għall-ħabta ta’ 1-1470 f ’Desenzano, fl-istat ta’ Venezja. Daħlet terzjarja ta’ San Franġisk, ġabret xi xbejbiet magħha u ħarrġithom fl-opri ta’ karità. FI-1535 fi Brescia, waqqfet kongregazzjoni reliġjuża għan-nisa, li semmietha għal S. Ursla, bil-ħsieb li tingħata trobbija nisranija lit-tfajliet fqar. Hija mietet fl-1540.
Fl-Uffiċċju tal-qari
LEZZJONI II
Qari mit-Testment spiritwali ta’ Sant’Anġela Meriċi, verġni
Qassam kollox bil-ħlewwa
Ħuti l-aktar għeżież fi Kristu Ġesù, intom li għandkom f’idejkom it-tmexxija tal-oħrajn, qabel xejn fittxu bil-ħila u l-ħerqa kollha tagħkom biex, bl-għajnuna ta’ Alla, tnisslu fikom il-fehma tajba li dan l-uffiċċju tat-tmexxija tilqgħuh biss għall-imħabba ta’ Alla u b’xewqa mħeġġa għas-salvazzjoni tal-erwieħ.
B’hekk biss it-tmexxija tagħkom troddilkom frott tajjeb u sħiħ, jiġifieri, jekk ikollha l-għeruq u s-sisien tagħha f’dawn iż-żewġ preċetti tal-imħabba. Is-Salvatur tagħna qal: Ma tistax siġra tajba tagħmel frott ħażin.
Siġra tajba, qal, jiġifieri qalb tajba, ruħ imħeġġa bl-imħabba, ma tistax tagħmel ħlief opri tajba u qaddisa. Għalhekk Santu Wistin kien jgħid: Ħobb, u agħmel li trid; jiġifieri, qis li jkollok l-imħabba u l-għożża, u mbagħad agħmel li trid; donnu jgħid ċar u tond: L-imħabba ma tistax tidneb.
Nitlobkom ukoll biex tirrispettaw lil kull waħda minn uliedkom, iżżommuhom ilkoll qishom minquxin f’qalbkom, mhux ismijiethom biss, iżda l-kondizzjoni u l-istat ta’ kull waħda minnhom. Din ma tkunx ħaġa tqila għalikom jekk tassew tkunu tgħożżuhom bi mħabba ħajja.
L-omm naturali, mqar jekk uliedha jkunu elf, kull wieħed minnhom ikun biċċa minn qalbha, u qatt mhi se tinsa lil xi ħadd minnhom, għax l-imħabba tagħha għalihom hi tassew fuq li tassew. Anzi donnha li, aktar ma jkollha wlied, aktar iżżid fl-imħabba u l-ħsieb għal kull wieħed minnhom. Għalhekk, mela, dawk li huma ommijiet spiritwali aktar jistgħu u jmisshom iġibu ruħhom hekk, għax l-imħabba spiritwali hi aqwa minn dik li tiġi mill-ġibda tad-demm.
Mela, għeżież tiegħi, jekk tkunu tħobbu lil uliedkom bi mħabba ħajja u sinċiera, ma jistax ikun li ma żżommuhomx miktubin f’moħħkom u minquxin f’qalbkom ilkoll kemm huma u kull waħda minnhom.
Nerġa’ ngħidilkom: agħmlu kemm tistgħu biex tiġbduhom lejkom bl-imħabba, bil-modestja u bl-għożża tagħkom, u mhux bis-suppervja u l-ħruxija. Imxu ma’ kulħadd bi spirtu ta’ ferħ, għax hekk jenħtieġ, kif qalilna l-Mulej: Tgħallmu minni, għax jiena ta’ qalb ħelwa u umli. L-Iskrittura tgħidilna li Alla qassam kollox bil-ħlewwa; agħmlu bħalu intom ukoll, Ġesù qal: Il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif.
Għaldaqshekk intom ukoll imxu bil-ħlewwa kollha b’kull mod u ma’ kulħadd. Fuq kollox iftħu għajnejkom li, meta tordnaw xi ħaġa, ma ġġagħlux lil min jagħmilha bilfors: għax Alla żejjen lil kulħadd bid-don tal-libertà, u hu ma jġiegħel lil ħadd, imma jfisser, isejjaħ, jipperswadi. Tassew li xi drabi jkollna nħaddmu iżjed is-setgħa tagħna; u dan, ma għandniex xi ngħidu, isir kif imiss u skond l-istat u l-ħtieġa personali; iżda wkoll meta nagħmlu dan, jenħtieġ li nkunu mqanqlin biss mill-imħabba u l-ħeġġa tal-erwieħ.
RESPONSORJU
Ef 5:8-9; Mt 5:14,16
1. Intom dawl fil-Mulej: imxu ta’ wlied id-dawl li intom. * Frott id-dawl jinsab f’kull ma hu tjieba, f’kull ma hu ġustizzja, f’kull ma hu sewwa.
2. Intom id-dawl tad-dinja: ħa jiddi d-dawl tagħkom quddiem il-bnedmin; * Frott id-dawl jinsab f’kull ma hu tjieba, f’kull ma hu ġustizzja, f’kull ma hu sewwa.
Talba
Agħtina, Mulej, li l-verġni Sant’Anġela Meriċi ma tieqaf qatt tirrikkmandana lill-ħniena tiegħek, biex; fuq l-eżempju tal-imħabba u l-għaqal tagħha, iseħħilna nħarsu t-tagħlim tiegħek u nistqarruh bl-imġiba kollha tagħna. B’Ibnek.