Lezzjoni II: San Rajmond De Penyafort


7  ta’ Jannar. SAN RAJMOND DE PENYAFORT, SAĊERDOT

Tifkira

San Rajmond twieled f’Katalonja, Spanja, fl-1175, għand familja prominenti.  Kien intelliġenti ħafna, u ta’ għoxrin sena kien ġa beda jgħallem il-filosofija f’Barċellona. Fl-1219, laħaq Kanonku tal-Katidral u Vigarju tad-djoċesi.  Fl-1222 daħal fl-Ordni Dumnikan. Il-Papa Girgor IX qabbdu jiġbor fi ktieb wieħed id-digrieti kollha tal-Papiet. Huwa nħatar Majjistru Ġenerali tal-Ordni tiegħu. L-aqwa fost l-opri miktuba minnu hija s-Summa casuum, opra ta’ fejda biex wieħed jamministra s-sagrament tal-Qrar sewwa u bil-frott. Kien hu li ħajjar lil San Tumas ta’ Aquino biex jikteb is-”Summa Contra Gentiles”.  Irreżenja minn Ġeneral fl-1240, meta kellu 65.  Miet fis-6 ta’ Jannar 1275, fl-eta’ ta’ mitt sena.

Fl-Uffiċċju tal-Qari

LEZZJONI II

Qari minn Ittra ta’ San Rajmond de Penyafort, saċerdot

(Monumenta Ord. Præd. Hist. 6:2)

Alla tal-imhabba u l-paċi jżommilkom qlubkom fis-sliem

San Pawl, li xandar il-verità, ma qalx kliem b’ieħor imma kien qiegħed jgħid is-sewwa meta qal li dawk kollha li jridu jgħixu ħajja tajba fi Kristu Ġesu jgħaddu mill-persekuzzjoni. Ladarba hu hekk, jidhirli li ħadd ma jista’ jaħrab minn din ir-regola ġenerali ħlief min ma jridx jew ma jagħrafx jgħix bir-rażna u l-ġustizzja u t-tjieba f’dan iż-żmien.

Intom, iżda, jalla ma tkunux minn dawk li għandhom darhom fis-sliem, kwieti u żguri, dawk li l-Mulej ma jmisshom qatt bl-għasluġ tiegħu, biex imbagħad ħabta u sabta jmorru fit-telfien.

Intom safja u tajba f’ħajjitkom, lil Alla togħġbuh u hu jħobbkom; u għalhekk jistħoqqilkom u tinħtieġu li tissaffew iżjed u titnaddfu b’daqqiet ta’ sikwit, sa ma titneħħa minnkom l-iċken tebgħa. U mqar jekk xi drabi Alla jidrobkom bis-sejf tiegħu darbtejn jew tlieta iżjed, dan ukoll għandkom tqisuh bħala ferħ u xhieda ta’ mħabbtu.

Is-sejf ta’ żewġt ixfar huwa t-taqbid minn barra u l-biża’ minn ġewwa

Minn ġewwa s-sejf jolqotna darbtejn jew tlieta iżjed meta x-xitan ħajjen iħawwdilna qiegħ qalbna bil-qerq u t-tħajjir tiegħu: taħbit bħal dan diġà għaddejtu minnu, u tafu biżżejjed xinhu, għax inkella ma kontux taslu f ’dak il-mistrieħ tas-sliem u l-heda tar-ruħ li qegħdin iġġarrbu. 

Minn barra s-sejf jolqotna darbtejn jew tlieta iżjed meta l-Knisja ssib min għal xejn b’xejn iħabbatha f’dak li jmiss il-ħwejjeġ spiritwali, fejn il-ġerħat ikunu eħrex l-aktar jekk isiru mill-ħbieb.

Dan hu s-salib ta’ Kristu, salib li jmissu jkun ix-xewqa u l-hena tagħna, kif kien għal Sant’Andrija li laqgħu ta’ raġel u bil-ferħ; bih biss għandna niftaħru, kif jgħallimna San Pawl, l-għodda magħżula ta ’ Alla.

Ħarsu mela lejn Ġesù, li minnu tibda u bih tissaħħaħ il-fidi tagħna; hu, bla ħtija ta’ xejn, sofra ħafna minn niesu u għaddewh mal-midinbin. Ixorbu mill-kalċi mfawwar ta’ Sidna Ġesù, u roddu ħajr lill-Mulej u jqassmilna kull ġid b’idejh miftuħa.

U Alla tal-imhabba u l-paċi jżommilkom qalbkom fis-sliem, u jħaffef il-mixi tagħkom, billi jħariskom u jkenninkom mit-tnassis tal-bnedmin f’din il-ħajja sa ma jdaħħalkom u jħawwilkom f’dik l-art mimlija b’kull ġid, fejn tibqgħu għal dejjem fil-mistrieħ u s-sliem, l-għamara qawwija, u fil-ferħ ta’ kull għana għal dejjem.

RESPONSORJU

1. Bid-dija tal-għerf tiegħu dawwal lil dawk li kienu jinsabu fid-dlamijiet: * U bil-ħeġġa ta’ mħabbtu seħħlu jifdi lil dawk li kienu miżmuma fl-għaks u l-ktajjen.

2. Ħareġ lill-mitlufin minn triq il-ħażen, ħeles lill-foqra minn id is-setgħana. * U bil-ħeġġa ta’ mħabbtu seħħlu jifdi lil dawk li kienu miżmuma fl-għaks u l-ktajjen.

Talba

O Alla, int żejjint bil-virtù tal-ħniena lis-saċerdot San Rajmond de Penyafort, magħruf għal ħidma tiegħu ta’ ġid mal-midinbin u l-ilsiera; bit-talb tiegħu agħtina l-grazzja li neħilsu mill-irbit u l-jasar tad-dnub biex nagħmlu dak kollu li jogħġob lilek. B’Ibnek.